SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell)
8 ta’ Lulju 2010 ( *1 )
Fil-Kawża T-12/08 P-RENV-RX,
li għandha bħala suġġett appell mid-digriet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (L-Ewwel Awla), tad-19 ta’ Ottubru 2007, M vs EMEA (F-23/07, li għadu ma ġiex ippubblikat fil-ĠabraSP), u intiż għall-annullament ta’ dan id-digriet,
M, ex membru tal-persunal temporanju tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini, residenti fi Browbourne (ir-Renju Unit), irrappreżentat minn S. Orlandi, A. Coolen, J.-N. Louis u É. Marchal, avukati,
rikorrent,
il-parti l-oħra fil-kawża li hija
L-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA), irrappreżentata minn V. Salvatore u N. Rampal Olmedo, bħala aġenti,
konvenuta fl-ewwel istanza,
IL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell),
komposta minn M. Jaeger (Relatur), President, J. Azizi, N. J. Forwood, O. Czúcz u I. Pelikánová, Imħallfin,
Reġistratur: E. Coulon,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1
Din il-proċedura ssegwi s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Diċembru 2009, Eżami mill-ġdid M vs EMEA (C-197/09 RX-II, Ġabra p. I-12033), li permezz tagħha l-istess Qorti, wara li kkonstatat li s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Mejju 2009, M vs EMEA (T-12/08 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-ĠabraSP, iktar ’il quddiem is-“sentenza eżaminata mill-ġdid”), li għandha bħala suġġett appell mid-digriet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (L-Ewwel Awla), tad-19 ta’ Ottubru 2007, M vs EMEA (F-23/07, li għadu ma ġiex ippubblikat fil-ĠabraSP, iktar ’il quddiem id-“digriet ikkontestat”), tippreġudika l-unità u l-koerenza tad-dritt Komunitarju, annullat il-punti 3 u 5 tad-dispożittiv tas-sentenza eżaminata mill-ġdid, iċċitata iktar ’il fuq, u rrinvijat il-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali.
Il-fatti u l-proċedura fl-ewwel instanza
2
Jirriżulta mis-sentenza eżaminata mill-ġdid, iċċitata fil-punt 1 iktar ’il fuq, li M, membru tal-persunal temporanju li daħal fis-servizz tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA, imsejħa EMEA sat-8 ta’ Diċembru 2009) fix-xahar ta’ Ottubru 1996, kellu inċident fuq il-post tax-xogħol fix-xahar ta’ Marzu 2005 u, minn dakinhar ħareġ bil-leave tal-mard. Peress li ma ġiex imġedded, il-kuntratt tiegħu mal-EMA skada fil-15 ta’ Ottubru 2006.
3
Fis-17 ta’ Frar 2006, M talab li jiġi kkostitwit kumitat ta’ invalidità, iżda dan ġie rrifjutat mill-EMA permezz ta’ ittra tal-31 ta’ Marzu 2006. Fit-3 ta’ Lulju 2006, M ippreżenta lment kontra dan ir-rifjut, li ġie miċħud permezz tad-deċiżjoni tal-25 ta’ Ottubru 2006.
4
Fil-frattemp, fit-8 ta’ Awwissu 2006, M għamel talba mill-ġdid sabiex jiġi kkostitwit kumitat ta’ invalidità, li magħha annetta rapport mediku tat-tabib W.
5
Permezz ta’ ittra tal-21 ta’ Novembru 2006, M talab lill-EMA sabiex tiċċara jekk id-deċiżjoni tal-25 ta’ Ottubru 2006, li tikkonferma d-deċiżjoni li l-każ tiegħu ma jitressaqx quddiem il-kumitat ta’ invalidità, kinitx tikkostitwixxi ċaħda tat-talba tat-8 ta’ Awwissu 2006.
6
Permezz ta’ ittra tad-29 ta’ Novembru 2006, EMA informat lil M li, fid-deċiżjoni tagħha tal-25 ta’ Ottubru 2006, hija kienet ikkunsidrat b’mod xieraq li t-talba tat-8 ta’ Awwissu 2006 ma setgħetx titqies bħala talba ġdida fis-sens tal-Artikolu 59(4) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, u li konsegwentement, dik kellha tiġi miċħuda għar-raġunijiet mogħtija fl-imsemmija deċiżjoni.
7
Permezz ta’ ittra tal-25 ta’ Jannar 2007, M ippreżenta lment li permezz tiegħu talab l-irtirar tad-deċiżjoni tal-25 ta’ Ottubru 2006, inkwantu din ċaħdet it-talba tiegħu tat-8 ta’ Awwissu 2006. Barra minn hekk, l-għada għamel talba lill-EMA għad-danni materjali u morali subiti minnu.
