Kawża T-237/08
Abadía Retuerta, SA
vs
L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)
“Trade mark Komunitarja — Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja verbali CUVÉE PALOMAR — Raġuni assoluta għal rifjut — Trade marks ta’ nbid li jinkludu indikazzjonijiet ġeografiċi — Ftehim TRIPs — Artikolu 7(1)(j) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 7(1)(j) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009]”
Sommarju tas-sentenza
1. Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet assoluti għal rifjut — Trade marks ta’ nbejjed jew ta’ spirti li jinkludu jew li huma komposti minn indikazzjonijiet ġeografiċi intiżi sabiex jidentifikaw l-inbejjed jew l-ispirti li ma għandhomx dawn l-oriġini — Kunċett
(Ftehim TRIPs, Artikolu 23; Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 7(1)( j))
2. Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet assoluti għal rifjut — Trade marks ta’ nbejjed jew ta’ spirti li jinkludu jew li huma komposti minn indikazzjonijiet ġeografiċi intiżi sabiex jidentifikaw l-inbejjed jew l-ispirti li ma għandhomx dawn l-oriġini
(Regolamenti tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu (7)(1)(j), u Nru 1493/1999, Artikolu 52)
3. Agrikoltura — Organizzazzjoni komuni tas-swieq — Inbid — Inbejjed ta’ kwalità prodotti f’reġjuni speċifiċi — Protezzjoni Komunitarja tal-indikazzjonijiet ġeografiċi — Kundizzjonijiet
(Regolament tal-Kunsill Nru 1493/1999, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 52(1) u, Artikolu 54(4) u (5))
4. Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet assoluti għal rifjut — Trade marks ta’ nbejjed jew ta’ spirti li jinkludu jew li huma komposti minn indikazzjonijiet ġeografiċi intiżi sabiex jidentifikaw l-inbejjed jew l-ispirti li ma għandhomx dawn l-oriġini — Natura qarrieqa — Probabbiltà ta’ konfużjoni — Nuqqas ta’ effett
(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 7(1)(j))
5. Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet assoluti għal rifjut — Trade marks ta’ nbejjed jew ta’ spirti li jinkludu jew li huma komposti minn indikazzjonijiet ġeografiċi intiżi sabiex jidentifikaw l-inbejjed jew l-ispirti li ma għandhomx dawn l-oriġini — Artikli definittivi jew indefinittivi — Nuqqas ta’ effett
(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 7(1)(j))
6. Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet assoluti għal rifjut — Trade marks ta’ nbejjed jew ta’ spirti li jinkludu jew li huma komposti minn indikazzjonijiet ġeografiċi intiżi sabiex jidentifikaw l-inbejjed jew l-ispirti li ma għandhomx dawn l-oriġini — Nuqqas ta’ konoxxenza mill-pubbliku inġenerali jew mill-klassi ta’ persuni rilevanti tal-isem li jibbenefika minn denominazzjoni ta’ oriġini kkontrollata — Natura polisemika — Nuqqas ta’ effett
(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 7(1)(j))
1. Għalkemm id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim dwar l-aspetti tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali li jirrigwardaw il-kummerċ (TRIPs) ma għandhomx effett dirett, xorta jibqa’ l-fatt li, sa fejn huwa possibbli, il-leġiżlazzjoni dwar it-trade marks, inkluż l-Artikolu 7(1)(j) tar-Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja, għandha tiġi interpretata fid-dawl tat-test u tal-għan ta’ dan il-ftehim.
Il-kunċett ta’ “indikazzjoni ġeografika li tidentifika l-inbejjed”, li jinstab fl-Artikolu 7(1)(j) tar-Regolament Nru 40/94 huwa differenti, fil-verżjoni Franċiża, minn dak li jinstab fl-Artikolu 23 tal-Ftehim TRIPs. Madankollu hemm żewġ lingwi oħra li huma awtentiċi skont l-Att finali li jinkorpora r-Riżultati tar-Rawnd tal-Urugwaj ta’ Negozjati Multilaterali tal-Kummerċ, li t-test tiegħu ġie redatt bil-Franċiż, bl-Ingliż u bl-Ispanjol. Għalhekk, il-kliem “geographical indication identifying wines” huma użati kemm fl-Artikolu 23 tal-Ftehim TRIPs, kif ukoll fl-Artikolu 7(1)(j) tar-Regolament Nru 40/94 fil-verżjoni Ingliża ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. Barra minn hekk, il-kliem “indicación geográfica que identifique vinos” huma użati fil-verżjoni Spanjola tal-Artikolu 23 tal-Ftehim TRIPs u l-kliem “indicación geográfica que identifique el vino” huma użati fil-verżjoni Spanjola tal-Artikolu 7(1)(j) ta’ dan ir-regolament. Għaldaqstant, l-Artikolu 7(1)(j) ta’ dan ir-regolament jirreferi għall-indikazzjonijiet ġeografiċi li jidentifikaw l-inbejjed u mhux għall-indikazzjonijiet ġeografiċi “destinées à identifier les vins [intiżi biex jidentifikaw l-inbejjed]”.
