Kawża C-364/08
Marc Vandermeir
vs
État belge – SPF Finances
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal de première instance d’Arlon)
“L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 104(3) tar-Regoli tal-Proċedura — Libertà ta’ stabbiliment — Artikolu 43 KE — Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Artikolu 49 KE — Vetturi bil-mutur — Użu minn persuna residenti fi Stat Membru ta’ vettura rreġistrata fi Stat Membru ieħor — Tassazzjoni ta’ din il-vettura fl-ewwel Stat Membru”
Sommarju tad-digriet
Moviment liberu tal-persuni – Libertà ta’ stabbiliment – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Restrizzjonijiet
(Artikoli 43 KE u 49 KE)
L-Artikoli 43 KE u 49 KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ Stat Membru li tgħid li persuna li taħdem għal rasha u li hija residenti f’dan l-Istat Membru għandha l-obbligu li tirreġistra fih vettura mogħtija b’leasing minn kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor, meta din il-vettura la hija intiża li tkun essenzjalment użata fit-territorju tal-ewwel Stat Membru b’mod permanenti u lanqas, fil-fatt, ma hija użata b’dan il-mod.
Fil-fatt, Stat Membru jista’ jimponi obbligu ta’ reġistrazzjoni fuq vettura bil-mutur maħruġa b’leasing minn ħaddiem li huwa residenti f’dan l-Istat, mingħand kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor meta l-imsemmija vettura tkun intiża essenzjalment għal użu fit-territorju tal-ewwel Stat Membru b’mod permanenti jew meta fil-fatt tkun użata b’dan il-mod.
Min-naħa l-oħra, jekk dawn il-kundizzjonijiet ma jiġux sodisfatti, ir-rabta ma’ Stat Membru tal-vettura rreġistrata fi Stat Membru ieħor tkun dgħajfa, b’tali mod li tkun meħtieġa ġustifikazzjoni oħra għar-restrizzjoni inkwistjoni. F’dan ir-rigward, meta ħaddiem ma jużax il-vettura tiegħu skont dawn il-kundizzjonijiet, il-fatt li huwa jeżerċita l-attività tiegħu bħala persuna li taħdem għal rasha fi Stat Membru differenti minn dak tar-residenza tiegħu bħala persuna fiżika li għandha fih il-pussess ta’ stabbiliment permanenti u mhux bħala amministratur jew diriġent ta’ kumpannija stabbilita fih jew il-fatt li huwa stess ħareġ vettura b’leasing minn kumpannija ta’ dan l-Istat Membru u mhux permezz ta’ persuna li timpjegah li sussegwentement tqiegħed vettura għad-dispożizzjoni tiegħu, ma jistax jiġġustifika obbligu ta’ reġistrazzjoni tal-vettura fl-Istat Membru tar-residenza ta’ dan il-ħaddiem.
(ara l-punti 32 sa 36 u d-dispożittiv)
DIGRIET TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)
24 ta’ Ottubru 2008 (*)
“L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 104(3) tar-Regoli tal-Proċedura – Libertà ta’ stabbiliment – Artikolu 43 KE – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Artikolu 49 KE – Vetturi bil-mutur – Użu minn persuna residenti fi Stat Membru ta’ vettura rreġistrata fi Stat Membru ieħor – Tassazzjoni ta’ din il-vettura fl-ewwel Stat Membru”
Fil-Kawża C‑364/08,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mit-tribunal de première instance d’Arlon (il-Belġju), permezz ta’ Deċiżjoni tal-24 ta’ Lulju 2008, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-7 ta’ Awwissu 2008, fil-proċedura
Marc Vandermeir
vs
État belge - SPF Finances,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),
komposta minn T. von Danwitz, President tal-Awla, R. Silva de Lapuerta (Relatur) u E. Juhász, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Poiares Maduro,
Reġistratur: R. Grass,
peress li l-Qorti tal-Ġustizzja qed tipproponi li tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 104(3) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha,
wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali,
tagħti l-preżenti
Digriet
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 43 KE u 49 KE.
2 Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn M. Vandermeir u l-Istat Belġjan – SPF Finances – dwar it-tassazzjoni ta’ vettura rreġistrata u li ngħatat b’leasing fil-Lussemburgu.
Il-kuntest ġuridiku
3 Skont il-qorti tar-rinviju, id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li japplikaw fil-kawża prinċipali huma s-segwenti.
