SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA (L-Ewwel Awla)
23 ta’ Novembru 2010 (*)
“Servizz pubbliku — Uffiċjali — Kompetizzjoni ġenerali — Nuqqas ta’ inklużjoni fil-lista ta’ riżerva — Rappreżentazzjoni bbilanċjata bejn in-nisa u l-irġiel fil-Bordijiet tal-Għażla tal-kompetizzjonijiet”
Fil-Kawża F-50/08,
li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat taħt l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA,
Gábor Bartha, residenti fi Brussell (il-Belġju), irrappreżentat minn P. Homoki, avukat,
rikorrent,
vs
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn J. Currall, V. Bottka u A. Sipos, bħala aġenti,
konvenuta,
IT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (L-Ewwel Awla),
komposta minn S. Gervasoni, President, H. Kreppel (Relatur) u H. Tagaras, Imħallfin,
Reġistratur: W. Hakenberg,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-19 ta’ Mejju 2008, Gábor Bartha jitlob essenzjalment, minn naħa, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni ġenerali EPSO/AD/56/06 li informatu li ma kienx għadda mill-eżami tal-imsemmija kompetizzjoni u, min-naħa l-oħra, il-kundanna tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej għall-ħlas ta’ kumpens għad-dannu li huwa sostna minħabba din id-deċiżjoni.
Il-kuntest ġuridiku
2 L-Artikolu 3 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem “ir-Regolamenti tal-Persunal”) jipprovdi:
“Il-Bord ta’ l-Għażla għandu jkun magħmul minn president innominat mill-Awtorità tal-Ħatra u minn membri nnominati mill-Awtorità tal-Ħatra u l-Kumitat tal-Persunal, kull wieħed jinnomina l-istess numru.
Għall-kompetizzjonijiet miftuħa komuni għal żewġ istituzzjonijiet jew aktar, il-Bord ta’ l-Għażla jkun magħmul minn president maħtur mill-awtorità tal-ħatra imsemmija l-Artikolu 2(2) tar-Regolamenti tal-Persunal u mill-membri maħtura mill-awtorità tal-ħatra imsemmija l-Artikolu 2(2) tar-Regolamenti tal-Persunal fuq proposta mill-istituzzjonijiet, kif ukoll mill-membri maħtura bi ftehim bejn il-Kumitati tal-Persunal ta’ l-istituzzjonijiet, b’tali mod li jiżguraw rappreżentanza ndaqs.
Għal ċerti eżamijiet, il-Bord ta’ l-Għażla jista’ jkun assistit minn eżaminatur wieħed jew aktar li jservi f’kapaċità ta’ konsulenza.
Il-membri tal-Bord ta’ l-Għażla għandhom jintgħażlu mill-uffiċjali li grupp tal-funzjoni u l-grad tagħhom huw mill-anqas daqs dak tal-posizzjoni li għandha timtela.
Jekk il-bord ta’ l-għażla jikkonsiti minn aktar minn erba’ membri, ikun magħmul minn mill-anqas żewġ membri ta’ kull sess.”
Il-fatti li wasslu għall-kawża
3 Fil-25 ta’ Lulju 2006, l-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal(EPSO) ippublika l-avviż ta’ Kompetizzjoni Ġenerali EPSO/AD/56/06 sabiex tinħoloq riżerva ta’ reklutaġġ ta’ amministraturi fil-grad AD 5, b’ċittadinanza Ungeriża (ĠU C 172 A, p. 3, iktar ’il quddiem l-“avviż tal-kompetizzjoni”).
4 Din il-kompetizzjoni tinkludi erba’ oqsma: “Amministrazzjoni Pubblika Ewropea/Riżorsi Umani”, “Liġi”, “Ekonomija” u “Mikroekonomija/Business Administration”.
5 In-numru ta’ kandidati li setgħu jgħaddu għall-qasam tal-“Liġi” kien iffissat għal għaxra.
6 Ir-rikorrent applika għall-kompetizzjoni EPSO/AD/56/06 u fl-applikazzjoni tiegħu għażel il-qasam tal-“Liġi”.
7 Wara li għadda mit-testijiet tad-dħul organizzati bl-għan li sseħħ selezzjoni preliminari tal-kandidati, ir-rikorrent għamel it-tliet eżamijiet bil-miktub previsti fl-avviż tal-kompetizzjoni, imbagħad l-eżami orali riżervat għall-kandidati magħżula wara l-eżamijiet bil-miktub.
8 Permezz ta’ ittra tad-19 ta’ Novembru 2007, il-President tal-Bord tal-Għażla informa lir-rikorrent li ismu ma setax jiġi mniżżel fil-lista ta’ riżerva, għax il-marka globali li hu ġab għall-eżamijiet kollha kienet inqas minn dik li ġabu l-għaxar kandidati li għaddew mill-kompetizzjoni (li għażlu “Liġi”).
