7.3.2009
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 55/16
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Raad van State (L-Olanda) fid-29 ta' Diċembru 2008 — Rhimou Chakroun vs Minister van Buitenlandse Zaken
(Kawża C-578/08)
(2009/C 55/26)
Lingwa tal-kawża: L-Olandiż
Qorti tar-rinviju
Raad van State (L-Olanda)
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrent: Rhimou Chakroun
Konvenut: Minister van Buitenlandse Zaken
Domandi preliminari
1)
Il-frażi “jirrikorri għas-sistema ta' għajnuna soċjali” li tinsab fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 7(1)(c) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/86/KE (1), tat-22 ta' Settembru 2003, dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja, għandha tiġi interpretata fis-sens li tippermetti li Stat Membru jadotta leġiżlazzjoni fir-rigward tar-riunifikazzjoni tal-familja li tirrifjuta r-riunifikazzjoni lil sponsor li jkun ipprova li għandu riżorsi stabbli u regolari li huma suffiċjenti biex jipprovdi għall-bżonnijiet tiegħu stess u dawk tal-membri tal-familja tiegħu, iżda li, minħabba l-livell tad-dħul tiegħu, jista' xorta jitlob assistenza speċjali fil-każ ta' spejjeż partikolari u stabbiliti b'mod individwali bħala neċessarji għall-għajxien tiegħu, tnaqqis mit-taxxa mogħtija minn awtoritajiet lokali skont id-dħul, jew miżuri ta' appoġġ għad-dħul fil-kuntest tal-politika minimali komunali (minimabeleid)?
2)
Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/86/KE, tat-22 ta' Settembru 2003, dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja, u partikolarment l-Artikolu 2(d) tagħha, għandha tiġi interpretata fis-sens li din id-dispożizzjoni tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li, għall-applikazzjoni tal-kundizzjonijiet tad-dħul tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 7(1)(c), tagħmel distinzjoni skont jekk ir-rabtiet familjari kinux jeżistu qabel jew wara d-dħul fit-territorju tal-persuna li tirrisjedi fl-Istat Membru?
(1) Direttiva tal-Kunsill 2003/86/KE tat-22 ta' Settembru 2003 dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja (ĠU L 251, p. 12).
Full & Egal Universal Law Academy