4 L-Artikolu 3 tal-kodiċi tat-taxxi simili mat-taxxa fuq id-dħul, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar’il quddiem il-“kodiċi”), li jinsab taħt it-Titolu II tiegħu, bit-titolu “Taxxa taċ-ċirkulazzjoni tal-vetturi bil-mutur”, jgħid:
“Hija stabbilita taxxa fuq il-vetturi li jaħdmu bl-istim jew bil-magna, li jservu jew għat-trasport tal-persuni, jew għat-trasport fuq it-toroq ta’ kwalunkwe merkanziji jew oġġetti.”
5 L-Artikolu 6 tal-kodiċi jipprovdi:
“Huwa suġġett għat-taxxa kull min iħaddem għall-użu tiegħu stess [...] vettura waħda jew iktar minn dawk imsemmija fl-Artikoli 3 u 4, kemm jekk għandu l-proprjetà jew il-pussess personali tagħhom, kif ukoll jekk jiddisponi minnhom b’mod permanenti jew abitwali permezz ta’ kiri jew ftehim ieħor.”
6 Il-kliem tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 21 tal-kodiċi jgħid is-segwenti:
“It-taxxa hija dovuta mill-persuna fiżika jew legali li hija jew għandha tiġi indikata fiċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni, kemm-il darba vettura hija jew għandha tkun imniżżla f’isem din il-persuna fir-reġistru miżmum mill-awtorità għar-reġistrazzjoni tal-vetturi.”
7 Il-punt 9 tal-Artikolu 5(1) tal-kodiċi jeżenta mit-taxxa “lill-vetturi bil-mutur użati minn resident Belġjan li tqiegħedu għad-dispożizzjoni tiegħu mill-persuna li timpjegah li hija stabbilita f’pajjiż barrani u li huma rreġistrati fih”.
8 Il-punt 1 tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 94 tal-kodiċi, li jinsab taħt it-Titolu V tiegħu, bit-titolu “Taxxa għall-użu fit-toroq”, jistabbilixxi:
“Hija stabbilita favur l-Istat, taxxa simili għat-taxxa fuq id-dħul li tolqot:
1º il-karozzi, [...] hekk kif dawn il-vetturi huma ddefiniti fil-liġi dwar ir-reġistrazzjoni tal-vetturi bil-mutur [...], meta dawn il-vetturi li huma jew irid ikollhom pjanċa bin-numru ta’ reġistrazzjoni [...] maħruġa fil-kuntest ta’ din il-liġi.”
9 Skont l-Artikolu 99 tal-kodiċi, il-vetturi msemmija fil-punt 1 tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 94 tal-istess kodiċi jitqiesu bħala użati fuq it-toroq pubbliċi fil-Belġju minn meta jkunu jew ikollhom jitniżżlu fir-reġistru tal-uffiċċju taċ-ċirkulazzjoni fit-toroq.
10 Skont l-Artikolu 108 tal-kodiċi, li jinsab taħt it-Titolu VI tiegħu, bit-titolu “Taxxi li jikkumpensaw is-sisa”:
“Teżisti favur l-Istati, taxxa li tikkumpensa s-sisa li tolqot il-karozzi [...] li l-magni tagħhom jaħdmu bid-diesel.”
11 L-Artikolu 2 tal-kodiċi, li jinsab taħt it-Titolu I tiegħu, bit-titolu “Dispożizzjonijiet komuni”, jawtoriżża lill-Istat Belġjan sabiex jirrikorri għall-multi amministrattivi meta l-persuna taxxabbli tikser id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-kodiċi.
12 L-Artikolu 3 tad-Digriet Irjali tal-20 ta’ Lulju 2001 dwar ir-reġistrazzjoni tal-vetturi, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali, jipprovdi:
“1. Il-persuni residenti fil-Belġju għandhom jirreġistraw il-vetturi li jixtequ jqiegħdu fiċ-ċirkulazzjoni fil-Belġju fir-reġistru tal-vetturi msemmi fl-Artikolu 6, anki jekk dawn il-vetturi huma diġa rreġistrati f’pajjiż barrani.
Ir-residenza fil-Belġju tfisser li dawn il-persuni jissodisfaw waħda mis-segwenti kundizzjonijiet:
a) ikunu mniżla fir-reġistri tal-popolazzjoni ta’ komun Belġjan;
[…]
2. Fis-segwenti każijiet, ir-reġistrazzjoni fil-Belġju tal-vetturi rreġistrati f’pajjiż barrani, u użati fit-toroq mill-persuni msemmija fil-paragrafu 1, mhiex obbligatorja għal:
[…]
2º vettura użata minn persuna fiżika fl-eżerċizzju tal-professjoni tagħha u, b’mod aċċessorju, għall-użu privat, u li titqiegħed għad-dispożizzjoni minn persuna li tħaddem stabbilita f’pajjiż barrani li din il-persuna fiżika hija marbuta magħha permezz ta’ kuntratt ta’ xogħol; f’dan il-każ, f’din il-vettura għandu jkun hemm dikjarazzjoni pprovduta mill-amministrazzjoni li rċeviet [it-taxxa fuq il-valur miżjud]; il-kundizzjonijiet dettaljati dwar l-użu tal-vettura għandhom jiġu ffissati mill-Ministeru tal-Finanzi;
[…]”