(ara l-punti 67-72)
2. Is-sinjal verbali CUVÉE PALOMAR, li għalih saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni bħala trade mark Komunitarja għal “inbejjed” fil-klassi 33 skont il-Ftehim ta’ Nice, huwa ostakolat mir-raġuni assoluta għal rifjut ta’ reġistrazzjoni, prevista fl-Artikolu 7(1)(j) tar-Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja, minħabba l-eżistenza tad-denominazzjoni ta’ oriġini kkontrollata “valencia”.
Skont id-dritt Spanjol, iż-żona ta’ produzzjoni protetta bid-denominazzjoni ta’ oriġini kkontrollata “valencia” hija komposta, b’mod partikolari, mis-subreġjun ta’ Clariano, li jinkludi, fost oħrajn, muniċipalità bl-isem el Palomar.
Għaldaqstant, l-isem el Palomar jikkostitwixxi indikazzjoni ġeografika għal inbid ta’ kwalità psr taħt il-leġiżlazzjoni Spanjola u, għaldaqstant, taħt l-Artikolu 52 tar-Reoglament Nru 1493/1999, dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-inbid, li jippreċiża li, jekk Stat Membru juża l-isem ta’ reġjun speċifiku, inkluż l-isem ta’ muniċipalità, għal inbid ta’ kwalità psr, dak l-isem ma jistax jintuża biex jindika prodotti tas-settur tal-inbid li ma joriġinawx minn dak ir-reġjun u/jew li ma ngħatawx dan l-isem bi qbil mal-leġiżlazzjonijiet Komunitarji u nazzjonali rilevanti.
Għaldaqstant, peress li l-isem el Palomar huwa indikazzjoni ġeografika għal inbid ta’ kwalità psr, dan jikkostitwixxi indikazzjoni ġeografika li tidentifika l-inbejjed skont l-Artikolu 7(1)(j) tar-Regolament Nru 40/94.
L-inbid kopert mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma joriġinax mill-muniċipalità ta’ el Palomar. It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni hija għaldaqstant komposta minn indikazzjoni ġeografika li tidentifika inbid ta’ kwalità psr filwaqt li l-inbid li għalih saret l-applikazzjoni għal trade mark ma huwiex ta’ din l-oriġini..
3. Il-protezzjoni Komunitarja tal-indikazzjonijiet ġeografiċi, stabbilita permezz tar-Regolament Nru 1493/1999, dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-inbid, hija bbażata fuq l-indikazzjonijiet ġeografiċi kif stabbiliti mil-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri skont id-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dan ir-regolament. Fil-fatt din il-protezzjoni ma tirriżultax minn proċedura Komunitarja awtonoma u lanqas minn mekkaniżmu li abbażi tiegħu l-indikazzjonijiet ġeografiċi rikonoxxuti mill-Istati Membri kienu ġew inkorporati f’att Komunitarju vinkolanti.
L-uniċi obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 54(4) u (5) tar-Regolament Nru 1493/1999 huma, fir-rigward tal-Istati Membri, li jgħaddu l-lista tal-inbejjed ta’ kwalità psr li huma jkunu rrikonoxxew lill-Kummissjoni, filwaqt li jindikaw għal kull wieħed minnhom, ir-riferiment għad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jirregolaw il-produzzjoni u l-manufattura tagħhom u, fir-rigward tal-Kummissjoni, li tippubblika din il-lista fis-Serje C – u mhux fis-Serje L – tal-Ġurnal Uffiċjali.
Peress li l-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi toriġina mil-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri, jirriżulta li l-infurzar, fir-rigward ta’ terzi, tal-miżuri nazzjonali li permezz tagħhom Stat Membru jagħti l-isem ta’ reġjun speċifiku lil inbid ta’ kwalità psr jew, l-isem ta’ muniċipalità, ta’ parti minn muniċipalità jew ta’ lokalità żgħira, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 52(1) tar-Regolament Nru 1493/1999, jirriżulta mill-pubblikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Istat Membru li jadotthom.
(ara l-punti 97-99)
4. Ir-raġuni assoluta għal rifjut prevista fl-Artikolu 7(1)(j) tar-Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja tapplika mingħajr ma hemm lok li tiġi ttrattata l-kwistjoni dwar jekk it-trade marks li għalihom saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tagħhom humiex jew le tali li jqarrqu bil-pubbliku jew jekk dawn joħolqux possibbiltà ta’ konfużjoni għall-istess konsumatur f’dak li jikkonċerna l-oriġini tal-prodott.
(ara l-punt 120)
5. Sabiex ir-raġuni għal rifjut imsemmija fl-Artikolu 7(1)(j) tar-Regolament Nru 40/94, dwar it-trade mark Komunitarja, tapplika, huwa biżżejjed li t-trade marks jinkludu jew ikunu komposti minn elementi li jippermettu li tiġi identifikata b’ċertezza l-indikazzjoni ġeografika inkwistjoni, mingħajr ma hemm lok li jiġu kkunsidrati l-artikli definittivi jew indefinittivi li jistgħu eventwalment jagħmlu parti minnhom. Ikun differenti biss jekk l-indikazzjoni ġeografika tkun komposta minn isem ta’ post li jinkludi artiklu li ma jistax jiġi sseparat minn dan l-isem u li jagħtih tifsira propja u awtonoma.
