21.2.2009
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 44/26
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sächsisches Finanzgericht (il-Ġermanja) fil-5 ta' Novembru 2008 — Ingenieurbüro Eulitz GbR Thomas und Marion Eulitz vs Finanzamt Dresden I
(Kawża C-473/08)
(2009/C 44/43)
Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż
Qorti tar-rinviju
Sächsisches Finanzgericht
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Ingenieurbüro Eulitz GbR Thomas und Marion Eulitz
Konvenuta: Finanzamt Dresden I
Domandi preliminari
1)
Is-servizzi mogħtija, bħala għalliem u eżaminatur, minn inġinier iggradwat f'istitut edukattiv stabbilit bħala assoċjazzjoni rregolata mid-dritt privat, fi ħdan korsijiet li jintemmu b'eżami u li l-parteċipanti fihom diġà jkollhom, għall-inqas, kwalifiki ta' perit jew inġinier miksubin minn stabbiliment universitarju jew stabbiliment ekwivalenti, jikkostitwixxu “edukazzjoni ta' l-iskola jew ta' l-università” fis-sens tal-Artikolu 13A(1)(j) tad-Direttiva 77/388/KEE (1)?
2)
Persuna li tissodisfa r-rekwiżiti biex tkun għalliema li tgħallem “privatament” fis-sens tad-dispożizzjoni ċċitata fil-punt 1 hija eskluża minn din il-kategorija meta
—
titħallas (totalment jew parzjalment) għall-korsijiet tagħha anki jekk ebda parteċipant ma jkun irreġistra għall-kors ikkonċernat, iżda tkun diġà għamlet xi xogħol preparatorju, jew
—
tkun responsabbli biex, ripetutament u kontinwament, għal perijodu twil, tagħti s-servizzi inkwistjoni bħala għalliema u eżaminatriċi, jew
—
minbarra x-xogħol tagħha ta' tagħlim veru u proprju, tkun kisbet pożizzjoni importanti, fuq livell professjonali u/jew organizzattiv, meta mqabbla mal-għalliema l-oħra tal-kors inkwistjoni?
Għandu jiġi kkunsidrat li teżisti tali esklużjoni meta jkun sodisfatt wieħed biss minn dawn il-kriterji, jew biss meta jkunu sodisfatti tnejn minnhom jew it-tlieta li huma?
(1) ĠU L 145, p. 1.
Full & Egal Universal Law Academy