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
13 M. Vandermeir huwa residenti fil-Belġju.
14 Fl-2004, huwa kien jaħdem bħala ġurnalist indipendenti fil-Lussemburgu, fejn kellu uffiċċju kif ukoll il-kważi totalità tal-klijentela tiegħu. Ir-realtà tal-istabbiliment tiegħu f’dan l-Istat Membru ġiet ivverifikata minn spettur tas-sigurtà soċjali tal-Lussemburgu.
15 Fix-xahar ta’ Frar tal-istess sena, M. Vandermeir ingħata leasing mingħand kumpannija Lussemburgiża, vettura rreġistrata fil-Lussemburgu f’isem din il-kumpannija bin-numru tal-pjanċa tar-reġistrazzjoni FM7687.
16 Fl-10 ta’ Awwissu 2004, is-servizzi tad-dwana Belġjani għamlu investigazzjoni fuq M. Vandermeir u ħejjew rapport minħabba ksur tal-leġiżlazzjoni dwar ir-reġistrazzjoni.
17 Dan ir-rapport intbgħat lill-awtoritajiet fiskali Belġjani, li sussegwentement ipproċedew għat-talba, għas-sena taxxabbli 2004, ta’ taxxa ta’ ċirkulazzjoni, ta’ taxxa ta’ tqegħid ta’ ċirkulazzjoni fit-toroq, ta’ taxxa kumpensatorja għas-sisa u għal impożizzjoni ta’ multa amministrattiva fuq M. Vandermeir.
18 Fit-23 ta’ Diċembru 2005, M. Vandermeir ressaq ilment kontra dawn it-taxxi u din il-multa.
19 Peress li dan l-ilment ġie miċħud b’deċiżjoni tas-26 ta’ Ġunju 2007, M. Vandermeir ippreżenta appell quddiem il-qorti tar-rinviju.
20 Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li t-tribunal de première instance d’Arlon iddeċieda li jissospendi l-kawża quddiemu u li jagħmel is-segwenti domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:
“L-Artikoli 43 [KE] u/jew 49 KE jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ Stat Membru wieħed, bħal dik in kwistjoni, li timponi lil persuna li taħdem għal rasha li hija residenti f’dan l-Istat Membru li jirreġistra fih il-vettura tiegħu hemmhekk, filwaqt li jkun jeżerċità l-attività professjonali tiegħu, kważi b’mod esklużiv, fi Stat Membru ieħor minn stabbiliment permanenti li għandu pussess tiegħu, u dan meta din il-vettura la hija intiża sabiex tkun essenzjalement użata fl-ewwel Stat Membru b’mod permanenti u lanqas, fil-fatt, ma hija użata b’dan il-mod?”
Fuq id-domanda preliminari
21 Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 104(3) tar-Regoli tal-Proċedura, f’każ li t-tweġiba għal domanda preliminari tkun tista’ kjarament tiġi dedotta mill-ġurisprudenza, il-Qorti tista’ f’kull mument, wara li tkun semgħet lill-Avukat Ġenerali, tagħti deċiżjoni permezz ta’ digriet motivat.
22 Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar li, bla ħsara għal ċerti eċċezzjonijiet mhux rilevanti fil-kawża prinċipali, it-tassazzjoni tal-vetturi bil-mutur ma ġietx armonizzata fuq livell Komunitarju. B’hekk, l-Istati Membri huma liberi li jeżerċitaw l-awtorità fiskali tagħhom f’dan il-qasam, bil-kundizzjoni li jeżerċitawha fl-osservanza tad-dritt Komunitarju (ara s-sentenzi tal-21 ta’ Marzu 2002, Cura Anlagen, C‑451/99, Ġabra p. I‑3193, punt 40; tal-15 ta’ Settembru 2005, Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka, C‑464/02, Ġabra p. I‑7929, punt 74; tal-15 ta’ Diċembru 2005, Nadin u Nadin-Lux, C‑151/04 u C‑152/04, Ġabra p. I‑11203, punt 40; tat-23 ta’ Frar 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja, C‑232/03, punt 46, kif ukoll id-Digrieti tas-27 ta’ Ġunju 2006, van de Coevering, C‑242/05, Ġabra p. I‑5843, punt 23, u tat-22 ta’ Mejju 2008, Ilhan, C‑42/08, punt 17).