9 Permezz ta’ ittra tat-22 ta’ Novembru 2007, ir-rikorrent talab eżami mill-ġdid tad-deċiżjoni li ma jiġix inkluż fil-lista ta’ riżerva tal-kompetizzjoni.
10 Billi ma rċieva la d-dokumenti u lanqas l-informazzjoni mitluba, ir-rikorrent reġa’ għamel it-talba tiegħu permezz ta’ posta elettronika indirizzata lill-EPSO fl-10 ta’ Diċembru 2007.
11 Fl-20 ta’ Diċembru 2007, l-EPSO bagħat lir-rikorrent kopja tal-eżamijiet bil-miktub (b) u (c) tiegħu u kif ukoll kopja tal-inkartamenti tal-evalwazzjoni li jikkorrispondu għalihom.
12 Permezz ta’ ittra tas-7 ta’ Jannar 2008, ir-rikorrent, abbażi tad-dokumenti li hu rċieva mingħand l-EPSO, iffinalizza l-ilmenti li dehru inizjalment fit-talba tiegħu għal eżami mill-ġdid.
13 Permezz ta’ deċizjoni tat-23 ta’Jannar 2008, il-president tal-Bord tal-Għażla ċaħad it-talba għal eżami mill-ġdid.
14 Permezz ta’ posta elettronika mibgħuta lill-EPSO fil-25 ta’ Jannar 2008, ir-rikorrent ikkontesta l-kontenut tad-deċiżjoni tat-23 ta’ Jannar 2008.
15 Permezz ta’ deċiżjoni tal-31 ta’ Marzu 2008, il-president tal-Bord tal-Għażla kkonferma ċ-ċaħda għall-inklużjoni tar-rikorrent fil-lista ta’ riżerva tal-kompetizzjoni.
Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet
16 Ir-rikors ġie ppreżentat fid-19 ta’ Mejju 2008.
17 Ir-rikorrent jitlob lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jogħġbu:
– jannulla d-deċiżjoni tad-19 ta’ Novembru 2007;
– jannulla d-deċiżjoni tat-23 ta’ Jannar 2008;
– jannulla d-deċiżjoni tal-31 ta’ Marzu 2008;
– jikkundanna lill-Kummissjoni għall-ħlas tad-dannu li jirriżulta mill-illegalità tad-deċiżjonijiet hawn fuq imsemmija;
– jikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
18 Il-Kummissjoni titlob lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jogħġbu:
– jiċħad ir-rikors;
– jikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.
19 F’dokument intitolat “Modifikazzjoni tat-talba” li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku qies li kien replika, ir-rikorrent talab ukoll lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jogħġbu:
– jikkundanna lill-Kummissjoni sabiex tħallsu, bħala kumpens għad-danni materjali, kumpens ekwivalenti għal EUR 924 fix-xahar għall-perijodu ta’ bejn il-31 ta’ Marzu 2008 u l-għoti tas-sentenza preżenti;
– jikkundanna lill-Kummissjoni sabiex tħallsu, bħala kumpens għad-danni morali, is-somma ta’ EUR 10 000;
– jordna lill-EPSO tieħu deċiżjoni ġdida li tissostitwixxi lil dik tad-19 ta’ Novembru 2007.
20 Fil-kontroreplika tagħha, il-Kummissjoni talbet mill-ġdid lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jogħġbu:
– jiċħad ir-rikors tar-rikorrent;
– jikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.
21 Skont l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ddeċieda, bil-kunsens tal-partijiet, li jaqta’ l-kawża mingħajr ma tinżamm seduta.
Id-dritt
A – Fuq it-talbiet għal annullament
1. Osservazzjonijiet preliminari dwar is-suġġett tat-talbiet għal annullament
22 Għandu jiġi mfakkar li, skont il-ġurisprudenza, meta kandidat għal kompetizzjoni jitlob eżami mill-ġdid ta’ deċiżjoni meħuda minn Bord tal-Għażla, hija d-deċiżjoni meħuda minn dan tal-aħħar wara eżami mill-ġdid tas-sitwazzjoni tal-kandidat li tikkostitwixxi l-att li jikkawża preġudizzju (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-13 ta’ Diċembru 2006, Heus vs Il-Kummissjoni, T-173/05, Ġabra SP p. I-A-2-329 u II-A-2-1695, punt 19). Għaldaqstant, id-deċiżjoni tat-23 ta’ Jannar 2008, adottata wara t-talba għal eżami mill-ġdid magħmula mir-rikorrent fit-22 ta’ Novembru 2007, issostitwixxiet id-deċiżjoni inizjali tal-Bord tal-Għażla tad-19 ta’ Novembru 2007 u għalhekk tikkostitwixxi l-att li jikkawża preġudizzju (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).