(ara l-punti 125, 126)
6. Sa fejn ir-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għandha tiġi rrifjutata, skont l-Artikolu 7(1)(j) tar-Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja, abbażi tar-raġuni biss li din it-trade mark tinkludi jew hija komposta minn indikazzjoni ġeografika li tidentifika nbejjed meta l-inbejjed ma għandhomx din l-oriġini, jirriżulta li l-fatt li l-isem li jibbenefika minn denominazzjoni ta’oriġini kkontrollata ma huwiex magħruf mill-pubbliku inġenerali jew mill-klassi ta’ persuni rilevanti, jew li dan huwa ta’ natura polisemika li jnaqqas in-natura ta’ indikazzjoni ġeografika, huwa irrilevanti għall-applikazzjoni ta’ din ir-raġuni assoluta għal rifjut.
(ara l-punt 131)
SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)
11 ta’ Mejju 2010 (*)
“Trade mark Komunitarja – Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja verbali CUVÉE PALOMAR – Raġuni assoluta għal rifjut – Trade marks ta’ nbid li jinkludu indikazzjonijiet ġeografiċi – Ftehim TRIPs – Artikolu 7(1)(j) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 7(1)(j) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009]”
Fil-Kawża T‑237/08
Abadía Retuerta, SA, stabbilita fi Sardón de Duero (Spanja), irrappreżentata minn X. Fàbrega Sabaté u M-l. Curell Aguilà, avukati,
rikorrenti
vs
L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn J. Crespo Carrillo, bħala aġent,
konvenut
li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-UASI, tat-2 ta’ April 2008 (Każ R 1185/2007‑1), dwar ir-reġistrazzjoni tas-sinjal verbali CUVÉE PALOMAR bħala trade mark Komunitarja
IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla),
komposta minn J. Azizi, President, E. Cremona u S. Frimodt Nielsen (Relatur), Imħallfin,
Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,
wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-19 ta’ Ġunju 2008,
wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-18 ta’ Settembru 2008,
wara s-seduta tal-24 ta’ Novembru 2009,
tagħti l-preżenti
Sentenza
Il-kuntest ġuridiku
Il-leġiżlazzjoni internazzjonali
1 Il-Ftehim dwar l-aspetti tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali li jirrigwardaw il-kummerċ (iktar ’il quddiem il-“Ftehim TRIPs”), li jikkostitwixxi l-Anness 1 C tal-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), ġie ffirmat f’Marrakexx fil-15 ta’ April 1994 u approvat permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KEE, tat-22 ta’ Diċembru 1994, dwar il-konklużjoin f’isem il-Komunità Ewropea, fejn għandhom x’jaqsmu affarijiet fil-kompetenza tagħha, fuq il-ftehim milħuq fil-Laqgħa ta’ negozjati multilaterali fl-Urugwaj (1986-1994) (ĠU Edizzjoni Speciali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 80).
2 L-Artikolu 23 tal-imsemmi ftehim, intitolat “Protezzjoni Addizzjonali għall-Indikazzjonijiet Ġeografiċi għall-Inbejjed u Spirti”, jipprevedi s-segwenti:
“1. Kull Membru għandu jipprovdi l-mezzi legali għal partjiet interessati sabiex ma jitħallewx jużaw identifikazzjoni ġeografika għall-inbejjed bħala inbejjed li ma jiġux mill-post indikat fl-indikazzjoni ġeografika in kwistjoni jew l-identifikazzjoni għall-ispirti bħala spirti li ma jiġux mill-post indikat mill-indikazzzjoni ġeografika in kwistjoni, anki meta l-oriġini vera ta’ l-oġġetti hi indikata mill-indikazzjoni ġeografika wżata fit-traduzzjoni jew li jkollha magħha espressjonijiet bħal-‛tip’, ‛stil’, ‛imitazzjoni’, jew bħalhom
2. Ir-reġistrazzjoni għat-trademark għall-inbejjed li għandhom jew li jikkonsistu f’indikazzjoni ġeografika li tidentifika l-inbid jew l-ispirti li jkollhom fihom indikazzjoni ġeografika li tidentifika l-ispirti għandu tkun miċħuda jew issir mhux valida, ex officio jekk leġislazzjoni ta’ Membru jħalli dan jew fuq talba ta’ parti interessat, dwar l-inbid jew l-ispirti li ma għandhomx dan l-oriġini.
3. Fil-każ ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi omoġenji għall-inbid, irid ikun hemm protezzjoni għal kull indikazzjoni, soġġetta għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 4 ta’ l-Artikolu 22. Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi l-kondizzjonijiet prattiċi li taħthom l-indikazzjonijiet omonimi in kwistjoni jridu jkunu differenzati minn xulxin, billi jżommu f’moħħhom il-bżonn li jassiguraw trattament ekwu għall-proċeduri konċernati u li l-konsumaturi mhumiex żgwidati.