8
Permezz ta’ ittra tal-31 ta’ Jannar 2007, l-EMA ċaħdet dan l-ilment u din it-talba.
9
Fis-7 ta’ Frar 2007, M ippreżenta quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku rikors, irreġistrat taħt in-numru F-13/07, intiż sabiex jannulla d-deċiżjoni tal-31 ta’ Marzu 2006 li permezz tagħha l-EMA ċaħdet it-talba tiegħu sabiex jiġi kkostitwit kumitat ta’ invalidità, kif ukoll, sa fejn huwa neċessarju, id-deċiżjoni tal-25 ta’ Ottubru 2006.
10
Sussegwentement, fid-19 ta’ Marzu 2007, M ippreżenta, quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, rikors ieħor, irreġistrat taħt in-numru F-23/07, intiż minn naħa, għall-annullament tad-deċiżjoni tal-25 ta’ Ottubru 2006, u min-naħa l-oħra, għall-kundanna tal-EMA għall-ħlas ta’ EUR 100000 għad-danni għal ksur tad-dmirijiet amministrattivi.
11
L-ewwel rikors ġie miċħud mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku bħala manifestament inammissibbli permezz tad-digriet tal-20 ta’ April 2007, L vs EMEA (F-13/07, li għadu ma ġiex ippubblikat fil-ĠabraSP), minħabba li l-ilment preċedenti ġie ppreżentat tardivament.
12
Fir-rigward tat-tieni rikors, l-EMA qajmet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà permezz ta’ att separat, skont l-Artikolu 114(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, applikabbli mutatis mutandis għat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, bis-saħħa tal-Artikolu 3(4) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/752/KE, Euratom, tat-2 ta’ Novembru 2004, li tistabbilixxi t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 153M, p. 84), sad-dħul fis-seħħ tar-Regoli tal-Proċedura ta’ dan tal-aħħar, li seħħ fl-1 ta’ Novembru 2007.
13
Permezz tad-digriet ikkontestat, mogħti taħt l-imsemmi Artikolu 114, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, mingħajr ma beda l-proċeduri orali u mingħajr ma rrinvija d-deċiżjoni dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà għas-sentenza finali, ċaħad ir-rikors bħala inammissibbli.
14
Fir-rigward tat-talbiet għall-annullament tad-deċiżjoni tal-25 ta’ Ottubru 2006, sa fejn l-EMA kienet ċaħdet it-talba ta’ M tat-8 ta’ Awwissu 2006, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku qies li dawn it-talbiet kienu inammissibbli minħabba li l-imsemmija deċiżjoni kellha titqies bħala deċiżjoni li sempliċiment tikkonferma d-deċiżjoni inkluża fl-ittra tal-EMA tal-31 ta’ Marzu 2006 u li t-talbiet magħmula kontra din id-deċiżjoni kienu diġà ġew iddikjarati bħala inammissibbli permezz tad-digriet L vs EMEA, iċċitata fil-punt 11 iktar ’il fuq.
15
It-talbiet għal kumpens ukoll ġew miċħuda bħala inammissibbli, b’mod partikolari, minħabba r-rabta mill-qrib bejn dawn tal-aħħar u t-talbiet għal annullament eżaminati preċedentement.
Appell quddiem il-Qorti Ġenerali
16
Permezz ta’ nota ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-4 ta’ Jannar 2008, M ippreżenta appell, skont l-Artikolu 9 tal-Anness I tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, mid-digriet ikkontestat.
17
F’din l-okkażjoni, M ma talabx biss lill-Qorti Ġenerali tannulla dan id-digriet, iżda talabha wkoll tiddeċiedi dwar il-mertu tal-kawża. L-EMA, minn naħa tagħha, talbet li dan l-appell jiġi miċħud bħala manifestament infondat billi llimitat l-argument tagħha għall-inammissibbiltà tar-rikors ta’ M.
18
Wara li laqgħet it-talba ta’ M għal smigħ fil-fażi orali tal-proċedura, il-Qorti Ġenerali, fis-sentenza eżaminata mill-ġdid, iċċitata fil-punt 1 iktar ’il fuq, annullat id-digriet ikkontestat billi qieset li dan kien ivvizzjat bi żball ta’ liġi inkwantu t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ddikjara bħala inammissibbli t-talbiet għal annullament u t-talbiet għad-danni ta’ M.
