24.1.2009
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 19/15
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale Amministrativo Regionale per la Sicilia (l-Italja) fis-6 ta' Novembru 2008 — Dow Italia Divisione Commerciale srl vs Ministero Ambiente e Tutela del Territorio e del Mare et
(Kawża C-479/08)
(2009/C 19/25)
Lingwa tal-kawża: It-Taljan
Qorti tar-rinviju
Tribunale Amministrativo Regionale per la Sicilia
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Dow Italia Divisione Commerciale srl
Konvenut: Ministero Ambiente e Tutela del Territorio e del Mare et
Domandi preliminari
1)
Il-prinċipju “min iniġġes iħallas” jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, b'mod partikulari, l-Artikolu 2050 tal-Kodiċi Ċivili, li fil-każ fejn diversi operaturi industrijali joperaw fl-istess sit imniġġes, jippermetti lill-Awtorità Pubblika li timponu fuqhom l-oneru tad-dekontaminazzjoni tas-sit ikkonċernat, mingħajr ma tivverifika individwalment u preċedentement ir-responsabbiltà rispettiva tagħhom għat-tniġġis jew, fi kwalunkwe każ, sempliċiment minħabba l-fatt li jippossjedu l-mezzi ta' produzzjoni, jinsabu f'sitwazzjoni li tobbligahom jassumu dan l-oneru u konsegwentement huma oġġettivament responsabbili għall-ħsara li joħolqu lill-ambjent, jew inkella, għandhom fi kwalunkwe każ, ikunu obbligati jirrijabilitaw iż-żona estiża madwar is-sit ikkonstatat bħala mniġġes, indipendentement minn jekk ikunux ikkawżaw it-tniġġis materjalment u mill-parti tar-responsabbiltà imputabbli lilhom?
2)
Skont il-prinċipju “min iniġġes iħallas”, l-Amministrazzjoni tista' teżiġi li l-ispejjeż għall-miżuri ta' sigurtà, dekontaminazzjoni u rijabilitazzjoni tal-ambjent jitħallsu mill-persuni stabbiliti fiż-żoni mniġġsa, mingħajr ma tkun aċċertata minn qabel l-eżistenza ta' rabta kawżali bejn l-attività tagħhom u t-tniġġis ikkonstatat?
3)
Skont il-prinċipju “min iniġġes iħallas” u l-prinċipju ta' proporzjonalità, jista' jiġi impost fuq il-persuni stabbiliti fiż-żoni mniġġsa, li jieħdu azzjoni li la hija direttament marbuta u lanqas proporzjonata mal-kontribuzzjoni individwali ta' kull waħda minnhom?
4)
Skont il-prinċipju “min iniġġes iħallas” u l-prinċipju ta' proporzjonalità, jistgħu jiġu imposti fuq persuni li ma kkontribixxewx għall-emissjoni tas-sustanzi li jniġġsu fl-ambjent, obbligi marbuta ma' miżuri ta' sigurtà, dekontaminazzjoni u rijabilitazzjoni tal-ambjent, kif ukoll l-ispejjeż u teħid ta' azzjoni li jkunu ekwivalenti, jekk mhux saħansitra identiċi, għal dawk imposti fuq il-persuni li, bil-kontra, ikunu fil-fatt ikkontribixxew għall-emissjoni tas-sustanzi li jniġġsu fl-ambjent?
5)
Skont il-prinċipju “min iniġġes iħallas” u l-prinċipju ta' proporzjonalità, l-Amministrazzjoni tista' timponi t-teħid ta' azzjoni, meta ma tkun saret l-ebda evalwazzjoni ta' kemm huma xierqa s-soluzzjonijiet imposti fid-dawl tas-sagrifiċċju tal-impriża kkonċernata, u li għalhekk tikkostitwixxi miżuri iktar onerużi jew li jmorru lil hinn minn dawk li huma strettament neċessarji sabiex jintlaħaq l-għan li l-Awtorità hija marbuta tilħaq?
Full & Egal Universal Law Academy