SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Awla tal-Appell)
tad-19 ta’ Novembru 2009
Kawża T-50/08 P
Christos Michail
vs
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
“Appell – Servizz Pubbliku – Uffiċjali – Evalwazzjoni – Rapport tal-iżvilupp tal-karriera – Proċedura ta’ evalwazzjoni 2004 – Obbligu ta’ motivazzjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku”
Suġġett: Appell mis-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (It‑Tieni Awla) tat-22 ta’ Novembru 2007, Michail vs Il‑Kummissjoni (F‑34/06, li għadha ma ġietx ippubblikata fil‑Ġabra), u intiż għall-annullament ta’ din is-sentenza.
Deċiżjoni: L-appell huwa miċħud. Christos Michail għandu jbati l-ispejjeż tiegħu kif ukoll dawk tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej fil-kuntest ta’ din l-istanza.
Sommarju
1. Appell – Aggravji – Talbiet li ma huma ssostanzjati b’ebda aggravju speċifiku – Inammissibbiltà
(Artikolu 225 A KE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Anness I, Artikolu 11(1); Regoli tal-proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-punt ċ tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 138(1))
2. Proċedura – Motivazzjoni tas-sentenzi – Portata
(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 36 u Anness I, Artikolu 7(1))
3. Appell – Aggravji – Żnaturament tal-provi – Ineżattezza materjali tal-konstatazzjonijiet tal-fatti li jirriżultaw mill-atti tal-proċess – Ammissibbiltà
(Artikolu 225 A KE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Anness I, Artikolu 11(1))
4. Rikors għal annullament – Aggravji – Aggravju ineffettiv – Kunċett
5. Appell – Aggravji – Aggravju mressaq kontra kunsiderazzjoni tas-sentenza li ma hijiex neċessarja sabiex ikun iġġustifikat id-dispożittiv ta’ sentenza – Aggravju ineffettiv
1. Mill-Artikolu 225 A KE, mill-Artikolu 11(1) tal-Anness I tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u mill-punt ċ tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza jirriżulta li appell għandu jindika b’mod preċiż l-elementi kkontestati tas-sentenza li jintalab l-annullament tagħha kif ukoll l-argumenti ġuridiċi li jsostnu b’mod speċifiku din it-talba.
B’hekk, it-talbiet ta’ appell għall-annullament ta’ sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli sa fejn dawn ma jkunu ssostanzjati b’ebda aggravju speċifiku.
(ara l-punti 30 sa 33)
Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 17 ta’ Settembru 1996, San Marco vs Il‑Kummissjoni, C‑19/95 P, Ġabra p. I‑4435, punt 37; Il-Qorti tal-Ġustizzja 28 ta’ Mejju 1998, New Holland Ford vs Il‑Kummissjoni, C‑8/95 P, Ġabra p. I‑3175, punt 23
2. Għalkemm l-obbligu tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li jimmotiva d‑deċiżjonijiet tiegħu ma jimplikax li dan għandu jwieġeb fid-dettall kull argument invokat minn parti, b’mod partikolari jekk dan l-argument ma jkunx ta’ natura biżżejjed ċara u preċiża u ma jistrieħx fuq provi dettaljati, huwa jimponi, minn tal-inqas, li jiġi eżaminat il-ksur kollu tad-drittijiet allegati quddiemu. F’dan ir-rigward, is-sentenzi tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għandhom ikunu motivati biżżejjed sabiex il-Qorti tal-Prim’Istanza tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha.
(ara l-punti 42 u 56)
Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 10 ta’ Diċembru 1998, Schröder et vs Il‑Kummissjoni, C‑221/97 P, Ġabra p. I‑8255, punt 24; Il-Qorti tal-Ġustizzja 6 ta’ Marzu 2001, Connolly vs Il‑Kummissjoni, C‑274/99 P, Ġabra p. I‑1611, punt 121; Il-Qorti tal-Ġustizzja 11 ta’ Settembru 2003, Il‑Belġju vs Il‑Kummissjoni, C‑197/99 P, Ġabra p. I‑8461, punt 81; Il-Qorti tal-Ġustizzja 18 ta’ Mejju 2006, Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il‑Kummissjoni, C‑397/03 P, Ġabra p. I‑4429, punt 60, u l-ġurisprudenza ċċitata; Il-Qorti tal-Ġustizzja 4 ta’ Ottubru 2007, Naipes Heraclio Fournier vs UASI, C‑311/05 P, Ġabra p. I‑130, punt 52, u l-ġurisprudenza ċċitata; Il-Qorti tal-Ġustizzja 25 ta’ Ottubru 2007, Komninou et vs Il‑Kummissjoni, C‑167/06 P, Ġabra p. I‑141, punt 22
3. Fl-istadju tal-appell huma ammissibbli l-ilmenti li jikkonċernaw il‑konstatazzjoni tal-fatti u l-evalwazzjoni tagħhom fid-deċiżjoni kkontestata meta r-rikorrenti tallega li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku wettaq konstatazzjonijiet li l-ineżattezza materjali tagħhom tirriżulta mill-atti tal-proċess jew li żnatura l-provi mressqa quddiemu. Aggravju bbażat fuq l-eżami inkomplet tal-fatti wkoll jitqies li huwa ammissibbli fl-istadju tal-appell.
(ara l-punt 50)
Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il‑Kummissjoni, C‑238/99 P, C‑244/99 P, C‑245/99 P, C‑247/99 P, C‑250/99 P sa C‑252/99 P u C‑254/99 P, Ġabra p. I‑8375, punti 392 sa 405; Il-Qorti tal-Ġustizzja 18 ta’ Jannar 2007, PKK u KNK vs Il‑Kunsill, C‑229/05 P, Ġabra p. I‑439, punt 35, u l-ġurisprudenza ċċitata; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 19 ta’ Settembru 2008, Chassagne vs Il‑Kummissjoni, T‑253/06 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 57
4. Fil-kuntest ta’ rikors għal annullament, il-Qorti Komunitarja tista’ tiċħad motiv jew ilment bħala ineffettiv meta tikkonstata li ma huwiex tali, fl-ipoteżi fejn ikun fondat, li jagħti lok għall-annullament mitlub.
(ara l-punt 59)
Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 21 ta’ Settembru 2000, EFMA vs Il‑Kunsill, C‑46/98 P, Ġabra p. I‑7079, punt 38; Il-Qorti tal-Ġustizzja 30 ta’ Settembru 2003, Eurocoton et vs Il‑Kunsill, C‑76/01 P, Ġabra p. I‑10091, punt 52
5. Peress li wieħed mill-motivi kkunsidrati mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku huwa suffiċjenti biex jiġġustifika d-dispożittiv tas-sentenza tiegħu, il-vizzji li jista’ jkollu motiv ieħor, li jissemmew ukoll fis-sentenza, fi kwalunkwe każ, huma mingħajr influwenza fuq l-imsemmi dispożittiv, b’tali mod li l-aggravju li jinvokahom huwa ineffettiv u għandu jiġi miħċud.
(ara l-punt 65)
Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 2 ta’ Ġunju 1994, de Compte vs Il‑Parlament, C‑326/91 P, Ġabra p. I‑2091, punt 94; Il-Qorti tal-Ġustizzja 29 ta’ April 2004, Il‑Kummissjoni vs CAS Succhi di Frutta, C‑496/99 P, Ġabra p. I‑3801, punt 68
Full & Egal Universal Law Academy