23 Barra minn hekk, mill-atti tal-proċess jirriżulta li, wara li rċieva d-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrent bagħat, fil-25 ta’ Jannar 2008, lill-EPSO — li, skont l-avviż tal-kompetizzjoni, kien id-destinatarju mhux biss tat-talbiet għal eżami mill-ġdid, iżda wkoll tal-ilmenti magħmula mill-kandidati fuq il-bażi tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal — posta elettronika li fiha huwa kkontesta l-fondatezza ta’ din id-deċiżjoni u enfasizza, b’mod partikolari, li din id-deċiżjoni ttieħdet bi ksur ta’ ċerti regoli li jirregolaw il-proċeduri tal-Bordijiet tal-Għażla tal-kompetizzjonijiet. Fid-dawl tal-għan ta’ din il-posta u meta jitqies il-fatt li l-għażla tal-EPSO li jgħaddiha lill-president tal-Bord tal-Għażla sabiex dan jirrispondi għaliha ma tistax taffettwa l-mod kif it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għandu jikklassifika l-imsemmija posta, din il-posta għandha titqies bħala lment skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, li ġie miċħud b’mod espliċitu permezz tad-deċiżjoni tal-31 ta’ Marzu 2008. Issa, ġie deċiż li talbiet għal annullament formalment diretti kontra d-deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ lment għandhom, fil-każ fejn din id-deċiżjoni tkun nieqsa minn kontenut awtonomu, l-effett li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jiġi adit bl-att li fir-rigward tiegħu jkun sar l-ilment (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Jannar 1989, Vainker vs Il-Parlament, 293/87, Ġabra p. 23, punt 8; ara bl-istess mod is-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, tad-9 ta’ Lulju 2009, Hoppenbrouwers vs Il-Kummissjoni, F-104/07, ĠabraSP p. I-A-1-259 u II-A-1-1399, punt 31). F’dawn iċ-ċirkustanzi, billi d-deċiżjoni tal-31 ta’ Marzu 2008 kienet nieqsa minn kontenut awtonomu, lanqas ma hemm lok li tittieħed deċiżjoni dwar it-talbiet intiżi għall-annullament tal-imsemmija deċiżjoni.
2. Fuq it-talbiet intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata
a) Fuq l-ammissibbiltà
24 Il-Kummissjoni tesponi li d-deċiżjoni kkontestata kellha tiġi kkontestata fi żmien tliet xhur u għaxart’ijiem dekorribbli min-notifika tal-imsemmija deċiżjoni, jiġifieri mhux iktar tard mit-3 ta’ Mejju 2008. Issa, ir-rikors preżenti ġie ppreżentat fid-19 ta’ Mejju 2008. Għaldaqstant dan għandu, skont il-Kummissjoni, jiġi miċħud bħala inammissibbli.
25 F’dan ir-rigward, skont ġurisprudenza stabbilita, ir-rimedju disponibbli fir-rigward ta’ deċiżjoni ta’ Bord tal-Għażla ta’ kompetizzjoni normalment jikkonsisti f’azzjoni diretta quddiem il-qorti tal-Unjoni Ewropea. Madanakollu, jekk il-persuna kkonċernata tagħżel, bħalma għamel ir-rikorrent fil-kawża preżenti, li qabelxejn tindirizza lill-amministrazzjoni lment amministrattiv, l-ammissibbiltà tar-rikors ippreżentat iktar tard ikun jiddependi mill-osservanza min-naħa tal-persuna kkonċernata tar-restrizzjonijiet proċedurali kollha marbuta mar-rimedju tal-ilment imressaq qabel (digriet tat-Tribunal tal-Prim’Istanza tal-25 ta’ Novembru 2005, Pérez-Díaz vs Il-Kummissjoni, T-41/04, ĠabraSP p. I-A-373 u II-1697, punt 32).
26 F’dan il-każ, peress li r-rikorrent kien għażel li jagħmel ilment kontra d-deċiżjoni kkontestata, huwa kien marbut skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal li jressaq tali ilment fi żmien tliet xhur dekorribbli mid-data tan-notifika ta’ din id-deċiżjoni. Issa, mill-atti tal-proċess jirriżulta li l-persuna kkonċernata kkonformat ruħha għal din ir-regola, peress li l-ilment wasal għand l-EPSO fil-25 ta’ Jannar 2008, jew jumejn wara n-notifika li saritilha, fit-23 ta’ Jannar 2008, tad-deċiżjoni kkontestata.
27 Barra minn hekk, peress li skont l-Artikoli 91(3) tar-Regolamenti tal-Persunal, l-appelli previsti f’dan l-artikolu għandhom isiru fi żmien tliet xhur li jibdew jiddekorru mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni mogħtija bi tweġiba għall-ilment, liema terminu jiżdied b’terminu ta’ għaxart’ijiem għal raġuni ta’ distanza skont l-Artikolu 100(3) tar-Regoli tal-Proċedura, huwa paċifiku li r-rikorrent ippreżenta dan ir-rikors quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fid-19 ta’ Mejju 2008, jiġifieri fit-terminu ta’ tliet xhur u għaxart’ijiem. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ma għandhiex bażi sabiex issostni li r-rikors ġie ppreżentat tard.
b) Fuq il-mertu
28 Insostenn tat-talbiet tiegħu, ir-rikorrent invoka inizjalment sitt motivi, ibbażati, fl-ewwel lok, fuq il-ksur tal-ħames paragrafu tal-Artikolu 3 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal, fit-tieni lok, fuq il-ksur tar-rekwiżit ta’ smigħ xieraq, fit-tielet lok, fuq il-ksur tal-prinċipji li jirregolaw l-evalwazzjoni, fir-raba’ lok, fuq il-ksur tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, fil-ħames lok, fuq l-eżistenza ta’ abbuż ta’ poter u tal-ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, fis-sitt lok, fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali.
