7.3.2009
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 55/8
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Obersten Gerichtshof (l-Awstrija) fl-4 ta' Diċembru 2008 — Fokus Invest AG vs Finanzierungsberatung-Immobilientreuhand und Anlageberatung GmbH (FIAG)
(Kawża C-541/08)
(2009/C 55/13)
Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż
Qorti tar-rinviju
Obersten Gerichtshof
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Fokus Invest AG
Konvenuta: Finanzierungsberatung-Immobilientreuhand und Anlageberatung GmbH (FIAG)
Domandi preliminari
1)
L-Artikolu 25 tal-Anness I tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Konfederazzjoni tal-Iżvizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-moviment liberu tal-persuni (1) għandu jiġi interpretat fis-sens li t-trattament ugwali għat-trattament mogħti liċ-ċittadini nazzjonali previst fir-rigward tal-akkwist ta' proprjetà immobbli japplika biss għall-persuni fiżiċi u mhux għall-kumpanniji?
2)
Fil-każ ta' risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda:
Id-dispożizzjonijiet tal-Liġi ta' Vjenna dwar l-akkwist ta' proprjetà immobbli minn ċittadini barranin (Wiener Ausländergrunderwerbsgesetz, iktar 'il quddiem il-“WrAuslGEG”) li jeżiġu l-produzzjoni ta' ċertifikat ta' eżenzjoni mill-obbligu ta' awtorizzazzjoni fil-każ ta' akkwist ta' proprjetà immobbli minn kumpanniji barranin fis-sens tal-Artikolu 2(3) tal-WrAuslGEG (Artikoli 5(4) u 3(3) tal-WrAuslGEG), jikkostitwixxu restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital (Artikolu 56 KE) ammissibbli fir-rigward tal-Iżvizzera, bħala Stat terz, inkonformità mal-Artikolu 57(1) KE?
(1) ĠU L 2002, L 114, p. 6.
Full & Egal Universal Law Academy