7.2.2009
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 32/13
Rikors ippreżentat fl-4 ta' Novembru 2008 — Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs Ir-Renju tal-Belġju
(Kawża C-474/08)
(2009/C 32/21)
Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż
Partijiet
Rikorrenti: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (rappreżentanti: M. Patakia u B. Schima, aġenti)
Konvenut: Ir-Renju tal-Belġju
Talbiet tar-rikorrenti
—
tikkonstata li,
peress li ma pprovdiex li każijiet ta' rifjut ta' aċċess għan-netwerk ta' distribuzzjoni jew ta' trasport jistgħu jitressqu quddiem l-awtorità regolatorja li għandha tiddeċiedi permezz ta' deċiżjoni vinkolanti fi żmien xahrejn, skont l-Artikolu 23(5) tad-Direttiva 2003/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta' Ġunju 2003, dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li tħassar id-Direttiva 96/92/KE (1),
peress li neħħa ċerti elementi determinanti għall-kalkolu tat-tariffi mill-kompetenzi tal-awtorità regolatorja previsti fl-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2003/54/KE,
ir-Renju tal-Belġju naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-imsemmija direttiva;
—
tikkundanna lir-Renju tal-Belġju għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Il-Kummisjoni ssostni, fl-ewwel lok, li ma kienx hemm traspożizzjoni, fid-dritt Belġjan, tal-Artikolu 23(5) tad-Direttiva 2003/54/KE. Id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi Belġjana li jirrigwardaw l-organizzazzjoni tas-suq tal-elettriku huma fil-fatt tant ġenerali li ma jippermettux li jiġi ddeterminat b'ċertezza jekk jeżistix dritt ta' appell individwali mid-deċiżjonijiet ta' rifjut ta' aċċess għan-netwerk ta' distribuzzjoni jew ta' trażmissjoni tal-elettriku. B'mod partikolari, dawn id-dispożizzjonijiet ma jistabbilixxu ebda qafas speċifiku ta' proċedura u ma jipprevedu ebda terminu fir-rigward tar-risposta tal-awtorità ta' regolazzjoni, f'dan il-każ il-Kummissjoni nazzjonali ta' regolazzjoni tal-elettriku (CRE).
Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tikkritika lill-konvenut li kiser l-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2003/54/KE inkwantu kkonferixxa lir-Re, jew lil awtorità oħra għajr is-CRE, is-setgħa li jiffissa regoli partikolari li jikkonċernaw id-deprezzamenti u l-marġni ta' profitt relatati mal-investimenti ta' interess nazzjonali u ta' interess Ewropew. Din il-proċedura mhijiex kompatibbli mal-artikolu iċċitat iktar 'il fuq, peress li ma jidhirx li l-awtorità ta' regolazzjoni għandha, f'dawn iż-żewġ ipoteżijiet, influwenza fuq il-metodoloġiji użati għall-kalkolu jew l-iffissar tat-tariffi tat-trażmissjoni u tad-distribuzzjoni.
(1) ĠU L 176, p. 37.
Full & Egal Universal Law Academy