4. Sabiex jiffaċilitaw il-protezzjoni ta’ l-indikazzjonijiet ġeografiċi għall-inbid, in-negozjati għandhom isiru fil-Kunsill ta’ TRIPS dwar l-istabbilir tas-sistema multilaterali ta’ notifika u reġistrazzjoni ta’ l-indikazzjonijiet ġeografiċi għall-inbid li huma eliġibbli għal protezzjoni f’dawk il-Membri li qed jipparteċipaw fis-sistema.”
3 L-Artikolu 24(5) tal-Ftehim TRIPs jipprevedi s-segwenti:
“Fejn trademark ġiet applikata jew reġistrata in bona fide, jew fejn id-drittijiet għat-trademark ġew akkwiżiti permezz ta’ bona fide jew: […]
(b) qabel li l-indikazzjoni ġeografika tiġi protetta fil-pajjiż ta’ l-oriġini tagħha;
il-miżuri adottati sabiex ikunu implementata din it-Taqsima ma għandhiex tkun ta’ preġudizzju l-eliġibbiltà għal jew il-validità tar-reġistrazzjoni tat-trademark, fuq il-bażi li dik it-trademark hija identika ma’, jew simili ma’, indikazzjoni ġeografika.”
Il-leġiżlazzjoni Komunitarja
4 L-Artikolu 7(1)(j) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146), ġie introdott permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3288/94, tat-22 ta’ Diċembru 1994, li jemenda ir-Regolament Nru 40/94, għall-implimentazzjoni tal-ftehim milħuq fil-qafas tal-Uruguay Round (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 185). Dan l-Artikolu, li sar l-Artikolu 7(1)(j) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1) jipprevedi:
“Dawn li ġejjin ma jistgħux jiġu rreġistrati: […] (j) trade marks għal inbejjed li jkunu jinkludu jew jikkonsistu f’indikazzjoni ġeografika li tidentifika l-inbejjed […] fir-rigward ta’ dawk l-inbejjed […] li ma jkollhomx dik l-oriġini.”
5 Ir-raba’ premessa tar-Regolament Nru 3288/94 tippreċiża li “Billi Artikolu 23(2) tal-Ftehim tat-TRIPs jipprovdi għar-rifjut jew invalidazzjoni ta’ trade marks li jkunu jinkludu jew jikkonsistu f’indikazzjonijiet ġeografiċi foloz għal inbejjed u spirti mingħajr il-kondizzjoni li [dawn] jkunu ta’ natura tali li jqarrqu bil-pubbliku, għandu jiġi miżjud subparagrafu ġdid (j) ma’ Artikolu 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 40/94”.
6 L-Artikolu 50(1) u (2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1493/1999, tas-17 ta’ Mejju 1999, dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-inbid (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 26, p. 25), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża, jipprevedi:
“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa li jippermettu lill-partijiet interessati li jipprevjinu, fuq il-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 23 u 24 tal-Ftehim [TRIPs], l-użu fil-Komunità ta’ l-indikazzjoni ġeografika marbuta mal-prodotti li hemm referenza dwarhom fl-Artikolu 1 (2) (b) [tar-Regolament Nru 1493/1999], għall-prodotti li ma joriġinawx mill-post indikat mill-indikazzjoni ġeografika f’dak il-każ, anki meta l-oriġini vera tal-prodotti tkun indikata jew l-indikazzjoni ġeografika tkun użata fi traduzzjoni jew akkumpanjata b’espressjonijiet bħal ‛xorta’, ‛tip’, ‛stil’, ‛imitazzjoni’ jew oħrajn bħal dawn.
Għall-iskopijiet ta’ dan l-Artikolu, ‘indikazzjonijiet ġeografiċi’ għandha tittieħed li tfisser indikazzjonijiet li jidentifikaw li l-prodott joriġina fit-territorju ta’ pajjiż terz li huwa Membru [tad-WTO], jew f’reġjun jew f’lokalità f’dak it-territorju, f’każi meta ċerta kwalità, reputazzjoni jew xi karatteristika oħra tal-prodott tista’ tkun attribwita essenzjalment għal dak il-post ġeografiku ta’ l-oriġini.”
7 L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 52(1) tar-Regolament Nru 1493/1999 jipprevedi:
“Jekk Stat Membru juża l-isem ta’ reġjun speċifikat sabiex jiddisinja nbid ta’ kwalità psr jew, fejn ikun xieraq, inbid intenzjonat għall-ipproċessar f’inbid ta’ kwalità psr, dak l-isem ma jistax jintuża biex jiddisinja prodotti fis-settur ta’ l-inbid mhux magħmula f’dak ir-reġjun u/jew prodotti mhux iddisinjati mill-isem bi qbil mad-dispożizzjonijiet tar-regoli relevanti Komunitarji u nazzjonali. Dan għandu japplika wkoll jekk l-Istat Membru jkun uża l-isem ta’ żona lokali amministrattiva jew parti minnha jew lokalità żgħira esklussivament biex jiddisinja nbid ta’ kwalità psr jew, fejn ikun xieraq inbid intenzjonat għall-ipproċessar f’inbid ta’ kwalità psr ta’ din ix-xorta.”