Fuq l-eżistenza ta’ restrizzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment u għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi
23 Skont l-Artikolu 43 KE, ir-restrizzjonijiet għal-libertà tal-istabbiliment taċ-ċittadini ta’ Stat Membru fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, għandhom jiġu pprojbiti.
24 Skont ġurisprudenza kostanti, għandhom jiġu kkunsidrati bħala tali restrizzjonijiet il-miżuri kollha li jipprojbixxu, jimpedixxu jew jagħmlu inqas attraenti l-eżerċizzju ta’ din il-libertà (ara s-sentenzi tat-30 ta’ Novembru 1995, Gebhard, C‑55/94, Ġabra p. I‑4165, punt 37; tal-5 ta’ Ottubru 2004, CaixaBank France, C‑442/02, Ġabra p. I‑8961, punt 11, u tas-6 ta’ Diċembru 2007, Columbus Container Services, C‑298/05, Ġabra p. I‑10451, punt 34).
25 Għalkemm, skont il-kliem tagħhom, id-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE dwar il-libertà ta’ stabbiliment huma intiżi sabiex jiżguraw il-benefiċċju tat-trattament nazzjonali fl-Istat Membru ospitanti, fl-istess waqt dawn jipprekludu li l-Istat Membru ta’ oriġini jostakola l-istabbiliment fi Stat Membru ieħor ta’ wieħed miċ-ċittadini tiegħu jew ta’ kumpannija stabbilita skond il-leġiżlazzjoni tiegħu (ara s-sentenzi tas-16 ta’ Lulju 1998, ICI, C‑264/96, Ġabra p. I‑4695, punt 21; tat-12 ta’ Settembru 2006, Cadbury Schweppes u Cadbury Schweppes Overseas, C‑196/04, Ġabra p. I‑7995, punt 42, kif ukoll tal-15 ta’ Mejju 2008, Lidl Belgium, C‑414/06, Ġabra p. I-3601, punt 19).
26 Obbligu ta’ reġistrazzjoni bħal dak impost mil-leġiżlazzjoni in kwistjoni fil-kawża prinċipali fuq il-ħaddiema li jaħdmu għal rashom residenti fil-Belġju jostakola l-aċċess tagħhom għall-attivitajiet tal-persuni li jaħdmu għal rashom fl-Istati Membri l-oħra u b’hekk huwa ta’ natura li jimpedixxi jew jagħmel inqas attraenti l-eżerċizzju, minn dawn il-ħaddiema, tal-libertà tal-istabbiliment (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar’il fuq Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka, punt 46; Nadin u Nadin-Lux, punti 36 u 37, kif ukoll Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja, punt 40).
27 Konsegwentement, dan l-obbligu jikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà tal-istabbiliment ipprojbita, bħala prinċipju, mill-Artikolu 43 KE.
28 L-Artikolu 49 KE jipprojbixxi r-restrizzjoniiet għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ġewwa l-Komunità Ewropea.
29 Skont ġurisprudenza kostanti, din id-dispożizzjoni tipprekludi l-applikazzjoni ta’ kull leġiżlazzjoni li, mingħajr ġustifikazzjoni oġġettiva, tostakola l-possibbiltà ta’ fornitur ta’ servizzi milli jeżerċita effettivament din il-libertà jew li għandha l-effett li tagħmel l-provvista ta’ servizzi bejn Stati Membri iktar diffiċli mill-provvista ta’ servizzi purament interna lejn Stat Membru wieħed (ara s-sentenza Cura Anlagen, iċċitata iktar’il fuq, punti 29 u 30, kif ukoll id-Digrieti tat-30 ta’ Mejju 2006, Leroy, C‑435/04, Ġabra p. I‑4835, punt 11, u van de Coevering, iċċitat iktar’il fuq, punti 19 u 20).
30 Issa, obbligu ta’ reġistrazzjoni bħal dak in kwistjoni fil-kawża prinċipali għandu l-effett li jagħmel iktar diffiċli l-attivitajiet ta’ leasing transkonfinali (ara s-sentenza Cura Anlagen, iċċitata iktar’il fuq, punt 37, u d-Digriet Leroy, iċċitat iktar’il fuq, punt 12).
