21.2.2009
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 44/30
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Protodikeio Athinon, Tmima Ergatikon Diaforon fis-27 ta' Novembru 2008 — Archontia Koukou vs Elliniko Dimosio
(Kawża C-519/08)
(2009/C 44/50)
Lingwa tal-kawża: Il-Grieg
Qorti tar-rinviju
Protodikeio Athinon (Qorti ta' l-ewwel istanza ta' Ateni)
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrent: Archontia Koukou, residenti f'Ateni
Konvenut: Elliniko Dimosio (l-Istat Grieg), legalment irrapreżentat fil-ġudizzju mill-Ministri: a) tal-Kultura u b) tal-Ekonomija u Finanzi, b'sede f'Ateni.
Domandi preliminari
1)
Il-klawżola 5 tal-Ftehim Qafas dwar xogħol għal żmien fiss anness mad-Direttiva 1999/70/KE għandha tiġi interpretata fis-sens li s-sitwazzjoni, li fiha dawn il-kuntratti jsiru b'applikazzjoni ta' dispożizzjoni tal-liġi li tipprevedi l-konklużjoni ta' kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi ta' impjieg għal terminu fiss, tista' tikkostitwixxi raġuni oġġettiva għall-konklużjoni ta' kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi ta' impjieg għal terminu fiss, u dan indipendentement mill-fatt li fir-verità dawn il-kuntratti jkunu qegħdin jissodisfaw l-eżiġenzi permanenti u dewwiema ta' min qiegħed jimpjega?
2)
L-adozzjoni ta' kriterji oħra sabiex jiġi aċċertat l-abbuż, permezz ta' miżuri adottati biex jikkonformaw ruħhom mal-klawżola 5 tal-Ftehim Qafas dwar xogħol għal żmien fiss (pereżempju, it-tul massimu tal-kuntratti u n-numru ta' tiġdid li fih huwa permess l-impjieg anki jekk ma jkunx hemm raġuni oġġettiva li tiġġustifika l-konklużjoni jew it-tiġdid ta' kuntratti jew relazzjonijiet ta' impjieg għal terminu fiss) tikkostitwixxi, skont il-klawżola 8(3) tal-Ftehim Qafas, tnaqqis mhux permess tal-livell ġenerali ta' protezzjoni li kien jeżisti qabel id-Direttiva 1999/70/KE, meta wieħed jikkunsidra li, fis-sistema legali ta' qabel id-Direttiva 1999/70/KE, l-uniku kriterju biex jiġi aċċertat l-abbuż kien l-impjieg bil-kuntratt jew relazzjoni ta' impjieg għal terminu fiss mingħajr raġuni oġġettiva?
3)
L-adozzjoni ta' listi ġeneriċi u derogi illustrattivi, bħal dawk stabbiliti fid-dispożizzjoni permanenti tad-Digriet Presidenzjali Nru 164/2004, dwar il-limiti massimi ffissati bħala prinċipju għall-konklużjonijiet ta' kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi ta' impjieg għal terminu fiss, tikkostitwixxi, fis-sens tal-klawżola 5 tal-Ftehim Qafas dwar xogħol għal żmien fiss, miżura effettiva biex tipprevjeni l-abbuż li jirriżulta mill-użu ta' kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi ta' impjieg għal terminu fiss?
4)
Jistgħu jiġu kkunsidrati li huma miżuri effettivi għall-prevenzjoni tal-abbuż u l-protezzjoni mill-abbuż, fis-sens tal-klawżola 5 tal-Ftehim Qafas, miżuri bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, adottati fl-Artikolu 7 tad-Digriet Presidenzjali Nru 164/2004, jekk:
a —
huma jipprevedu, bħala mezz ta' prevenzjoni tal-abbuż u l-protezzjoni tal-ħaddiema impjegati għal terminu fiss, l-obbligu li min jimpjega iħallas ir-renumerazzjoni u l-“kumpens għal tkeċċija” fis-sitwazzjonijiet ta' impjieg abbużiv b'kuntratti suċċessivi ta' impjieg għal terminu fiss, fid-dawl tal-fatt li i) l-obbligu ta' ħlas tar-renumerazzjoni u l-“kumpens għal tkeċċija” huwa previst mid-dritt nazzjonali f'kull każ ta' relazzjoni ta' impjieg u ma għandux l-għan, b'mod partikolari, li jippreveni l-abbuż fis-sens tal-Ftehim Qafas, u ii) b'mod partikolari, l-obbligu ta' ħlas ta' “kumpens għal tkeċċija” fit-terminazzjoni tal-kuntratti jew relazzjonijiet ta' impjieg għal terminu fiss huwa l-konsegwenza tal-applikazzjoni tal-klawżola 4 tal-Ftehim Qafas, dwar in-non-diskriminazzjoni tal-ħaddiema għal terminu fiss meta mqabbla ma' ħaddiema permanenti?
b —
huma jipprevedu, bħala mezz ta' prevenzjoni tal-abbuż, l-applikazzjoni ta' sanzjonijiet lill-korpi kompetenti ta' min jimpjega, meta jiġi aċċertat li sanzjonijiet identiċi jew simili li kienu maħsuba fil-passat għas-settur pubbliku, kienu baqagħu ineffettivi għall-finijiet tal-prevenzjoni tal-abbuż permezz ta' kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi ta' impjieg għal terminu fiss?