29 Madanakollu, fir-replika tiegħu, ir-rikorrent informa lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li huwa kien qed jirrinunzja li jinvoka l-motivi bbażati fuq il-ksur tar-rekwiżit ta’ smigħ xieraq, il-ksur tal-prinċipji li jirregolaw l-evalwazzjoni u l-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali.
30 Għandu jiġi eżaminat il-motiv dwar il-vjolazzjoni tal-ħames paragrafu tal-Artikolu 3 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal.
L-argumenti tal-partijiet
31 Ir-rikorrent ifakkar li, skont il-ħames paragrafu tal-Artikolu 3 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal, “Jekk il-bord ta’ l-għażla jikkonsiti minn aktar minn erba’ membri, ikun magħmul minn mill-anqas żewġ membri ta’ kull sess”. Issa, skont ir-rikorrent, tali dispożizzjoni ġiet injorata f’dan il-każ, peress li l-Bord tal-Għażla, li kien kompost minn iktar minn erba’ membri, kellu biss membru femminili wieħed waqt l-eżami orali.
32 Bħala difiża, il-Kummissjoni, wara li talbet l-inammissibiltà tal-motiv peress li dan ma tqajjimx fil-proċedura prekontenzjuża, tenfasizza għall-finijiet ta’ kompletezza li l-ħames paragrafu tal-Artikolu 3 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal ma kienx japplika għal dan il-każ, peress li l-Bord tal-Għażla kien ikkostiwit biss minn erba’ membri permanenti u erba’ membri sostitwenti. Fi kwalunkwe każ, anki kieku l-Bord tal-Għażla kien marbut li josserva din id-dispożizzjoni, il-Kummissjoni ssostni li l-ħames paragrafu tal-Artikolu 3 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal, li ma jagħmel l-ebda distinzjoni bejn membri permanenti u membri sostitwenti, ġie osservat, peress li l-Bord tal-Għażla kien jinkludi żewġ membri tas-sess femminili.
33 Ir-rikorrent jirribatti, fir-rigward tal-innamissibiltà tal-motiv, li r-regola tal-konkordanza bejn l-ilment u r-rikors ma tapplikax fil-qasam tal-kompetizzjoni u li, fi kwalunkwe każ, il-motiv ibbażat fuq il-ksur tar-regola tal-parità fi ħdan il-Bordijiet tal-Għażla tal-kompetizzjoni huwa motiv ta’ ordni pubbliku, li jista’ jiġi invokat għall-ewwel darba quddiem il-qorti. Fil-mertu, ir-rikorrent isostni li, sabiex tiġi vverifikata l-osservanza tar-rekwiżit tal-ħames paragrafu tal-Artikolu 3 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal u li l-għan tiegħu huwa dak li jostakola kull diskriminazzjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni biss il-membri permanenti, jew tal-inqas, dawk li kienu preżenti waqt l-eżami orali.
Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku
– Fuq l-ammissibbiltà tal-motiv
34 Kif it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ddeċieda fis-sentenza tal-1 ta’ Lulju 2010, Mandt vs Il-Parlament (F-45/07, punti 119 u 120), ir-regola tal-konkordanza bejn l-ilment u r-rikors tinkiser biss jekk ir-rikors inkwistjoni jibdel is-suġġett tal-ilment jew il-kawża tiegħu, fejn dan l-aħħar kunċett tal-“kawża” għandu jiġi interpretat f’sens wiesa’. Skont tali interpretazzjoni, u fir-rigward tat-talbiet għal annullament, bil-frażi “kawża tat-tilwima” wieħed għandu jifhem il-kontestazzjoni mir-rikorrent tal-legalità interna tal-att ikkontestat jew, alternattivament, il-kontestazzjoni tal-legalità esterna tiegħu. Konsegwentement, u mingħajr ħsara għall-eċċezzjonijiet ta’ illegalità u tal-motivi ta’ ordni pubbliku, ikun hemm bdil fil-kawża tat-tilwima u, għaldaqstant, ksur tar-regola tal-konkordanza jekk ir-rikorrent, li fl-ilment tiegħu jkun ikkritika biss il-validità formali tal-att li kkawżalu preġudizzju, inklużi l-aspetti proċedurali tiegħu, iqajjem fir-rikors motivi fil-mertu, jew fl-ipoteżi opposta fejn ir-rikorrent, wara li fl-ilment tiegħu jkun ikkontesta biss il-legalità fil-mertu tal-att li kkawżalu preġudizzju, jippreżenta rikors b’motivi marbuta mal-validità formali tiegħu.