31 Għaldaqstant, dan l-obbligu jikkostitwixxi restrizzjoni skont l-Artikolu 49 KE.
Fuq il-ġustifikazzjoni tar-restrizzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment u għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi
32 Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li Stat Membru jista’ jimponi obbligu ta’ reġistrazzjoni fuq vettura bil-mutur maħruġa b’leasing minn ħaddiem li hu residenti f’dan l-Istat, mingħand kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor meta l-imsemmija vettura tkun intiża għal użu essenzjalment fit-territorju tal-ewwel Stat Membru b’mod permanenti jew meta fil-fatt tkun użata b’dan il-mod (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar’il fuq Cura Anlagen, punt 42; Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka, punti 75 sa 78; Nadin u Nadin-Lux, punt 41, kif ukoll Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja, punt 47).
33 Min-naħa l-oħra, jekk dawn il-kundizzjonijiet ma jkunux sodisfatti, ir-rabta ma’ Stat Membru tal-vettura rreġistrata fi Stat Membru ieħor tkun dgħajfa, b’tali mod li tkun meħtieġa ġustifikazzjoni oħra għar-restrizzjoni in kwistjoni (ara s-sentenzi Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka, iċċitata iktar’il fuq, punt 79; Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja, iċċitata iktar’il fuq, punt 48, u d-Digriet van de Coevering, iċċitat iktar’il fuq, punt 26).
34 Fir-rigward ta’ ġustifikazzjoni eventwali tal-obbligu ta’ reġistrazzjoni in kwistjoni fil-kawża prinċipali, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, min-naħa waħda, li l-Artikolu 43 KE jipprekludi li liġi nazzjonali ta’ Stat Membru wieħed timponi fuq ħaddiem li jaħdem għal rasu residenti f’dan l-Istat Membru li jirreġistra fih vettura ta’ kumpannija mogħtija għad-dispożizzjoni tiegħu mill-kumpannija li timpjegah, liema kumpannija hija stabbilita fi Stat Membru ieħor, meta l-vettura tal-kumpannija la hija intiża li tkun essenzjalment użata fl-ewwel Stat Membru b’mod permanenti u lanqas fil-fatt ma hija użata b’dan il-mod (ara s-sentenza Nadin u Nadin-Lux, iċċitata iktar’il fuq, punt 55, kif ukoll id-Digriet Leroy, iċċitat iktar’il fuq, punt 13) u, min-naħa l-oħra, li l-Artikolu 49 KE jipprekludi li liġi nazzjonali ta’ Stat Membru wieħed timponi fuq fuq persuna residenti f’dan l-Istat Membru li jirreġistra fih vettura mikrija lil kumpannija ta’ leasing stabbilita fi Stat Membru ieħor, meta din il-vettura la hija intiża li tkun essenzjalment użata fl-ewwel Stat Membru b’mod permanenti u lanqas fil-fatt ma hija użata b’dan il-mod (ara d-Digriet Leroy, iċċitat iktar’il fuq, punt 14).
35 Minn dan jirriżulta li, peress li M. Vandermeir ma jużax il-vettura tiegħu skont il-kundizzjonijiet elenkati fil-punt 32 ta’ dan id-digriet, il-fatt li huwa jeżerċita l-attività tiegħu bħala persuna li taħdem għal rasha fil-Lussemburgu bħala persuna fiżika li għandha l-pussess ta’ stabbiliment permanenti f’dan l-Istat Membru u mhux bħala amministratur jew diriġent ta’ kumpannija stabbilita f’dan l-istess Stat Membru jew il-fatt li huwa stess ħareġ vettura b’leasing mingħand kumpannija Lussemburgiża u mhux permezz ta’ ta’ persuna li timpjegah li tqiegħed vettura għad-dispożizzjoni tiegħu, ma jistax jiġġustifika obbligu ta’ reġistrazzjoni bħal dak in kwistjoni fil-kawża prinċipali.
36 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda li saret għandha tkun fis-sens li l-Artikoli 43 KE u 49 KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ Stat Membru, bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, li tgħid li persuna li taħdem għal rasha li hija residenti f’dan l-Istat Membru hija marbuta li tirreġistra fih vettura maħruġa b’leasing mingħand kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor, meta din il-vettura la hija intiża li tkun essenzjalment użata fit-territorju tal-ewwel Stat Membru b’mod permanenti u lanqas fil-fatt ma hija użata b’dan il-mod.
Fuq l-ispejjeż
37 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
L-Artikoli 43 KE u 49 KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ Stat Membru, bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, li tgħid li persuna li taħdem għal rasha li hija residenti f’dan l-Istat Membru hija marbuta li tirreġistra fih vettura maħruġa b’leasing mingħand kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor, meta din il-vettura la hija intiża li tkun essenzjalment użata fit-territorju tal-ewwel Stat Membru b’mod permanenti u lanqas fil-fatt ma hija użata b’dan il-mod.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.
Full & Egal Universal Law Academy