5)
Miżuri bħal dawk adottati fl-Artikolu 11 tad-Digriet Presidenzjali Nru 164/2004, li daħal fis-seħħ fid-19 ta' Lulju 2004, jiġifieri wara t-terminu stabbilit mid-Direttiva 1999/70/KE, u li ngħata 3 xhur biss ta' retroattività, biex b'hekk jinkludi biss kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi ta' impjieg għal terminu fiss li saru wara d-19 ta' April 2004, u għalhekk jeskludi kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi ta' impjieg għal terminu fiss li baqgħu jiġi konklużi bħala suċċessivi anki wara li skada ż-żmien stabbilit għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 1999/70/KE u qabel id-19 ta' April 2004, jikkostitwixxu traspożizzjoni korretta tad-Direttiva 1999/70/KE fis-sistema legali Griega, anki jekk huma effettivi?
6)
Il-qorti għandha, fil-każ li jitqies li l-miżuri adottati fid-Digriet Presidenzjali Nru 164/2004 sabiex jadegwaw ruħhom mal-klawżola 5 tal-Ftehim Qafas mhumiex effettivi, fl-ambitu tal-obbligu tagħha ta' interpretazzjoni konformi mad-dritt Komunitarju, tapplika skont id-Direttiva 1999/70/KE id-dritt Grieg li kien jeżisti qabel id-Digriet Presidenzjali, li permezz tiegħu huwa possibbli li titwettaq il-protezzjoni tar-rikorrent mill-abbuż, b'mod li tintlaħaq l-eliminazzjoni tal-konsegwenzi ta' vjolazzjoni tad-dritt Komunitarju (kif ukoll tal-Artikolu 8(3) tal-liġi Nru 2112/1920)?
7)
Fl-ambitu tal-obbligu ta' interpretazzjoni tad-dritt Nazzjonali konformi mad-dritt Komunitarju, fil-każ li jitqies li l-miżuri adottati fid-Digriet Presidenzjali Nru 164/2004 mhumiex effettivi u tirriżulta applikabbli s-sistema legali preeżistenti (Artikolu 8(3) tal-liġi Nru 2112/1920), l-interpretazzjoni ta' regoli ġerarkikament superjuri mis-sistema legali nazzjonali (Artikolu 103(8) tal-Kostituzzjoni) fis-sens li jipprekludu b'mod assolut il-konverżjoni ta' kuntratti ta' impjieg għal terminu fiss f'kuntratti ta' impjieg permanenti, anki meta jirriżulta li dawn il-kuntratti fir-verità ġew konklużi b'mod abbużiv għaliex imsejsa fuq dispożizzjonijiet li jissodisfaw eżiġenzi straordinarji u, b'mod ġenerali, tranżitorji, meta minflok bihom ikunu ġew sodisfatti eżiġenzi permanenti u dewwiema ta' min iħaddem fis-settur pubbliku (ara Awli Maqgħuda tal-Areios Pagos Nru 19/2007 u Nru 20/2007), anki jekk hija possibbli interpretazzjoni li tgħid li din il-preklużjoni għandha tillimita ruħha biss għall-kuntratti ta' impjieg għal terminu fiss li kienu konklużi biex jissodisfaw eżiġenzi temporanji, mhux previsti, urġenti jew straordinarji u ma jirrigwardawx il-każijiet meta fir-verità ikunu ġew konklużi biex jissodisfaw eżiġenzi permanenti u dewwiema, huwa kompatibbli mad-dritt Komunitarju?
8)
Il-fatt li, wara d-dħul fis-seħħ tad-Digriet Presidenzjali Nru 164/2004, il-kwistjonijiet dwar impjieg għal terminu fiss u l-klawżola 5 tal-Ftehim Qafas jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni esklużiva tal-Qrati Ammininistrattivi, u b'hekk, b'mod partikolari jkun irrenda diffiċli, għall-ħaddiema għal terminu fiss, l-aċċess għall-protezzjoni ġudizzjarja meta wieħed jikkunsidra li, qabel l-adozzjoni tad-Digriet Presidenzjali Nru 164/2004, il-kawżi kollha dwar impjieg għal terminu fiss u l-klawżola 5 tal-Ftehim Qafas kienu jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-Qrati Ċivili bil-proċedura tal-kawżi tal-impjieg, li kienet iktar favorevoli għal dak li għandu x'jaqsam mar-rispett tal-proċedura, iktar sempliċi, inqas għolja għall-ħaddiema għal terminu fiss, u, bħala regola, iktar mgħaġġla, huwa kompatibbli mad-dritt Komunitarju?
Full & Egal Universal Law Academy