7.3.2009
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 55/10
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (l-Olanda) fis-17 ta' Diċembru 2008 — Portakabin Limited u Portakabin B.V. vs Primakabin B.V.
(Kawża C-558/08)
(2009/C 55/17)
Lingwa tal-kawża: L-Olandiż
Qorti tar-rinviju
Hoge Raad der Nederlanden
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Portakabin Limited u Portakabin B.V.
Konvenuta: Primakabin B.V.
Domandi preliminari
1.
a.
Meta negozjant ta' ċerti prodotti jew servizzi (iktar 'il quddiem “min jirreklama”) juża l-possibbiltà li jirreġistra adword ma' operatur ta' mutur ta' tfittxija fuq l-Internet — kif deskritta — identika għal trade mark irreġistrata minn negozjant ieħor (iktar 'il quddiem il-“proprjetarju tat-trade mark”) għal prodotti jew servizzi li jixxiebhu, liema adword irreġistrata — mingħajr ma jinduna l-utent tal-mutur ta' tfittxija — twassal sabiex l-utent tal-Internet li jdaħħal din il-kelma jsib, fuq il-lista tar-riżultati tal-operatur tal-mutur ta' tfittxija, link lejn is-sit internet ta' min jirreklama, dan jikkostitwixxi użu, minn min jirreklama, tat-trade mark irreġistrata, skont l-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva 89/104/KE?
b.
F'dan ir-rigward, tagħmel differenza jekk il-link tkunx:
—
fil-lista ġenerali tal-paġni internet misjuba; jew
—
fit-taqsima tar-reklamar identifikata bħala tali?
c.
Tagħmel differenza f'dan ir-rigward jekk:
—
min jirreklama, anki jekk fil-link li jinsab fuq il-paġna internet tal-operatur tal-mutur ta' tfittxija, effettivament ikun qed joffri prodotti jew servizzi identiċi għall-prodotti u servizzi li għalihom hija rreġistrata t-trade mark, jew li
—
min jirreklama, effettivament ikun qed joffri prodotti jew servizzi identiċi għall-prodotti jew servizzi li għalihom hija rreġistrata t-trade mark, fuq paġna internet tiegħu stess, li l-utent tal-Internet (kif indikat fid-domanda 1.a.) jista' jidħol fiha permezz ta' hyperlink fir-riferiment fil-paġna internet tal-operatur tal-mutur ta' tfittxija?
2.
Jekk u safejn id-domanda 1 tingħatalha risposta affermattiva, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 89/104, b'mod partikolari d-dispożizzjonijiet tal-paragrafu (1)(b) u (c) tiegħu, jistgħu jimplikaw li l-proprjetarju tat-trade mark ma jistax jipprojbixxi l-użu msemmi fid-domanda 1, u jekk dan huwa l-każ, f'liema ċirkustanzi?
3.
Safejn ir-risposta għad-domanda 1 hija affermattiva, l-Artikolu 7 tad-Direttiva 89/104 japplika meta offerta ta' min jirreklama, imsemmi fid-domanda 1.a., tirrigwarda prodotti li ġew ikkummerċjalizzati fil-Komunità mill-proprjetarju tat-trade mark imsemmi fid-domanda 1 jew bl-awtorizzazzjoni tiegħu?
4.
Ir-risposti mogħtija għad-domandi preċedenti japplikaw ukoll fil-każ ta' adwords imsemmija fid-domanda 1, irreġistrati minn min jirreklama, meta t-trade mark tkun deliberatament irriprodotta bi żbalji żgħar, b'mod li l-possibbilitajiet ta' tfittxija jkunu iktar effettivi għall-pubbliku li juża l-Internet, meta wieħed jassumi, fuq is-sit internet ta' min jirreklama, li t-trade mark hija rriprodotta korrettament?
5.
Jekk u safejn ir-risposti għad-domandi magħmula hawn fuq jimplikaw li m'hemm l-ebda kwistjoni ta' użu tat-trade mark fis-sens tal-Artikolu 5(1) tad-direttiva, l-Istati Membri jistgħu, fir-rigward tal-użu ta' adwords bħal dawk inkwistjoni f'din il-kawża, sempliċement jagħtu, taħt l-Artikolu 5(5) tad-direttiva, skont id-dispożizzjonijiet applikabbli f'dawn l-Istati Membri dwar il-protezzjoni kontra l-użu ta' sinjal għal finijiet li mhumiex dawk li tiddistingwi l-prodotti jew servizzi, protezzjoni kontra l-użu mingħajr raġuni valida ta' dan is-sinjal, meta, skont l-evalwazzjoni tal-qrati ta' dawn l-Istati Membri, ikun ittieħed vantaġġ indebitu mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade mark jew li jkun ikkawżalhom preġudizzju, jew għandhom jiġu applikati limiti tad-dritt Komunitarju, evalwati flimkien mar-risposti għad-domandi preċedenti, mill-qrati nazzjonali?
Full & Egal Universal Law Academy