21.2.2009
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 44/34
Appell ippreżentat fit-3 ta' Diċembru 2008 mis-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza (il-Ħames Awla Estiża) mogħtija fl-24 ta' Settembru 2008 fil-Kawża T-20/03, Kahla/Thüringen Porzellan GmbH, sostnuta mill-Freistaat Thüringen u mill-Bundesrepublik Deutschland vs Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
(Kawża C-537/08 P)
(2009/C 44/56)
Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż
Partijiet
Appellanti: Kahla/Thüringen Porzellan GmbH (rappreżentanti: M. Schütte, S. Zühlke, u P. Werner, avukati)
Partijiet oħra fil-proċedimenti: Freistaat Thüringen, Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
Talbiet tal-appellanti
—
tannulla s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-24 ta' Settembru 2008 fil-Kawża T-20/03, Kahla/Thüringen Porzellan GmbH vs Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, sa fejn tikkonċerna l-miżuri 15 u 26 kif ukoll il-parti rigward l-ispejjeż;
—
tannulla l-Artikolu 1(2)(d) u (g) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/643/KE, tat-13 ta' Mejju 2003, dwar l-għajnuna mill-Istat li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja implementat favur l-impriżi Kahla Porzellan GmbH u Kahla/Thüringen Porzellan GmbH (1), kif ukoll l-Artikolu 2 ta' din id-deċiżjoni sa fejn jikkonċerna l-miżuri 15 u 26, u f'kull każ sa fejn jordna l-irkupru tal-miżuri 15 u 26;
—
sussidjarjament, tannulla s-sentenza appellata sa fejn huwa deċiż li l-benefiċċji għall-promozzjoni tal-impjieg għandhom jitqiesu, għall-ammont sħiħ, bħala vantaġġ għall-appellanti u għaldaqstant għandhom jitħallsu lura;
—
tikkundanna lill-konvenuta fl-ewwel istanza u lill-kontroparti fl-appell għall-ispejjeż.
Aggravji u argumenti prinċipali
Dan l-appell huwa mressaq kontra s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza li ċaħdet ir-rikors tal-appellanti kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/643/KE, tat-13 ta' Mejju 2003, dwar l-għajnuna mill-Istat li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja implementat favur l-impriżi Kahla Porzellan GmbH u Kahla/Thüringen Porzellan GmbH, sa fejn din id-deċiżjoni tirrigwarda l-għajnuna finanzjarja mogħtija favur Kahla/Thüringen Porzellan GmbH.
L-appellanti tibbaża ruħha fuq żewġ aggravji prinċipali u fuq aggravju sussidjarju. Hija tal-fehma li s-sentenza tikser id-dritt Komunitarju għaliex hija tapplika b'mod żbaljat il-prinċipji fundamentali taċ-ċertezza legali u tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tilqax dawn l-aggravji, ċerti konstatazzjonijiet fis-sentenza xorta waħda jiksru l-Artikolu 87(1) KE.
Fir-rigward tal-ewwel aggravju, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza kisret il-prinċipju taċ-ċertezza legali sa fejn tikkonstata li l-iskema ta' għajnuna awtorizzata mill-Kummissjoni, li tkopri l-programm favur l-investimenti minn impriżi żgħar u ta' daqs medju (SME), kienet tinkludi, sa mill-bidu, restrizzjonijiet rigward l-impriżi f'diffikultà u li l-iskema, awtorizzata mill-Kummissjoni u msemmija fl-Artikolu 249h tal-Arbeitsförderungsgesetz (Liġi għall-promozzjoni tal-impjieg, iktar 'il quddiem l-“AFG”), kienet, sa mill-bidu, teskludi l-impriżi privati mill-kamp ta' applikazzjoni tagħha.
Fir-rigward tat-tieni aggravju, il-Qorti tal-Prim'Istanza kisret il-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi sa fejn iddeċidiet li n-nuqqas ta' restrizzjonijiet espliċiti fil-verżjonijiet ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali, jew aċċessibbli b'mod ieħor għall-pubbliku, tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar l-awtorizzazzjoni tal-programm favur l-investimenti minn impriżi żgħar u ta' daqs medju u tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li l-Artikolu 249h tal-AFG ma jistabbilixxix għajnuna mill-Istat, ma setax jiġġustifika l-aspettattiva leġittima tal-appellanti li l-miżuri kienu legali u, għaldaqstant, li l-appellanti setgħet tkun mistennija li żżomm ruħha informata, billi tikkonsulta anki dokumenti li mhumiex aċċessibbli għall-pubbliku, dwar il-legalità tal-għajnuna.
Fl-aħħar nett, fir-rigward tat-tielet aggravju, li huwa sussidjarju, il-Qorti tal-Prim'Istanza kisret l-Artikolu 87 KE peress li hija ddeċidiet, mingħajr ma evalwat l-ekonomiji attwalment imwettqa mill-appellanti, li din kisbet, permezz tal-miżura inkwistjoni, vantaġġ rilevanti għall-finijiet tad-dritt dwar l-għajnuna mill-Istat ekwivalenti għall-ammont tal-għajnuna mogħtija.
(1) ĠU L 227, p. 12.
Full & Egal Universal Law Academy