19
Billi qieset il-kawża bħala fi stat li tiġi deċiża, fis-sens tal-Artikolu 13(1) tal-Anness I tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, sussegwentement il-Qorti Ġenerali ddeċidiet il-kawża. Hija ddikjarat it-talbiet għal annullament bħala ammissibbli u fondati u annullat id-deċiżjoni tal-25 ta’ Ottubru 2006. Hija ddikjarat ammissibbli wkoll it-talbiet għall-kumpens ta’ M u kkundannat lil EMA għall-ħlas tad-danni li ammontaw għal EUR 3000 bħala kumpens għad-dannu morali subit minnu.
20
F’dan ir-rigward, fil-punt 100 tas-sentenza eżaminata mill-ġdid, iċċitata fil-punt 1 iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali rrilevat li fir-rikors tiegħu quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, M enfasizza li billi baqgħet tirrifjuta li tibda proċedimenti għal invalidità, l-EMA poġġietu fi stat ta’ ansjetà u inċertezza. Fil-punt 104 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li, f’dan il-każ, M sofra dannu morali li ma jistax jiġi kompletament irrimedjat permezz tal-annullament tad-deċiżjoni tal-25 ta’ Ottubru 2006.
Eżami mill-ġdid mill-Qorti tal-Ġustizzja
21
Wara l-proposta tal-Avukat Ġenerali Prinċipali għal eżami mill-ġdid tas-sentenza eżaminata mill-ġdid, iċċitata fil-punt 1 iktar ’il fuq, l-Awla speċjali prevista fl-Artikolu 123b tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, permezz tad-deċiżjoni tal-24 ta’ Ġunju 2009 (C-197/09 RX, Ġabra p. I-12033), li hemm lok li jinbeda eżami mill-ġdid. Dan l-eżami mill-ġdid, kif jirriżulta mill-punt 2 tad-dispożittiv tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Ġunju 2009, kellu jiddetermina jekk is-sentenza eżaminata mill-ġdid, iċċitata fil-punt 1 iktar ’il fuq, tippreġudikax l-unità jew il-koerenza tad-dritt Komunitarju, inkwantu l-Qorti Ġenerali, bħala Qorti tal-Appell, interpretat il-kunċett ta’ “kawża fi stat li tiġi deċiża”, fis-sens tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-Artikolu 13(1) tal-Anness I tal-imsemmi statut, b’tali mod li jippermettilha tieħu konjizzjoni ta’ kawża u tiddeċiedi dwar il-mertu, minkejja l-fatt li l-appell li tressaq quddiemha kien jirrigwarda l-eżami tat-trattament fl-ewwel istanza ta’ eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà u li, fir-rigward tat-tilwima li kienet is-suġġett ta’ din il-konjizzjoni, ma seħħet ebda trattazzjoni la quddiemha u lanqas quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, bħala qorti tal-ewwel istanza.
22
Fis-sentenza eżaminata mill-ġdid M vs EMEA, iċċitata fil-punt 1 iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat fl-ewwel lok li jirriżulta mid-deċiżjoni tagħha tal-24 ta’ Ġunju 2009 li l-eżami mill-ġdid jikkonċerna biss il-kundanna tal-EMA għall-ħlas ta’ kumpens ta’ EUR 3000 lil M għal dannu morali allegat, filwaqt li l-annullament tad-deċiżjoni tal-25 ta’ Ottubru 2006 u ċ-ċaħda tal-kumplament tar-rikors ma kinux is-suġġett tal-proċedura ta’ eżami mill-ġdid (sentenza eżaminata mill-ġdid M vs EMEA, iċċitata fil-punt 1 iktar ’il fuq, punt 26).
23
Sussegwentement, f’dak li jirrigwarda l-kunċett ta’ “kawża fi stat li tiġi deċiża”, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li, bħala regola, kawża ma hijiex fi stat li tiġi deċiża fuq il-mertu tar-rikors ippreżentat quddiem il-qorti tal-ewwel istanza meta din tal-aħħar tkun ċaħdet ir-rikors bħala inammissibbli billi tkun laqgħet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mingħajr ma tirrinvija d-deċiżjoni għas-sentenza finali (sentenza eżaminata mill-ġdid M vs EMEA, iċċitata fil-punt 1 iktar ’il fuq, punt 29). Hija ppreċiżat li setgħet biss timxi mod ieħor li kieku kienu jeżistu ċirkustanzi speċifiċi, li madankollu ma kinux jeżistu f’dan il-każ (sentenza eżaminata mill-ġdid M vs EMEA, iċċitata fil-punt 1 iktar ’il fuq, punti 30 sa 33).