35 Fil-każ ineżami, minkejja li huwa minnu li l-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-ħames paragrafu tal-Artikolu 3 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal ma jirriżultax, lanqas b’mod impliċitu, fl-ilment, ir-rikorrent xorta waħda kkontesta, f’tali lment, il-legalità esterna tad-deċiżjoni kkontestata, meta sostna, b’mod partikolari, li l-eżami bil-miktub (c) tiegħu ma ġiex ikkoreġut minn eżaminatur ta’ lingwa Ungeriża li, mill-perspettiva tiegħu, ivvizzja l-proċedura kollha, u li d-deċiżjoni kkontestata ma kinitx immotivata biżżejjed fir-rigward tal-osservazzjonijiet redatti fl-ittri tat-22 ta’ Novembru 2007 u tas-7 ta’ Jannar 2008. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-motiv hawn fuq imsemmi, li joħroġ mill-istess kawża ġuridika li minnha joħorġu ċerti motivi msemmija fl-ilment, huwa ammissibbli.
– Fuq il-fondatezza tal-motiv
36 L-ewwel nett, għandu jiġi mistħarreġ jekk il-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni li eżamina l-prestazzjonijiet tar-rikorrent kienx kompost “minn aktar minn erba’ membri” skont id-dispożizzjonijiet tal-ħames paragrafu tal-Artikolu 3 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal, sabiex jiġi ddeterminat jekk, f’dan il-każ, il-Bord tal-Għażla kienx marbut li jirrispetta l-imsemmija dispożizzjonijiet.
37 F’dan ir-rigward, il-frażi “membri [tal-Bord tal-Għażla]” li tidher fil-ħames paragrafu tal-Artikolu 3 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal għandha tinftiehem, meta tikkunsidra n-natura ġenerali tagħha, bħala li tinkludi l-membri kollha tal-Bord tal-Għażla, inkluż il-president, u mhux biss il-membri tal-imsemmi Bord tal-Għażla li ma għandhomx il-funzjoni ta’ president. Minn dan isegwi li l-Bordijiet tal-Għażla tal-kompetizzjonijiet li jkunu komposti, bħal f’dan il-każ, minn tal-inqas ħames membri, inkluż il-president, jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjoni hawn fuq imsemmija.
38 It-tieni nett, għandu jiġi eżaminat jekk il-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni issodisfax ir-regola stabbilita fil-ħames paragrafu tal-Artikolu 3 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal, jiġifieri li jinkludi “mill-anqas żewġ membri ta’ kull sess”, li jinvolvi li jiġi ddeterminat, qabelxejn, jekk l-osservanza tar-regola għandhiex tiġi vverifikata waqt il-kostituzzjoni tal-Bord tal-Għażla, kif jidher fil-lista ppubblikata mill-istituzzjoni organizzatriċi jew l-istituzzjonijiet organizzaturi tal-kompetizzjoni jew waqt li jkunu qed isiru l-eżamijiet, imbagħad, jekk għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni biss il-membri permanenti tal-Bord tal-Għażla jew inkella l-membri sostitwenti wkoll.
39 Dwar il-kwistjoni ta’ jekk l-osservanza tar-regola msemmija fil-ħames paragrafu tal-Artikolu 3 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal għandhiex tiġi vverifikata waqt il-pubblikazzjoni tal-lista tal-membri tal-Bord tal-Għażla jew waqt li jkunu qed isiru l-eżamijiet orali, it-Tribunal jikkunsidra li d-dispożizzjonijiet hawn fuq imsemmija għandhom jiġu interpretati bħala li qed jirreferu għall-membri tal-Bord tal-Għażla li jidhru fuq il-lista ppubblikata. Fil-fatt, jekk ir-regola hawn fuq imsemmija kellha tiġi osservata waqt li jkunu qed isiru l-eżamijiet, ikun hemm diffikultajiet prattiċi konsiderevoli għall-amministrazzjoni inkarigata bl-organizzazzjoni tal-kompetizzjonijiet, fid-dawl tal-fatt li interpretazzjoni opposta timponi fuq l-istess amministrazzjoni restrizzjoni wisq kbira fil-qasam tal-ġestjoni tal-persunal, u dan filwaqt li l-Bordijiet tal-Għażla tal-kompetizzjonijiet għandhom ukoll, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 3 tal-istess Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal, ikunu komposti minn membri maħtura mill-Awtorità tal-Ħatra u minn membri maħtura mill-kumitat jew mill-kumitati tal-persunal.