8 L-Artikolu 54 tar-Regolament Nru 1493/1999 jipprevedi:
“1. Inbejjed ta’ kwalità prodotti f’reġjuni speċifiċi (‘inbejjed ta’ kwalità psr’), għandha tfisser inbejjed li huma konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ dan it-Titolu u mad-dispożizzjonijiet Komunitarji u nazzjonali adottati f’dan ir-rigward.
4. L-Istati Membri għandhom jgħaddu lill-Kummissjoni l-lista ta’ l-inbejjed ta’ kwalità psr li huma jkunu irrikonoxxew, għal kull wieħed minn dawn l-inbejjed ta’ kwalità psr, dettalji dwar id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jirregolaw il-produzzjoni u l-manifattura ta’ dawk l-inbejjed ta’ kwalità psr.
5. Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-lista fis-Serje ‛C’ tal-[Ġurnal Uffiċjali].”
9 Lista tal-inbejjed ta’ kwalità prodotti f’reġjuni speċifiċi ġiet ippubblikata mill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 54(4) tar-Regolament Nru 1493/1999, għall-ewwel darba fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, tad-19 ta’ Frar 1999 (C 46, p. 113). Din il-lista – li, skont l-Artikolu 1(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 823/87, tas-16 ta’ Marzu 1987, li jistabbilixxi dispożizzjonijiet speċjali fir-rigward tal-inbejjed ta’ kwalità psr (ĠU L 84, p. 59), annullat u ssostitwixxiet il-lista preċedentement ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali C 344 tal-15 ta’ Novembru 1996 (p. 110) – issemmi, f’dak li jikkonċerna l-Ispanja, id-denominazzjoni ta’ oriġini kkontrollata “valencia”, u tirreferi għad-Digrieti Ministerjali tat-13 ta’ Ġunju 1987 (Boletín official del Estado (BOE) tat-3 ta’ Lulju 1987), tal-11 ta’ Marzu 1991 (BOE tal-14 ta’ Marzu 1991) u tad-29 ta’ Novembru 1995 (BOE tat-8 ta’ Diċembru 1995).
10 Lista ġdida tal-inbejjed ta’ kwalità psr kienet ġiet ippubblikata mill-Kummissjoni fil-Ġurnal Uffiċjali, tal-14 ta’ April 2004 (C 90p.1). F’dak li jikkonċerna l-Ispanja u r-reġjun ta’ Valencia, din il-lista tirreferi għas-subreġjun ta’ Clariano, kif ukoll għad-Digriet Ministerjali tad-19 ta’ Ottubru 2000 (BOE tat-3 ta’ Novembru 2000) u għad-Digriet Ministerjali APA/1815/2002 (BOE tas-16 ta’ Lulju 2002).
11 Listi ġodda kienu sussegwentement ġew ippubblikati mill-Kummissjoni fil-Ġurnal Uffiċjali fl-2006 (C 41, p. 1) u fl-2007 (C 106, p. 1). Dawn il-listi kienu jinkludu l-istess riferimenti, f’dak li jikkonċerna r-reġjun ta’ Valencia u s-subreġjun ta’ Clariano, kif ukoll l-istess riferimenti għad-digrieti Ministerjali bħal dawk imsemmija fil-Ġurnal Uffiċjali C 90 tal-14 ta’ April 2004.
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
12 L-Artikolu 2(1) u (2) tar-Regolament il-ġdid dwar id-denominazzjoni ta’ orġini kkontrollata “valencia” u l-kunsill regolatorju tagħha, irrattifikat permezz tad-digriet Ministerjali tad-19 ta’ Ottubru 2000 u ppubblikat fil-Boletín Oficial del Estado tat-3 ta’ Novembru 2000, jipprevedi:
“1. Il-protezzjoni mogħtija permezz ta’ din id-denominazzjoni ta’ oriġini kkontrollata hija dik imsemmija fl-Artikolu 81 tal-Liġi Nru 25/1970, tat-2 ta’ Diċembru 1970, u fil-kumplament tal-leġiżlazzjoni applikabbli u testendi għall-espressjoni ‘Valencia’ u għad-denominazzjonijiet tas-subreġjuni, distretti, muniċipalitajiet, lokalitajiet u żoni li jiffurmaw iż-żoni ta’ produzzjoni u ta’ invekkjament imsemmija fl-Artikolu 4.
2. Huwa pprojbit li għal inbejjed oħra jintużaw l-ismijiet, it-trade marks, il-kliem, l-espressjonijiet u s-sinjali li jistgħu, minħabba x-xebh fonetiku jew grafika tagħhom ma’ dawk protetti bid-denominazzjoni ta’ oriġini kkontrollata, jiġu konfużi ma’ dawk koperti minn din il-leġiżlazzjoni, anki meta dawn ikunu ppreċeduti mill-kliem ‘tip’, ‘stil’, ‘ibbottiljat fi’, ‘miżmum fil-kantina fi’ jew oħrajn bħal dawn.”
