21.2.2009
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 44/37
Appell ippreżentat fid-19 ta' Diċembru 2008 mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej kontra s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza (Is-Seba' Awla) mogħtija fil-15 ta' Ottubru 2008 fil-Kawża T-160/04, Potamianos vs Il-Kummissjoni
(Kawża C-561/08 P)
(2009/C 44/62)
Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż
Partijiet
Appellanti: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (rappreżentanti: J. Currall u D. Martin, aġenti)
Il-parti l-oħra fil-kawża: Gerasimos Potamianos
Talbiet tal-appellanti
—
tannulla s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-15 ta' Ottubru 2008 fil-Kawża T-160/04;
—
tiddikjara r-rikors ta' G. Potamianos bħala inammissibbli;
—
tiddeċiedi li kull waħda mill-partijiet għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha relatati ma' din il-proċedura u ma' dik magħmula quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza tal-Komunitajiet Ewropej.
Aggravji u argumenti prinċipali
Permezz tal-appell tagħha, il-Kummissjoni tikkontesta l-kwalifika mogħtija mill-Qorti tal-Prim'Istanza lin-notifika mibgħuta lill-konvenut sabiex tinfurmah li l-kuntratt tal-impjieg tiegħu bħala membru tal-persunal temporanju ma kienx ser jiġi mġedded. Fil-fatt, din in-notifika ġiet interpretata mill-Qorti tal-Prim'Istanza bħala deċiżjoni distinta tal-awtorità li għandha s-setgħa li tikkonkludi l-kuntratti ta' reklutaġġ. Madankollu, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, u b'mod iktar preċiż, mis-sentenza tal-14 ta' Settembru 2006, Fernández Gómez (C-417/05 P), jirriżulta b'mod ċar li tali notifika għandha valur purament informattiv, u li hija biss l-istipulazzjoni kuntrattwali li tgħid li l-kuntratt mhuwiex ser ikun imġedded meta dan jiskadi, li tikkostitwixxi att li jikkawża preġudizzju. Peress li dan il-kuntratt ma ġiex ikkontestat fit-termini legali, il-Qorti tal-Prim'Istanza kellha tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli.
Meta marret kontra din il-ġurisprudenza, il-Qorti tal-Prim'Istanza ħolqot inċertezza legali kemm għat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kif ukoll għall-Kummissjoni u l-istituzzjonijiet l-oħra li kkonkludew kuntratti simili għal dak inkwistjoni f'din il-kawża.
Full & Egal Universal Law Academy