40 Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk għandhomx, sabiex tiġi vverifikata l-osservanza tal-ħames paragrafu tal-Artikolu 3 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal, jittieħdu inkunsiderażżjoni biss il-membri permanenti tal-Bord tal-Għażla jew jekk għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni l-membri sostitwenti wkoll, għandu jiġi mfakkar, b’mod preliminari, li l-ġurisprudenza taċċetta li amministrazzjoni li tkun qed tifforma Bord tal-Għażla ta’ kompetizzjoni tista’ b’mod legali, anki jekk din il-possibbiltà ma tidhirx espressament fir-Regolamenti tal-Persunal, taħtar mhux biss membri permanenti iżda wkoll membri sostitwenti. Fil-fatt, l-iskop li jiġu maħtura membri sostitwenti f’Bord tal-Għażla ta’ kompetizzjoni huwa dak li, f’każ li xi membri permanenti jkunu indisposti, dawn ikunu jistgħu jiġu ssostitwiti, sabiex il-Bord tal-Għażla jkun jista’ jwettaq xogħlu fi żmien raġonevoli, filwaqt li tinżamm kompożizzjoni stabbli matul l-eżamijiet orali kollha (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Marzu 2008, Giannini vs Il-Kummissjoni, T-100/04, ĠabraSP p. I-A-2-9 u II-A-2-37, punt 207).
41 Madankollu, sabiex tiġi vverifikata l-osservanza tar-regola msemmija fil-ħames paragrafu tal-Artikolu 3 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal, għandhom, bħala regola ġenerali, jittieħdu inkunsiderazzjoni biss il-membri permanenti tal-Bord tal-Għażla, peress li huma dawn li normalment jipparteċipaw waqt li jkunu fil-fatt qegħdin isiru l-eżamijiet.
42 Barra minnhekk, jekk il-ħames paragrafu tal-Artikolu 3 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal għandu jiġi interpretat bħala li jeżiġi li jittieħdu inkunsiderazzjoni, sabiex tiġi evalwata l-konformità tal-kompożizzjoni tal-Bord tal-Għazla ta’ kompetizzjoni, il-membri kollha tal-membri tal-Bord tal-Għażla, sewwa jekk huma permanenti u anki jekk huma sostitwenti, tali interpretazzjoni twassal sabiex ittellef parti kbira mill-iskop ta’ din id-dispożizzjoni. Infatti, ir-rekwiżit li Bord tal-Għażla li jkun magħmul minn iktar minn erba’ membri għandu jinkludi żewġ membri minn kull sess ġie inkluż mil-leġiżlatur sabiex il-kompożizzjoni tal-Bordijiet tal-Għażla tkun kemm jista’ jkun rappreżentazzjoni bbilanċjata taż-żewġ sessi. Issa, tali għan ma jistax jintlaħaq jekk ikun biżżejjed li, f’Bord tal-Għażla magħmul minn tal-inqas tmien membri, inklużi s-sostitwenti, wieħed mis-sessi jkun irrappreżentat biss minn żewġ membri sostitwenti.
43 Minn dan jirriżulta li Bord tal-Għażla li jkun magħmul, mal-pubblikazzjoni tal-lista tal-membri tiegħu, minn iktar minn erba’ membri permanenti, jista’ biss jitqies li jissodisfa r-rekwiżiti tal-ħames paragrafu tal-Artikolu 3 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal kemm-il darba, fost dawn il-membri permanenti, ikun hemm minn tal-inqas żewġ membri ta’ kull sess.
44 Madankollu, ir-rekwiżit li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni biss il-membri permanenti tal-Bord tal-Għażla fl-istadju tal-pubblikazzjoni tal-lista tal-membri tiegħu, jista’ jiġi attenwat fil-każ partikolari fejn, minkejja li kostituzzjoni tal-Bord tal-Għażla ma tkunx tissodisfa, f’dan l-istadju, ir-regola msemmija fil-ħames paragrafu tal-Artikolu 3 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal, kif interpretata fil-punt preċedenti, il-kompożizzjoni tal-Bord tal-Għażla, waqt li jkunu għaddejjin l-eżamijiet, tkun madankollu konformi ma’ din ir-regola. Fil-fatt, f’tali każ, l-għan tal-ħames paragrafu tal-Artikolu 3 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal, jiġifieri li jiġi żgurat li l-prestazzjonijiet tal-kandidati ta’ kompetizzjoni jiġu evalwati minn Bord tal-Għażla li fih tiġi żgurata rappreżentazzjoni bbilanċjata bejn in-nisa u l-irġiel, ikun totalment sodisfatt.
45 F’dan il-każ, filwaqt li l-EPSO, permezz ta’ ittra tat-23 ta’ Awwissu 2006, stieden lill-istituzzjonijiet u kif ukoll lill-kumitati tal-persunal sabiex jipproponu l-ismijiet tal-persuni li jistgħu jiffurmaw parti mill-Bord tal-Għażla u fakkrithom b’mod partikolari li Bord tal-Għażla li jkollu iktar minn erba’ membri għandu jkollu tal-inqas żewġ persuni minn kull sess, mill-atti tal-proċess jirriżulta stabbilit li, ftit qabel ma nbdew l-eżamijiet orali, l-EPSO ppubblika fuq is-sit tal-internet tiegħu l-lista tal-membri — permanenti u sostitwenti — tal-Bord tal-Għażla għall-kompetizzjoni ġenerali EPSO/AD/56/06, lista li minnha jirriżulta li l-Bord tal-Għażla għandu president permanenti ta’ sess maskili, u erba’ membri permanenti li huma wkoll ta’ sess maskili, iżda ebda persuna ta’ sess femminili, u dan b’nuqqas ta’ osservanza tal-ħames paragrafu tal-Artikolu 3 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal.
