7.3.2009
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 55/12
Rikors ippreżentat fid-19 ta' Diċembru 2008 — Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs Ir-Repubblika Taljana
(Kawża C-565/08)
(2009/C 55/19)
Lingwa tal-kawża: It-Taljan
Partijiet
Rikorrenti: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (rappreżentanti: E. Traversa u L. Prete, aġenti)
Konvenuta: Ir-Repubblika Taljana
Talbiet
—
Tikkonstata li, billi tipprevedi dispożizzjonijiet li jimponu fuq l-avukati l-obbligu li jirrispettaw tariffi massimi, ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 43 u 49 KE;
—
Tikkundanna lir-Repubblika Taljana għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
L-iffissar ta' tariffi massimi mandatorji għall-attivitajiet ġudizzjarji u extraġudizzjarji tal-avukati jikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà ta' stabbiliment skont l-Artikolu 43 KE, kif ukoll restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi skont l-Artikolu 49 KE. Fil-fatt, tariffarju massimu mandatorju li għandu jiġi applikat irrispettivament mill-kwalità tax-xogħol imwettaq, mix-xogħol neċessarju sabiex dan jitwettaq, u mill-ispejjeż sostnuti sabiex dan jitwettaq, jista' jrendi s-suq Taljan tas-servizzi legali mhux attraenti għall-professjonisti barranin. L-avukati stabbiliti fi Stati Membri oħra huma għalhekk skoraġġuti milli jistabbilixxu ruħhom fl-Italja jew milli jipprovdu termporanjament hemmhekk is-servizzi tagħhom.
L-ewwel nett, għaliex il-fatt li wieħed ikollu jadatta ruħu għal sistema ġdida ta' tariffi (li barra minn dan hija kumplessa ħafna) jimplika spejjeż żejda li jistgħu jostakolaw l-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali rrikonoxxuti mit-Trattat.
Fit-tieni lok, il-limitu massimu tat-tariffarju jirrapreżenta restrizzjoni ulterjuri għall-moviment liberu tas-servizzi legali fis-suq intern billi jimpedixxi li l-kwalità tal-attivitajiet żvolti minn avukati stabbiliti fi Stati Membri għajr fl-Italja tkun korrettament irremunerata u għalhekk jiddiswadi lil ċerti avukati, li jitolbu onorarji għola minn dawk stabbiliti mil-leġiżlazzjoni Taljana skont il-karatteristiċi tas-suq Taljan, milli jipprovdu temporanjament is-servizzi tagħhom fl-Italja, jew milli jistabbilixxu ruħhom f'tali Stat.
Fl-aħħar, ir-riġidità tas-sistema ta' tariffi Taljana timpedixxi lill-avukat (inkluż dak stabbilit barra mill-pajjiż) milli jagħmel offerti ad hoc f'sitwazzjonijiet u/jew lil klijenti partikolari. Pereżempju, li joffri pakkett ta' servizzi legali speċifiċi b'prezz fiss. Jew li joffri numru ta' servizzi legali pprovduti f'diversi Stati Membri b'tariffa komuni. Il-leġiżlazzjoni Taljana tista' għalhekk twassal għal telf ta' kompetittività minn naħa ta' avukati stabbiliti barra mill-pajjiż għaliex iċċaħħad lil dawn tal-aħħar minn tekniki effikaċi ta' penetrazzjoni fis-suq legali Taljan.
Barra dan, il-miżura kkontestata ma tidhirx la adattata għat-twettiq tal-għanijiet ta' interess ġenerali indikati mill-awtoritajiet Taljani, u lanqas l-inqas restrittiva għal dan il-għan. B'mod partikolari, din ma tidhirx adattata sabiex tiggarantixxi l-aċċess għal ġustizzja għal dawk inqas favoriti, jew sabiex tiggarantixxi l-ħarsien tad-destinatarji tas-servizzi legali jew sabiex tiżgura l-funzjonament tajjeb tal-ġustizzja. Din lanqas ma tidher proporzjonata b'kunsiderazzjoni għall-fatt li jeżistu miżuri oħra li jidhru sostanzjalment inqas restrittivi fil-konfront tal-avukati stabbiliti barra mill-pajjiż, u li wkoll huma (jew iktar) adattati sabiex jilħqu l-għanijiet ta' ħarsien invokati mill-awtoritajiet Taljani.
Fl-aħħar, l-awtoritajiet Taljani ma spjegawx jekk u liema miżuri alternattivi, u ta' natura inqas restrittiva fil-konfront tal-avukati stabbiliti fi Stati Membri oħra, ġew eżaminati, u lanqas ma taw ir-raġunijiet li għalihom l-interessi ġenerali mfittxija mhumiex diġà mħarsa mid-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-professjoni ta' avukat fl-Istati Membri l-oħra tal-Komunità.
Full & Egal Universal Law Academy