1.5.2009
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 102/9
Rikors ippreżentat fl-21 ta’ Novembru 2008 – Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs Ir-Repubblika Slovakka
(Kawża C-507/08)
2009/C 102/12
Lingwa tal-kawża: Is-Slovakk
Partijiet
Rikorrenti: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (rappreżentanti: C. Giolito, J. Javorský u K. Walkerová, aġenti)
Konvenuta: Ir-Repubblika Slovakka
Talbiet tar-rikorrenti
—
tikkonstata li r-Repubblika Slovakka, billi ma eżegwietx id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta’ Ġunju 2006 dwar l-għajnuna mill-Istat C 25/05 (ex NN 21/2005) mogħtija mir-Repubblika Slovakka favur Frucona Košice a.s. [notifikata taħt in-numru C (2006) 2082 (1)], ma wettqitx l-obbligi tagħha taħt ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 249 tat-Trattat KE u tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni ċċitata iktar ’il fuq;
—
tikkundanna lir-Repubblika Slovakka għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Fid-deċiżjoni tagħha tas-7 ta’ Ġunju 2006 dwar l-għajnuna mill-Istat C 25/05 (ex NN 21/2005) mogħtija mir-Repubblika Slovakka favur Frucona Košice a.s., il-Kummissjoni ddeċidiet li l-miżuri li r-Repubblika Slovakka ħadet favur Frucona Košice a.s. jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 87(1) tat-Trattat KE u li din l-għajnuna mhijiex kompatibbli mas-suq komuni. Fl-istess ħin, hija ordnat lir-Repubblika Slovakka li tieħu l-miżuri neċessarji kollha sabiex tirkupra mingħand il-benefiċjarja l-għajnuna mill-Istat mogħtija illegalment.
Sa llum, l-għajnuna mogħtija lil Frucona ma ġietx rimborsata.
L-għajnuna mill-Istat ingħatat lil Frucona fil-forma ta’ annullament tad-dejn fiskali, li ġie approvat mill-qorti fil-kuntest ta’ proċedura ta’ ftehim mal-kredituri. Ir-Repubblika Slovakka ppruvat tirkupra l-għajnuna illegalment mogħtija fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja. Il-qorti tal-ewwel istanza ċaħdet ir-rikors, fost oħrjan, għar-raġuni li l-obbligu ta’ Frucona li tirrimborsa d-dejn tagħha lill-amministrazzjoni fiskali skada ex lege. Il-qorti tal-appell ikkonfermat is-sentenza tal-qorti tal-ewwel istanza, fost l-oħrajn, għar-raġuni li s-sentenza fuq il-ftehim mal-kredituri ma tistax tkun is-suġġett ta’ eżami peress illi, inkwantu res judicata, hija għandha tiġi osservata mill-organi kollha, inkluża l-qorti tal-appell, u li l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni tagħha, ma osservatx id-dispożizzjonijiet ta’ dritt intern li jirregolaw il-kunflitt bejn il-proċedura ta’ ftehim mal-kredituri u l-proċedura eżekuttiva.
Is-sentenzi taż-żewġ qrati jipprekludu l-eżekuzzjoni immedjata u effettiva tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni.
Mhuwiex biżżejjed li r-Repubblika Slovakka tuża l-mezzi kollha għad-dispożizzjoni tagħha. L-użu ta’ dawn il-mezzi għandu jwassal għall-eżekuzzjoni immedjata u effettiva tad-deċiżjoni, mingħajr ma r-Repubblika Slovakka tiġi meqjusa li naqset milli twettaq l-obbligi tagħha. In-nuqqas ta’ twettaq tal-obbligu ta’ rkupru tal-Istat Membru jiġi stabbilit meta l-passi meħuda mill-Istat Membru ma jkunux wasslu għal irkupru effettiv tas-somom dovuti.
(1) ĠU L 112, 30.4.2007, p. 14.
Full & Egal Universal Law Academy