46 Huwa minnu li, fil-lista ppubblikata mill-EPSO, jidhru wkoll president u membru sostitwenti ta’ sess femminili u li, b’mod partikolari, din il-membru sostitwenti kienet preżenti waqt l-eżami orali tar-rikorrent.
47 Madankollu, din iċ-ċirkustanza ma tistabbilixxix li l-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni issodisfa dak li huwa msemmi fil-ħames paragrafu tal-Artikolu 3 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal, peress li la huwa ppruvat u lanqas allegat li l-president sostitwenti ta’ sess femminili, flimkien mal-membru sostitwenti ta’ sess femminili, għamlu fil-fatt parti mill-kompożizzjoni stabbli tal-Bord tal-Għażla li, waqt li kienu għaddejjin l-eżamijiet, eżamina l-ħiliet tal-kandidati.
48 Għalhekk, għandu jiġi konkluż li, f’dan il-każ, il-kompożizzjoni tal-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni ma kinitx konformi mad-dispożizzjonijiet tal-ħames paragrafu tal-Artikolu 3 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal.
49 Peress li ma huwiex stabbilit li, fin-nuqqas ta’ tali irregolarità, id-deċiżjoni kkontestata kien ikollha l-istess kontenut, isegwi li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata, mingħajr il-bżonn li jiġu eżaminati l-motivi l-oħra tar-rikors.
B – Fuq it-talbiet sabiex it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jordna lill-EPSO jieħu deċiżjoni ġdida minflok dik tad-19 ta’ Novembru 2007
50 Skont ġurisprudenza stabbilita, ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Unjoni li tindirizza ordnijiet lill-amministrazzjoni fil-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità skont l-Artikolu 91 tar-Regolamenti tal-Persunal (sentenza tat-Tribunal tal-Prim’Istanza tat-2 ta’ Marzu 2004, Di Marzio vs Il-Kummissjoni, T-14/03, ĠabraSP p. I-A-43 u II-167, punt 63). It-talbiet hawn fuq imsemmija għandhom, bħala konsegwenza, jiġu miċħuda bħala inammissibbli.
C – Fuq it-talbiet għad-danni
1. L-argumenti tal-partijiet
51 Ir-rikorrent jitlob kumpens kemm għad-dannu materjali u kif ukoll għad-dannu morali li allegatament huwa sofra mid-deċiżjoni kkontestata. Huwa jippreċiża li d-dannu materjali jirriżulta mid-differenza bejn il-paga ta’ uffiċjal fil-grad AD5, skala 2, u r-remunerazzjoni li huwa jirċievi attwalment, kif ukoll mit-tneħħija tad-dritt għas-sigurtà soċjali u għall-pensjoni tal-Unjoni Ewropea.
52 Il-Kummissjoni titlob iċ-ċaħda tat-talbiet hawn fuq imsemmija.
2. Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku
53 Skont ġurisprudenza stabbilita, ir-responsabbiltà tal-amministrazzjoni tippresupponi l-eżistenza ta’ numru ta’ kundizzjonijiet li jirrigwardaw l-illegalità tal-imġiba allegata fil-konfront tal-istituzzjonijiet, ir-realtà tad-dannu, u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-imġiba u d-dannu invokat (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-1 ta’ Ġunju 1994, Il-Kummissjoni vs Brazzelli Lualdi et, C-136/92 P, Ġabra p. I-1981, punt 42, u tal-21 ta’ Frar 2008, Il-Kummissjoni vs Girardot, C-348/06 P, Ġabra p. I-833, punt 52). Dawn it-tliet kundizzjonijiet huma kumulattivi. In-nuqqas ta’ waħda minnhom hija biżżejjed talbiet għad-danni jiġu miċħuda.
54 Fir-rigward tar-rabta kawżali, jeħtieġ, bħala regola ġenerali, li r-rikorrent iressaq il-prova ta’ relazzjoni diretta u ċerta ta’ kawża u effett bejn in-nuqqas imwettaq mill-istituzzjoni u d-dannu invokat (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-28 ta’ Settembru 1999, Hautem vs BEI, T-140/97, ĠabraSP p. I-A-171 u II-897, punt 85.