24
Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat, fil-punti 34 sa 37 tas-sentenza eżaminata mill-ġdid M vs EMEA, iċċitata fil-punt 1 iktar ’il fuq, li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat il-kunċett ta’ “kawża fi stat li tiġi deċiża” fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Artikolu 13(1) tal-Anness tal-imsemmi statut u li kisret din id-dispożizzjoni tal-aħħar billi qieset li, f’dan il-każ, il-kawża kienet fi stat li tiġi deċiża sa fejn tikkonċerna t-talbiet intiżi għall-ħlas ta’ kumpens għad-dannu morali allegat minn M.
25
Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li, billi ddeċidiet dwar it-talbiet għad-danni ta’ M, mingħajr ma tat lill-EMA l-opportunità li tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha dwarhom, il-Qorti Ġenerali ma osservatx il-prinċipju tal-kontradittorju (sentenza eżaminata mill-ġdid M vs EMEA, iċċitata fil-punt 1 iktar ’il fuq, punti 38 sa 59).
26
Wara li qieset li l-iżbalji identifikati fis-sentenza eżaminata mill-ġdid, iċċitata fil-punt 1 iktar ’il fuq, jippreġudikaw l-unità u l-koerenza tad-dritt Komunitarju, il-Qorti tal-Ġustizzja annullat l-imsemmija sentenza sa fejn, fil-punti 3 u 5 tad-dispożittiv tagħha, il-Qorti Ġenerali kkundannat lil EMA għall-ħlas ta’ kumpens ta’ EUR 3000 lil M, kif ukoll għall-ispejjeż tal-proċedura quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku u dik quddiem il-Qorti Ġenerali.
27
Peress li l-preġudizzju għall-unità u l-koerenza tad-dritt Komunitarju jirriżulta, f’dan il-każ, minn interpretazzjoni żbaljata tal-kunċett ta’ “kawża fi stat li tiġi deċiża” u minn nuqqas ta’ osservanza tal-prinċipju tal-kontradittorju, il-Qorti kkunsidrat li ma setgħetx tieħu deċiżjoni li ma tkunx appellabbli skont l-aħħar sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 62b tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja.
28
Konsegwentement, filwaqt li ddeċidiet fuq l-ispejjeż marbuta mal-proċedura ta’ eżami mill-ġdid, il-Qorti tal-Ġustizzja rrinvijat il-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali għal dak li jikkonċerna t-talbiet intiżi għall-kumpens għad-dannu morali allegatament subit minn M, b’mod konformi mal-Artikolu 62b tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, bil-għan li l-EMA tingħata l-opportunità ssostni l-argumenti tagħha dwar il-fondatezza ta’ dawn it-talbiet (sentenza eżaminata mill-ġdid M vs EMEA, iċċitata fil-punt 1 iktar ’il fuq, punt 71).
Fuq il-kawża rrinvijata wara l-eżami mill-ġdid
Proċedura
29
Permezz ta’ ittra tat-22 ta’ Diċembru 2009, ir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, b’mod konformi mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 121c tar-Regoli tal-Proċedura, stieden lill-partijiet sabiex jippreżentaw, f’terminu ta’ xahar li jibda jiddekorri min-notifika tas-sentenza eżaminata mill-ġdid M vs EMEA, iċċitata fil-punt 1 iktar ’il fuq, l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom dwar il-konklużjonijiet li joħorġu minn din tal-aħħar għal dak li jirrigwarda l-eżitu tal-kawża.
30
L-EMA ippreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-21 ta’ Jannar 2010.
31
Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-8 ta’ Jannar 2010, M talab lill-Qorti Ġenerali sabiex jingħata għajnuna legali, skont l-Artikolu 95 tar-Regoli tal-Proċedura, għall-finijiet ta’ din il-proċedura.
32
Permezz ta’ digriet tal-11 ta’ Marzu 2010, il-Qorti Ġenerali (Awla tal-Appell) laqgħet it-talba ta’ M għal għajnuna legali.
33
Fil-25 ta’ Marzu 2010, M ippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu dwar is-sentenza eżaminata mill-ġdid M vs EMEA, iċċitata fil-punt 1 iktar ’il fuq.