13 L-Artikolu 4(1) tar-Regolament il-ġdid dwar id-denominazzjoni ta’ oriġini kkontrollata “valencia” u l-kunsill regolatorju tagħha jipprevedi s-segwenti:
“Iż-żona ta’ produzzjoni protetta bid-denominazzjoni ta’ oriġini kkontrollata ‘valencia’ hija komposta minn artijiet li jinstabu fil-provinċja ta’ Valencia li l-kunsill regolatorju jqis li huma adatti għall-produzzjoni tad-dwieli indikati fl-Artikolu 5; din hija komposta mis-subreġjuni u mill-muniċipalitajiet elenkati hawn taħt: […] is-subreġjun ta’ Clariano: […] Palomar […]”.
14 L-Artikolu 4(1) tar-Regolament il-ġdid dwar id-denominazzjoni ta’ oriġini kkontrollata “valencia” u l-kunsill regolatorju tagħha kien ġie emendat bid-digriet Ministerjali APA/1815/2002 tal-4 ta’ Lulju 2002 (BOE 169, tas-16 ta’ Lulju 2002, p. 25958). Il-kelma “Palomar” ġiet hemmhekk issostitwita bil-kliem “el Palomar”.
Il-fatti li wasslu għall-kawża
15 Fis-27 ta’ Novembru 2006, ir-rikorrenti, Abadía Retuerta, SA, ippreżentat applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), skont ir-Regolament Nru 40/94.
16 It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni hija s-sinjal verbali CUVÉE PALOMAR.
17 Il-prodotti li għalihom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark jaqgħu taħt il-klassi 33 tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-registrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat, u jikkorrispondu għad-deskrizzjoni segwenti: “inbejjed”
18 Permezz ta’ deċiżjoni tal-5 ta’ Ġunju 2007 l-eżaminatur ċaħad l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni peress li huwa kien iqis li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kienet inammissibbli abbażi tar-raġuni assoluta għal rifjut imsemmija fl-Artikolu 7(1)(j) tar-Regolament Nru 40/94.
19 Ir-rikorrenti ppreżentat appell kontra d-deċiżjoni tal-eżaminatur.
20 Permezz ta’ deċiżjoni tat-2 ta’ April 2008 (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni kkontestata”) l-Ewwel Bord tal-Appell ċaħad l-appell u kkundanna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż sostnuti għall-finijiet tal-proċeduri.
21 Il-Bord tal-Appell ifakkar li, skont il-ġurisprudenza (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Novevmbru 2004, Anheuser-Busch, C‑245/02, Ġabra p. I‑10989, punt 42, u l-ġurisprudenza ċċitata), peress li l-Komunità hija parti għall-Ftehim TRIPs, hija obbligata tinterpreta l-leġiżlazzjoni tagħha dwar it-trade marks, sa fejn ikun possibbli, fid-dawl tat-test u tal-għan ta’ dan il-ftehim (punt 13 tad-deċiżjoni kkontestata).
22 Il-Bord tal-Appell jippreċiża li minn paragun tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 22(3) u tal-Artikolu 23(2) tat-TRIPs jirriżulta li din l-aħħar dispożizzjoni, li l-kliem tagħha ġie inkorporat fl-Artikolu 7(1)(j) tar-Regolament 40/94, tikkostitwixxi lex specialis, li tipprevedi projbizzjoni ta’ reġistrazzjoni speċifika tal-indikazzjonijiet ġeografiċi intiżi biex jidentifikaw l-inbejjed u l-ispirti. Huwa jsostni li din hija projbizzjoni assoluta u inkundizzjonali, peress li din ma hijiex suġġetta għall-kundizzjoni li l-użu tal-indikazzjoni ġeografika fit-trade mark għall-imsemmija prodotti jkun tali li jqarraq bil-pubbliku fir-rigward tal-post veru ta’ oriġini, kundizzjoni li min-naħa l-oħra hija espliċitament suġġetta għaliha l-applikazzjoni tal-projbizzjoni ta’ reġistrazzjoni ġenerali tal-indikazzjonijiet ġeografiċi msemmija fl-Artikolu 22(3) tat-TRIPs (punti 16 u 17).
23 Essenzjalment, il-Bord tal-Appell jikkonstata li el Palomar huwa l-isem ta’ muniċipalità tas-subreġjun ta’ Clariano u jikkostitwixxi, skont il-leġiżlazzjoni Komunitarja u nazzjonali applikabbli, żona ta’ produzzjoni protetta bid-denominazzjoni ta’ oriġini kkontrollata “valencia” (punti 19 u 20 tad-deċiżjoni kkontestata).
24 Il-Bord tal-Appell iqis li jeżisti xebh kbir bejn l-isem tal-muniċipalità ta’ el Palomar, protetta bid-denominazzjoni ta’ oriġini kkontrollata “valencia”, u l-kelma “palomar” inkluża fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni (punt 26 tad-deċiżjoni kkontestata).