55 Madankollu, il-livell ta’ ċertezza tar-rabta kawżali mitluba mill-ġurisprudenza tintlaħaq meta l-illegalità mwettqa minn istituzzjoni tal-Unjoni tkun, b’mod ċert, ċaħħdet lil persuna mhux neċessarjament minn reklutaġġ, li għalih il-persuna kkonċernata ma tista’ qatt tagħti prova li kellha dritt, iżda minn ċans kbir li din tiġi rreklutata bħala uffiċjal jew aġent, bil-konsegwenza għall-persuna kkonċernata ta’ dannu materjali li jikkonsisti f’telf ta’ dħul (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-5 ta’ Ottubru 2004, Sanders et vs Il-Kummissjoni, T-45/01, Ġabra p. II-3315, punt 150; sentenza tat-Tribunal tat-22 ta’ Ottubru 2008, Tzirani vs Il-Kummissjoni, F-46/07, ĠabraSP p. I-A-1-323 u II-A-1-1773, punt 218).
56 Fir-rigward tad-dannu materjali, ir-rikorrent jitlob kumpens għad-dannu materjali li jirriżulta, minn naħa, mit-telf ta’ remunerazzjoni li ġarrab, li tirriżulta mid-differenza ta’ bejn paga ta’ uffiċjal fi grad AD5, skala 2, u l-paga li hu qiegħed jirċievi bħalissa, u min-naħa l-oħra, mit-tneħħija tad-dritt għas-sigurtà soċjali u għall-pensjoni marbuta mal-istatus ta’ uffiċjal. Madankollu, f’dan il-każ, ma huwiex stabbilit li, fin-nuqqas tal-illegalità mwettqa fil-kompożizzjoni tal-Bord tal-Għażla, ir-rikorrent kien jiġi rreklutat bħala uffiċjal jew, tal-inqas, kien ikollu ċans kbir li jiġi rreklutat. Bħala konsegwenza, il-kundizzjoni relattiva għall-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn in-nuqqas tal-amministrazzjoni u d-dannu invokat ma kinitx sodisfatta, u t-talbiet intiżi għall-kumpens tad-dannu materjali jistgħu biss jiġu miċħuda. Fi kwalunkwe każ, hija l-amministrazzjoni li wettqet l-att annullat li għandha tieħu l-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni tas-sentenza preżenti u, b’mod partikolari, li tadotta, skont il-prinċipji tal-leġiżlazzjoni Ewropea applikabbli, kull att ta’ natura li jikkumpensa b’mod ekwu l-iżvantaġġ li rriżulta, għar-rikorrent, mill-att annullat (ara, f’dan is-sens, sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Settembru 2005, Casini vs Il-Kummissjoni, T-132/03 , ĠabraSP p. I-A-253 u II-1169, punt 98).
57 Fir-rigward tad-danni morali, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrent ma jurix li sostna dannu morali distint mill-illegalità li fuqha huwa bbażat l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata u li ma jistax jiġi kompletament irrimedjat permezz ta’ dan l-annullament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-19 ta’ Novembru 2008, Michail vs Il-Kummissjoni, T-49/08 P, ĠabraSP p. I-B-1-121 u II-B-1-739, punt 88).
58 Minn dan isegwi li t-talbiet għad-danni għandhom jiġu miċħuda.
Fuq l-ispejjeż
59 Skont l-Artikolu 87(1) tar-Regoli tal-Proċedura, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet l-oħra tal-Kapitolu fuq l-ispejjeż, il-parti telliefa għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikun ġew mitluba. Skont l-Artikolu 87(2) tal-istess regoli, jekk ikun meħtieġ għal raġunijiet ta’ ekwità, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jista’ jiddeċiedi li l-parti telliefa għandha tiġi kkundannata tbati biss parti mill-ispejjeż, jew saħansitra li hija ma jkollhiex tiġi kkundannata f’dan ir-rigward.
60 Mir-raġunijiet imsemmija iktar ’il fuq jirriżulta li l-Kummissjoni hija essenzjalment il-parti telliefa. Barra minn hekk, fit-talbiet tiegħu, ir-rikorrent talab espressament li l-Kummissjoni tiġi kkundannata għall-ispejjeż. Għalhekk, peress li ċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża ma jiġġustifikawx l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Kummissjoni għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż.
Għal dawn il-motivi,
IT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (L-Ewwel Awla)
jaqta’ u jiddeċiedi:
1) Id-deċiżjoni tat-23 ta’ Jannar 2008, li biha l-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni EPSO/AD/56/06 ċaħad it-talba ta’ G. Bartha għal eżami mill-ġdid tad-deċiżjoni tal-imsemmi Bord tal-Għażla li ċaħdet il-kandidatura tiegħu, hija annullata.
2) Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.
3) Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata għall-ispejjeż.
Gervasoni
Kreppel
Tagaras
Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-23 ta’ Novembru 2010.
W. Hakenberg
S. Gervasoni
Reġistratur
President
It-testi ta’ din id-deċiżjoni kif ukoll id-deċiżjonijiet tal-qrati tal-Unjoni Ewropea ċċitati fiha huma disponibbli fis-sit tal-internet
* Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż.
Full & Egal Universal Law Academy