Id-dritt
34
Kif jirriżulta mill-punt 2 tad-dispożittiv tas-sentenza eżaminata mill-ġdid M vs EMEA, iċċitata fil-punt 1 iktar ’il fuq, u mill-punt 26 tal-motivi tagħha, kienu biss il-punti 3 u 5 tad-dispożittiv tas-sentenza eżaminata mill-ġdid, iċċitata fil-punt 1 iktar ’il fuq, li jirrigwardaw il-kundanna tal-EMA għall-ħlas ta’ kumpens ta’ EUR 3000 lil M sabiex jagħmel tajjeb għad-dannu morali allegat u l-ispejjeż rispettivament, li ġew annullati, filwaqt li l-punti l-oħra tad-dispożittiv tas-sentenza eżaminata mill-ġdid, li annullaw id-digriet ikkontestat kif ukoll id-deċiżjoni tal-EMA tal-25 ta’ Ottubru 2006, sa fejn din kienet ċaħdet it-talba ta’ M tat-8 ta’ Awwissu 2006, u li ċaħdu l-kumplament tar-rikors, issa saru res judicata.
35
Fl-osservazzjonijiet tal-21 ta’ Jannar u tal-25 ta’ Marzu 2010, ippreżentati mill-partijiet fil-kuntest tal-proċedura preżenti skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 121c tar-Regoli tal-Proċedura, M u l-EMA enfasizzaw b’mod partikolari l-kwistjoni dwar jekk iċ-ċirkustanzi tal-każ jippermettux li d-dannu morali invokat minn M jiġi sseparat mill-illegalità li serviet bħala bażi għall-annullament tad-deċiżjoni tal-25 ta’ Ottubru 2006 u b’hekk jagħti lok għal kumpens.
36
Il-Qorti Ġenerali tosserva li, anki jekk jiġi preżunt li l-preżentata minn M u mill-EMA tal-osservazzjonijiet wara l-eżami mill-ġdid hija suffiċjenti sabiex tagħmel tajjeb għall-ksur tal-prinċipju tal-kontradittorju kkonstatat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza eżaminata mill-ġdid M vs EMEA, iċċitata fil-punt 1 iktar ’il fuq, xorta jibqa’ l-fatt li, fl-imsemmija sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat ukoll li s-sentenza eżaminata mill-ġdid, iċċitata fil-punt 1 iktar ’il fuq, kienet ivvizzjata minħabba l-fatt li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat il-kunċett ta’ “kawża fi stat li tiġi deċiża”.
37
F’dak li jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk il-kawża preżenti hijiex fi stat li tiġi deċiża mill-Qorti Ġenerali, jirriżulta mill-punt 30 tas-sentenza eżaminata mill-ġdid M vs EMEA, iċċitata fil-punt 1 iktar ’il fuq, li l-qorti tal-appell tista’, taħt ċerti kundizzjonijiet, tiddeċiedi fuq il-mertu tar-rikors minkejja li l-proċedura fl-ewwel istanza tkun limitata għal eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà li tkun ġiet milqugħa mill-qorti ta’ din l-istanza. Dan jista’ jkun il-każ, minn naħa, meta l-annullament tas-sentenza jew tad-digriet ikkontestat jinvolvi neċessarjament deċiżjoni definittiva rigward il-mertu tar-rikors inkwistjoni jew, min-naħa l-oħra, meta l-eżami tal-mertu tar-rikors għal annullament huwa bbażat fuq l-argumenti skambjati mill-partijiet fil-kuntest tal-appell wara raġunament tal-qorti tal-ewwel istanza.
38
Madankollu, kif jirriżulta mill-punti 32 sa 34, 36 u 37 tas-sentenza eżaminata mill-ġdid M vs EMEA, iċċitata fil-punt 1 iktar ’il fuq, ma jeżistux ċirkustanzi speċifiċi simili f’dan il-każ, u għaldaqstant il-kawża ma hijiex fi stat li tiġi deċiża fis-sens tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Artikolu 13(1) tal-Anness tal-imsemmi statut. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma tista’ tagħmel xejn ħlief li tirrinvija l-kawża quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, sabiex dan jiddeċiedi dwar it-talbiet għal kumpens għal dannu morali allegatament subit minn M, wara li l-EMA tkun ressqet l-argumenti tagħha dwar il-fondatezza ta’ dawn it-talbiet.
Għal dawn il-motivi,
IL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell)
taqta’ u tiddeċiedi:
1)
Il-kawża għandha tiġi rrinvijata quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea sabiex dan jiddeċiedi dwar it-talbiet għal kumpens għad-dannu morali allegatament subit minn M.
2)
L-ispejjeż huma rriżervati.
Jaeger
Azizi
Forwood
Czúcz
Pelikánová
Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-8 ta’ Lulju 2010.
Firem
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.
Full & Egal Universal Law Academy