25 Il-Bord tal-Appell jikkunsidra li l-użu tiegħu huwa għaldaqstant ipprojbit skont l-Artikolu 2(2) tad-digriet Ministerjali tad-19 ta’ Ottubru 2000, peress li l-applikazzjoni għal trade mark ma saritx sabiex tiddeskrivi l-inbejjed tal-imsemmija żona ta’ oriġini (punt 26 tad-deċiżjoni kkontestata).
26 Barra minn hekk, il-Bord tal-Appell isostni li għalkemm huwa veru li l-isem uffiċjali tal-muniċipalità huwa el Palomar, l-element “palomar” huwa dak li jidentifika din iż-żona speċifika u li jikkostitwixxi l-element essenzjali li fuqu hija bbażata l-indikazzjoni ġeografika, peress li dan ir-rikonoxximent ma jistax jiddependi fuq il-preżenza jew le tal-artiklu “el”. Barra minn hekk, il-muniċipalità inkwistjoni kienet ġiet identifikata bl-isem Palomar, mingħajr l-artiklu, fid-digriet Ministerjali tad-19 ta’ Ottubru 2000 (punt 29 tad-deċiżjoni kkontestata).
27 Peress li l-protezzjoni tad-denominazzjoni ta’ oriġini kkontrollata testendi għall-ismijiet tal-muniċipalitajiet, f’dan il-każ, el Palomar, u għall-kliem li jistgħu, minħabba x-xebh tagħhom, joħolqu konfużjoni, bħal fil-każ tal-kelma “palomar” inkluża fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, il-Bord tal-Appell jindika li l-preżenza ta’ din il-kelma fit-trade mark Komunitarja li għaliha saret l-applikazzjoni tinftiehem, skont il-leġiżlazzjoni applikabbli, bħala indikazzjoni ġeografika intiża sabiex tidentifika nbid. Peress li l-prodotti inkwistjoni ma għandhomx din l-oriġini, il-Bord tal-Appell iqis li r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni sabiex tiddeskrivi nbejjed għandha tiġi rrifjutata, skont l-Artikolu 7(1)(j) tar-Regolament 40/94, peress li din tinkludi indikazzjoni ġeografika falza (punt 30 tad-deċiżjoni kkontestata).
28 Fl-aħħar nett il-Bord tal-Appell jippreċiża li din l-evalwazzjoni hija wkoll applikabbli fir-rigward tad-deskrizzjoni emendata tal-prodotti tat-trade mark, jiġifieri “inbejjed li joriġinaw minn vinja magħrufa bl-isem ‘Pago Palomar’, li tinstab fil-muniċipalità ta’ Sardón de Duero (Valladolid, Spanja)”. Il-Bord tal-Appell jikkunsidra li din il-limitazzjoni ma tegħlibx l-oġġezzjoni magħmula, peress li din il-limitazzjoni sempliċement issaħħaħ il-fatt li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni fiha indikazzjoni ġeografika li ma tikkorrispondix għall-oriġini tal-prodotti li hija tiddeskrivi, fatt li jmur kontra d-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 7(1)(j) tar-Regolament Nru 40/94 (punt 31 tad-deċiżjoni kkontestata).
Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet
29 Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
– tannulla d-deċiżjoni kkontestata;
– tordna lill-UASI jbati l-ispejjeż.
30 L-UASI jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
– tiċħad ir-rikors;
– tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.
Id-dritt
L-argumenti tal-partijiet
31 Ir-rikorrenti tinvoka motiv wieħed insostenn tar-rikors tagħha, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 7(1)(j) tar-Regolament Nru 40/94.
32 L-ewwel nett, ir-rikorrenti essenzjalment issostni li l-Artikolu 7(1)(j) tar-Regolament Nru 40/94 għandu jiġi interpretat b’mod restrittiv, peress li dan jinkludi projbizzjoni ta’ reġistrazzjoni. Għaldaqstant, hija tqis li din id-dispożizzjoni ma hijiex applikabbli f’dan il-każ, peress li t-trade mark CUVÉE PALOMAR li għaliha saret l-applikazzjoni ma tinkludix l-isem tad-denominazzjoni ta’ oriġini kkontrollata “el Palomar”.
33 L-isem tal-muniċipalità huwa, fil-fatt, el Palomar, u mhux Palomar, skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament il-ġdid dwar id-denominazzjoni ta’ oriġini kkontrollata “valencia” u l-kunsill regolatorju tagħha, kif emendat bid-Digriet Ministerjali APA/1815/2002
34 It-tieni nett, ir-rikorrenti tallega li n-nuqqas ta’ oppożizzjoni fir-rigward tal-applikazzjoni għal trade mark minn naħa tal-korpi responsabbli għad-difiża tad-denominazzjoni ta’ oriġini kkontrollata “valencia” turi n-nuqqas ta’ kunflitt bejn l-imsemmija trade mark u l-isem tal-muniċipalità.
