7.3.2009
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 55/10
Appell ippreżentat fit-12 ta' Diċembru 2008 minn Agrar-Invest-Tatschl GmbH kontra s-sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Prim'Istanza (It-Tmien Awla) fit-8 ta' Ottubru 2008, fil-Kawża T-51/07, Agrar-Invest-Tatschl GmbH vs Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
(Kawża C-552/08 P)
(2009/C 55/16)
Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż
Partijiet
Appellanti: Agrar-Invest-Tatschl GmbH (rappreżentanti: U. Schrömbges u O. Wenzlaff, avukati)
Parti l-oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
Talbiet tal-appellanti
—
tannulla s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-Komunitajiet Ewropej, tat-8 ta' Ottubru 2008, fil-Kawża T-51/07, Agrar-Invest-Tatschl GmbH vs Il-Kummissjoni;
—
tannulla, skont kif mitlub fl-ewwel kap tat-talbiet tar-rikors tat-22 ta' Frar 2007 fil-Kawża T-51/07 quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza tal-Komunitajiet Ewropej, l-Artikolu 1(2) u l-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea C(2006) 5789 finali (REC 05/05), tal-4 ta' Diċembru 2006.
Aggravji u argumenti prinċipali
Dan l-appell huwa intiż kontra s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza li permezz tagħha ġie miċħud ir-rikors tal-appellanti kontra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea C(2006) 5789, tal-4 ta' Diċembru 2006, dwar id-dħul a posteriori fil-kontijiet tad-dazji fuq l-importazzjoni dovuti mill-appellanti għall-importazzjoni taz-zokkor mill-Kroazja.
Il-Qorti tal-Prim'Istanza bbażat iċ-ċaħda tar-rikors tal-appellanti fuq nuqqas ta' bona fide, li tikkostitwixxi waħda mill-erba' kundizzjonijiet kumulattivi sabiex id-dazji fuq l-importazzjoni ma jiddaħħlux fil-kontijiet a posteriori. Il-Qorti tal-Prim'Istanza ddikjarat li, skont il-ħames subparagrafu tal-Artikolu 220(2)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta' Ottubru 1993, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (iktar 'il quddiem il-“Kodiċi Doganali”), il-persuna responsabbli għall-ħlas ma tistax tinvoka l-bona fide tagħha meta, bħal fil-każ preżenti, il-Kummissjoni tkun ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali avviż lill-importaturi fejn tindika li jeżistu dubji fondati fir-rigward tal-applikazzjoni korretta ta' arranġamenti preferenzjali mill-pajjiż benefiċjarju. Lanqas mhuwa rilevanti l-fatt li l-appellanti aġixxiet in bona fide fir-rigward tal-konferma a posteriori tal-awtentiċità u tal-eżattezza taċ-ċertifikati ta' ċaqliq, peress li madankollu ma kinitx in bona fide fil-mument li fih twettqu l-importazzjonijiet.
Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tinvoka l-interpretazzjoni żbaljata min-naħa tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-ħames subparagrafu tal-Artikolu 220(2)(b) tal-Kodiċi Doganali. L-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Prim'Istanza hija vvizzjata bi żball ta' liġi peress li din tattribwixxi lill-avviż tal-Kummissjoni, li ġie ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali, dwar dubji fir-rigward tal-applikazzjoni korretta ta' arranġamenti preferenzjali mill-pajjiż benefiċjarju, effett ta' esklużjoni ta' bona fide saħansitra fil-każ fejn, bħal f'dak preżenti, iċ-ċertifikati inkwistjoni għall-applikazzjoni ta' arranġament preferenzjali kienu suġġetti, wara l-pubblikazzjoni tal-avviż ta' twissija, għal proċedura ta' kontroll li kkonfermat l-awtentiċità u l-eżattezza taċ-ċertifikati għall-applikazzjoni ta' arranġament preferenzjali.
Il-Qorti tal-Prim'Istanza injorat il-fatt li l-effett ta' avviż ta' twissija, li huwa stabbilit fil-ħames subparagrafu tal-Artikolu 220(2)(b) tal-Kodiċi Doganali, huwa limitat permezz tal-prinċipju ta' rikonoxximent ta' deċiżjonijiet ta' awtorità doganali ta' Stat terz fil-kuntest ta' sistema ta' kooperazzjoni amministrattiva. Id-dispożizzjoni tal-Kodiċi Doganali inkwistjoni tikkostitwixxi finzjoni legali ta' mala fide li tista' tiġi kkonfutata, tabilħaqq kif huwa l-każ hawnhekk, billi titwettaq proċedura ta' kontroll. Għalhekk, il-bona fide tal-appellanti ġiet stabbilita permezz tal-konferma a posteriori tal-awtentiċità u tal-eżattezza taċ-ċertifikati ta' ċaqliq, jiġifieri l-appellanti setgħet tistrieħ fuq il-fatt li d-dubji fondati, li abbażi tagħhom kien ġie ppubblikat l-avviż ta' twissija tal-Kummissjoni, ma baqgħux jeżistu fil-kuntest tal-proċedura ta' kontroll. Għalhekk, il-bona fide tal-appellanti mhijiex marbuta mal-ħruġ regolari mill-awtorità doganali Kroata taċ-ċertifikati ta' ċaqliq inkwistjoni, iżda mal-kontroll regolari ta' tali ċertifikati ta' ċaqliq mill-awtorità doganali minħabba d-dubji, żvelati permezz tal-avviż ta' twissija mill-Kummissjoni, dwar l-ħruġ regolari tagħhom.
Full & Egal Universal Law Academy