7.3.2009
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 55/13
Rikors ippreżentat fit-22 ta' Diċembru 2008 — Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs Ir-Repubblika Taljana
(Kawża C-571/08)
(2009/C 55/21)
Lingwa tal-kawża: It-Taljan
Partijiet
Rikorrenti: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (rappreżentanti: W. Mölls u L. Pignataro, aġenti)
Konvenuta: Ir-Repubblika Taljana
Talbiet tar-rikorrenti
—
tiddikjara li, billi pprovdiet prezz minimu għas-sigaretti kif ukoll terminu ta' 120 ġurnata sabiex tikseb l-omologazzjoni ta' bidla fil-prezz tat-tabakk manifatturat, ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 95/59/KE (1).
—
tikkundanna lir-Repubblika Taljana għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Il-Kummissjoni tikkunsidra li r-Repubblika Taljana kisret l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 95/59/KE (kif ukoll l-Artikolu 5 tad-Direttiva 72/464/KEE (2) li jissostitwixxi u li huwa sostanzjalment identiku għalih) billi ffissat prezz minimu għas-sigaretti. Din il-leġiżlazzjoni tistabbilixxi l-prinċipju li produtturi u importaturi huma liberi li jiffissaw il-prezzijiet massimi ta' bejgħ bl-imnut tat-tabakk manifatturat. Skont dan il-prinċipju, l-Istati Membri ma jistgħux jiġġustifikaw setgħa diskrezzjonali li permezz tagħha jiġu ffissati prezzijiet massimi ta' bejgħ bl-imnut billi jirreferu għall-“kontroll tal-livell tal-prezzijiet”, għall-“osservanza tal-prezzijiet imposti” jew inkella għall-iffisar ta' skala skont l-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 95/59/KE.
Il-prezz minimu ma jistax ikun iġġustifikat minħabba kunsiderazzjonijiet ta' protezzjoni tas-saħħa pubblika. Fil-fatt, l-għan korrispondenti, meħud inkunsiderazzjoni mil-leġiżlatur Komunitarju, jista' jintlaħaq permezz ta' żieda fit-tassazzjoni tas-sigaretti, billi jintużaw parametri fiskali adegwati għas-sitwazzjoni ta' kull Stat Membru.
L-argument tal-Gvern Taljan ibbażat fuq preżunt riskju li minħabba prezzijiet għoljin wisq jew mhux adegwati jiżdied is-suq tat-traffikar illegali tal-prodotti ta' kuntrabandu (jew prodotti foloz), huwa ukoll infondat. Dan huwa bbażat fuq sempliċi dikjarazzjonijiet tal-Gvern Taljan li mhumiex sostnuti minn elementi ta' prova, peress li ma spjegax kif id-differenza fil-prezz, li tirriżulta minn żieda fit-tassazzjoni, għandha żżid il-frodi b'mod aktar sinjifikattiv meta pparagunata mar-riżultati li tista' tagħti politika ta' prezzijiet minimi. Il-Kummissjoni tqis li huwa kull Stat Membru li għandu jwettaq, fil-kuntest tad-dritt Komunitarju, il-verifiki neċessarji sa biex jiġi żgurat il-ġbir tat-taxxi li għandhom jitħallsu. Din il-ħtieġa bl-ebda mod ma tista' taffettwa l-obbligu tal-Istati Membri li josservaw id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 95/59/KE, fosthom l-Artikolu 9.
Fuq it-terminu ta' 120 ġurnata għall-omologazzjoni tal-prezzijiet tat-tabakk manifatturat
Għall-għanijiet ta' kummerċjalizzazzjoni fl-Italja, il-prezzijiet tal-prodotti tat-tabakk manifatturat għandhom ikunu rreġistrati fl-iskala uffiċjali tal-prezzijiet. L-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tintbagħat lill-Ministeru tal-Ekonomija u tal-Finanzi — Amministrazione Autonoma dei Monopoli di Stato (AAMS). L-AAMS m'għandhiex setgħa diskrezzjonali sa biex tiġi kkonfermata l-applikazzjoni. Fil-fehma tal-Kummissjoni, it-terminu, eċċessivament twil, ta' 120 ġurnata li l-awtoritajiet Taljana stabbilixxew sa biex jieħdu azzjoni fuq talba għal bidla fil-prezzijiet huwa tali li l-prinċipju li l-prezzijiet massimi jiġu ffissati liberament min-naħa tal-operaturi, stabbilit fl-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 95/59KE, fil-prattika huwa mingħajr effett.
(1) Direttiva tal-Kunsill 95/59/KE tas-27 ta' Novembru 1995 dwar taxxi li mhumiex taxxi fuq il-qliegħ li jaffettwaw il-konsum ta' tabakk manifatturat (ĠU L 291, p. 40).
(2) Direttiva tal-Kunsill 72/464/KEE tad-19 ta' Diċembru 1972 dwar taxxi li mhumiex taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ li jaffettwaw il-konsum ta' tabakk manifatturat (ĠU L 303, p. 1).
Full & Egal Universal Law Academy