21.3.2009
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 69/22
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberster Gerichtshof (l-Awstrija) fit-22 ta' Diċembru 2008 — Internetportal und Marketing GmbH vs Richard Schlicht
(Kawża C-569/08)
(2009/C 69/40)
Lingwa tal-kawża: Il-Germaniż
Qorti tar-rinviju
Oberster Gerichtshof
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Internetportal und Marketing GmbH
Konvenut: Richard Schlicht
Domandi preliminari
1)
L-Artikolu 21(1)(a) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 874/2004, tat-28 ta' April 2004, li jippreskrivi r-regoli tal-politika pubblika li jikkonċernaw l-implimentazzjoni u l-funzjonijiet tad-Dominju tal-Ogħla Livell u l-prinċipji li jirregolaw ir-reġistrazzjoni (1) għandu jiġi interpretat fis-sens li jeżisti dritt skont din id-dispożizzjoni fil-każijiet fejn:
a)
it-trade mark tkun sempliċement irreġistrata bl-għan biss li, fl-ewwel fażi tal-proċedura ta' reġistrazzjoni b'fażijiet differenti, issir talba għal reġistrazzjoni ta' isem tad-dominju li jikkorrispondi ma' denominazzjoni ġenerika — bil-lingwa Ġermaniża -, mingħajr l-intenzjoni li din it-trade mark tintuża għal prodotti jew għal servizzi?
b)
it-trade mark li fuqha hija bbażata r-reġistrazzjoni tad-dominju li tikkorrispondi għal denominazzjoni ġenerika — bil-lingwa Ġermaniża -, ma tinkludix l-isem tad-dominju safejn hija tinkludi karattri speċjali li ġew eliminati mill-isem tad-dominju, għalkemm dawn setgħu jinkitbu b'karattri normali u li l-eliminazzjoni tagħhom għandha l-effett li l-isem tad-dominju huwa differenti mit-trade mark b'mod li ma joħloqx probabbiltà ta' konfużjoni?
2)
L-Artikolu 21(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 874/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li interess leġittimu jeżisti biss fil-każijiet previsti fl-Artikolu 21(2)(a) sa (ċ)?
Fil-każ li tingħata risposta negattiva għal din id-domanda:
3)
Ikun hemm interess leġittimu wkoll fis-sens tal-Artikolu 21(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 874/2004 fil-każ fejn il-proprjetarju tal-isem tad-dominju li jikkorrispondi ma' denominazzjoni ġenerika — bil-lingwa Ġermaniża — jixtieq jużah għal sit tal-Internet tematiku?
Fil-każ li tingħata risposta pożittiva għad-domandi 1 u 3:
4)
L-Artikolu 21(3) tar-Regolament (KE) Nru 874/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li huma biss iċ-ċirkustanzi msemmija fis-subparagrafi (a) sa (e) ta' din id-dispożizzjoni li jistgħu jistabbilixxu mala fede skont l-Artikolu 21(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 874/2004?
Fil-każ li tingħata risposta negattiva għal din id-domanda:
5)
Ikun hemm mala fede fis-sens tal-Artikolu 21(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 874/2004 fil-każ fejn l-isem tad-domunju ġie rreġistrat matul l-ewwel fażi tal-proċedura ta' reġistrazzjoni b'fażijiet differenti abbażi ta' trade mark li tikkorrispondi għal denominazzjoni ġenerika — bil-lingwa Ġermaniża -, trade mark li l-proprjetarju tal-isem tad-dominju kiseb bl-għan biss li, fl-ewwel fażi tal-proċedura ta' reġistrazzjoni b'fażijiet differenti, jitlob ir-reġistrazzjoni ta' isem tad-dominju qabel partijiet interessati oħra u, fi kwalunkwe każ, qabel il-proprjetarji tad-drittijiet tat-trade mark?
(1) ĠU L 162, p. 40.
Full & Egal Universal Law Academy