21.3.2009
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 69/19
Appell ippreżentat fis-16 ta' Diċembru 2008 minn Powerserv Personalservice GmbH, li qabel kienet Manpower Personalservice GmbH mis-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza (Il-Ħames Awla) tal-15 ta' Ottubru 2008 fil-Kawża T-405/05, Powerserv Personalservice GmbH vs L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)
(Kawża C-553/08)
(2009/C 69/35)
Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż
Partijiet
Appellanti: Powerserv Personalservice GmbH, li qabel kienet Manpower Personalservice GmbH (rappreżentanti: B. Kuchar, avukat)
Appellati: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni), Manpower Inc.
Talbiet tal-appellanti
—
tannulla s-sentenza appellata tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-15 ta' Ottubru, T-405/05, u tannulla t-trade mark Komunitarja 76059 għall-prodotti u s-servizzi kollha koperti minnha;
—
tannulla s-sentenza appellata tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-15 ta' Otturbu 2008, T-405/05, sa fejn tikkonċerna l-prova, li ma ġietx ippreżentata, tal-karattru distintiv meħtieġ tat-trade mark Komunitarja 76059 u tirrinvija l-proċedura;
—
f'kull każ, tikkundanna lill-UASI u lill-proprjetarju tat-trade mark Komunitarja għall-ispejjeż tagħhom kif ukoll għall-ħlas tal-ispejjeż sostnuti mill-appellanti fil-proċedura quddiem il-Bord tal-Appell tal-UASI, quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza u quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.
Aggravji u argumenti prinċipali
Dan l-appell huwa intiż kontra s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza li ċaħdet ir-rikors ippreżentat mill-appellanti għall-annullament tad-deċiżjoni tar-Raba' Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (iktar 'il quddiem l-“UASI”) tat-22 ta' Lulju 2005 rigward it-talba għal dikjarazzjoni ta' invalidità tat-trade mark Komunitarja “MANPOWER”. Il-Qorti tal-Prim'Istanza ddeċidiet li t-trade mark Komunitarja “MANPOWER” għall-prodotti u s-servizzi rreġistrati hija deskrittiva biss fir-Renju Unit, fl-Irlanda, fil-Ġermanja u fl-Awstrija u kkonfermat id-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell li t-trade mark ikkonċernata kisbet karattru distintiv permezz tal-użu fil-pajjiżi li fihom hija deskrittiva.
L-aggravji invokati insostenn tal-appell huma l-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 51(1)(a) u (2) flimkien ma' dawk tal-Artikolu 7(1)(ċ) u (3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta' Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja.
Bil-kontra tal-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza, is-sinjal “MANPOWER” huwa wkoll deskrittiv — kif il-Bord tal-Appell tal-UASI kien ġustament ikkunsidra — fl-Olanda, fl-Iżvezja, fid-Danimarka u fil-Finlandja, kif ukoll fl-Istati Membri l-oħrajn kollha tal-Komunità qabel l-1 ta' Mejju 2004. Kieku l-Qorti tal-Prim'Istanza ħadet inkunsidrazzjoni l-fatt li, skont statistika tal-Kummissjoni Ewropea, 47 % tal-persuni inkwistjoni tal-Komunità jitkellmu bl-Ingliż, hija kien ikollha tikkonkludi li t-trade mark verbali “MANPOWER” hija deskrittiva, barra milli fil-Ġermanja u fl-Awstrija, fl-Istati Membri l-oħrajn tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari fl-Olanda, fl-Iżvezja, fil-Finlandja u fid-Danimarka. Fir-rigward tal-Istati Membri l-oħrajn tal-Komunità qabel l-1 ta' Mejju 2004, il-Qorti tal-Prim'Istanza injorat ukoll li, minħabba l-edukazzjoni skolastika obbligatorja f'kull wieħed minn dawn l-Istati Membri, il-parti rilevanti tal-popolazzjoni totali għandha għarfien biżżejjed tal-Ingliż sabiex tifhem it-tifsira ta' vokabularju bażiku, bħall-kliem “MANN” u “POWER”, u tipperċepixxi għaldaqstant il-kelma “MANPOWER” bħala deskrittiva fir-rigward tal-prodotti u s-servizzi tal-proprjetarju tat-trade mark. Madankollu, il-Qorti tal-Prim'Istanza mhux biss ma tindikax għaliex hemm lok li ma taċċettax li l-popolazzjoni, bl-eċċezzjoni ta' dik tar-Renju Unit u tal-Irlanda, għandha għarfien, inkluż dak bażiku, tal-lingwa Ingliża, iżda tmur barra minn hekk kontra l-ġurisprudenza tagħha, li tgħid li ċertu għarfien bażiku tal-lingwa Ingliża huwa rikonoxxut ukoll fir-rigward tal-popolazzjoni totali, minbarra dik tar-Renju Unit u tal-Irlanda, fejn tidħol il-perċezzjoni ta' trade mark.
Dwar il-prova tal-karattru distintiv miksub permezz tal-użu, il-Qorti tal-Prim'Istanza wettqet żball ta' liġi sa fejn hija estendiet il-pubbliku rilevanti meta mqabbel mad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell, mingħajr ma evalwat mill-ġdid il-provi tal-kisba tal-karattru distintiv. Anki jekk wieħed jaqbel mal-Qorti tal-Prim'Istanza li l-prova tar-reputazzjoni għandha titressaq biss fir-rigward tar-Renju Unit, tal-Irlanda, tal-Ġermanja u tal-Awstrija, l-imsemmija Qorti tal-Prim'Istanza kellha, fid-dawl tal-estensjoni tal-pubbliku, tannulla d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell fuq dan il-punt u tirrinvija l-kawża quddiem l-imsemmi Bord. Il-Qorti tal-Prim'Istanza kkonfermat ukoll, inġustament, il-fehma tal-Bord tal-Appell fir-rigward tal-“effett ta' spill over” tal-eventwali reputazzjoni tat-trade mark ikkonċernata mir-Renju Unit għall-Irlanda, meta “spill over” tar-reputazzjoni ta' trade mark la jista' jiġi sostnut minn Stat Membru għal ieħor u lanqas minn prodott jew servizz għal prodott jew servizz ieħor.
Full & Egal Universal Law Academy