21.3.2009
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 69/21
Appell ippreżentat fit-18 ta' Diċembru 2008 minn SGL Carbon AG mis-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza (Il-Ħames Awla) mogħtija fit-8 ta' Ottubru 2008 fil-Kawża T-68/04, SGL Carbon AG vs Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
(Kawża C-564/08 P)
(2009/C 69/38)
Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż
Partijiet
Appellanti: SGL Carbon AG (rappreżentanti: M. Klusmann u K. Beckmann, avukati)
Appellata: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
Talbiet tal-appellanti
—
tannulla s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza (Il-Ħames Awla) mogħtija fit-8 ta' Ottubru 2008 fil-Kawża T-68/04 (SGL Carbon AG vs Il-Kummissjoni);
—
tnaqqas, b'mod xieraq, l-ammont tal-multa imposta fuq l-appellanti fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata tal-Kummissjoni tat-3 ta' Diċembru 2003;
—
sussidjarjament, tibgħat lura l-kawża lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex din tiġi deċiża mill-ġdid;
—
tikkundanna lill-appellata għall-ispejjeż.
Aggravji u argumenti prinċipali
Is-suġġett ta' dan l-appell huwa s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza li permezz tagħha r-rikors ippreżentat mill-appellanti kontra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/420/KE tat-3 ta' Diċembru 2003 dwar akkordju fis-suq tal-prodotti ta' karbonju u grafita għal applikazzjonijiet elettriċi u mekkaniċi ġie miċħud.
L-appellanti tibbaża l-appell tagħha fuq żewġ aggravji bbażati rispettivament fuq il-ksur tad-dritt Komunitarju mill-Qorti tal-Prim'Istanza u fuq nuqqas proċedurali.
Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, l-appellanti tikkritika lill-Qorti tal-Prim'Istanza li wettqet żball ta' liġi billi ma kkunsidratx l-argument li hija esponiet fl-ewwel istanza dwar l-inklużjoni żbaljata tad-dħul mill-bejgħ kaptiv fil-volumi tas-swieq użati għall-iffissar tal-ammonti inizjali tal-multi. Barra minn hekk, hija tikkontesta n-natura sproporzjonata fid-dritt tal-ammont inizjali li ġie applikat għaliha billi tinvoka ksur tal-prinċipji ta' non-diskriminazzjoni u proporzjonalità kif ukoll ksur tal-Artikolu 253 KE.
Permezz tat-tieni aggravju tagħha l-appellanti tinvoka żball ta' evalwazzjoni fid-determinazzjoni tal-ammont inizjali tal-multa fir-rigward tagħha, li tmur lil hinn mis-setgħa diskrezzjonali tal-Qorti tal-Prim'Istanza. B'hekk, il-Qorti tal-Prim'Istanza kisret ukoll il-prinċipji ta' non-diskriminazzjoni u proporzjonalità. Bi ħsara għall-appellanti, hija tbiegħdet mill-ġurisprudenza tagħha stess, mingħajr ma tat raġunijiet legali, rigward il-kwistjoni tal-adozzjoni awtorizzata ta' multi skont il-kategoriji tal-ishma tas-suq. Filwaqt li, fid-deċiżjonijiet preċedenti simili, il-Qorti tal-Prim'Istanza ddeċidiet kategoriji ta' ishma tas-suq jew “partijiet” massimi ta' 5 % bħala xierqa, f'din il-kawża hija bbażat ruħha fuq kategoriji ta' ismha tas-suq ta' 10 %, li jiżvantaġġja sostanzjalment lill-appellanti bħala impriża li taqa' fil-parti l-baxxa tal-kategorija tagħha.
Full & Egal Universal Law Academy