35 It-tielet nett, ir-rikorrenti ssostni li l-muniċipalità ta’ el Palomar għandha popolazzjoni ta’ ftit iktar minn 500 abitant. Din hija għaldaqstant muniċipalità żgħira ħafna, kompletament mhux magħrufa mill-konsumatur medju Spanjol u Ewropew, li jinjora l-fatt li nbejjed bid-denominazzjoni ta’ oriġini kkontrollata “valencia” huma prodotti f’el Palomar. Għaldaqstant l-isem el Palomar huwa isem ġeografiku kompletament mhux magħruf mill-klassi ta’ persuni rilevanti.
36 Essenzjalment ir-rikorrenti ssostni li l-ġurisprudenza relatata mal-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94 (li sar, l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009) li abbażi tagħha r-raġuni assoluta għal rifjut fl-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94 ma għandhiex tiġi applikata fil-każ ta’ trade marks komposti minn isem li jindika żoni ġeografiċi mhux magħrufa (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-4 ta’ Mejju 1999, Windsurfing Chiemsee, C‑108/97 u C‑109/97, Ġabra p. I‑2779, punti 31 sa 33), għandha tapplika wkoll, mutatis mutandis, għar-raġuni assoluta għal rifjut imsemmija fl-Artikolu 7 (1)(j) tar-Regolament Nru 40/94.
37 Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti ssostni li, sabiex il-projbizzjoni assoluta ta’ reġistrazzjoni tkun applikabbli, l-Artikolu 7(1)(j) tar-Regolament Nru 40/94 għandu jiġi interpretat bħala li jimplika li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għandha tinkludi jew tkun komposta minn indikazzjoni ġeografika żbaljata.
38 Issa, skont ir-rikorrenti l-applikazzjoni għat-trade mark CUVÉE PALOMAR ma tinkludix u ma hijiex komposta minn indikazzjoni ġeografika żbaljata. Għall-kuntrarju, din tidentifika l-oriġini ġeografika tal-inbejjed tar-rikorrenti. Fil-fatt, fit-trade mark CUVÉE PALOMAR, il-kelma “palomar” tidentifika, vinja ta’ Palomar, eżistenti mid-XIX–il seklu, li tinstab fiż-żona Retuerta, proprjeta ta’ Abadía Retuerta, SA, fil-muniċipalità Spanjola ta’ Sardón de Duero (Valladolid).
39 Issa, skont ir-rikorrenti, huwa evidenti li hija, bħala l-proprjetarja tal-vinja Palomar, għandha kompletament dritt tidentifika l-inbejjed prodotti f’din il-vinja bit-trade mark CUVÉE PALOMAR. Din hija r-raġuni għalfejn, sabiex tirrimedja għall-oġġezzjonijiet imqajma mill-UASI u sabiex tevita kull żball fir-rigward tal-oriġini ġeografika tal-prodotti tagħha, hija aċċettat li tillimita, fis-16 ta’ Frar 2007, l-applikazzjoni għal trade mark għall-“inbejjed li joriġinaw minn vinja magħrufa bħala l-‛vinja Palomar’, li tinstab fit-territorju tal-muniċipalità ta’ Sardón de Duero (Valladolid, Spanja) ”.
40 Essenzjalment ir-rikorrenti tqis li għaldaqstant l-applikazzjoni għat-trade mark CUVÉE PALOMAR ma tinkludi ebda indikazzjoni ġeografika falza, peress li l-vinja Palomar teżisti u hija l-proprjetà tagħha, u li, għaldaqstant, it-trade mark li għaliha saret l-applikazjoni ma għandhiex tkun is-suġġett tal-projbizzjoni assoluta ta’ reġistrazzjoni prevista fl-Artikolu 7(1)(j) tar-Regolament Nru 40/94.
41 Il-ħames nett, ir-rikorrenti ssostni li l-isem tal-vinja Palomar, proprjetà tagħha, li kif indikat fil-punt 38 iktar ’il fuq ilu jinstema’ mid-XIX-il seklu, huwa ħafna iktar antik mir-rikonoxximent, fl-2000, tal-muniċipalità ta’ el Palomar bħala żona ta’ produzzjoni protetta bid-denominazzjoni ta’ oriġini kkontrollata “valencia”. Għaldaqstant, ir-rifjut tar-reġistrazzjoni tat-trade mark CUVÉE PALOMAR jikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ġenerali tad-dritt li jinstab fil-prinċipju Latin prior tempore, potior iure. Ir-rikorrenti tosserva li d-digriet Ministerjali tad-19 ta’ Ottubru 2000 li wassal għar-rikonoxximent tal-muniċipalità ta’ el Palomar bħala produzzjoni protetta bid-denominazzjoni ta’ oriġini kkontrollata “valencia”, huwa wkoll sussegwenti għat-trade mark Spanjola Nru 2.085.129 CUVÉE PALOMAR li tmur lura għall-1997.
42 Is-sitt nett, ir-rikorrenti essenzjalment issostni li l-kelma “palomar” hija kelma polisemika li skont id-dizzjunarju tar-Real Academia Española tfisser: “1. nom. Post fejn huma mkabbra l-kolombi. 2. Adj. Tip ta’ spag: iktar fin u mgħawweġ mill-ispag normali”.
43 Hija tqis li dan il-fatt idgħajjef in-natura ta’ indikazzjoni ġeografika li l-muniċipalità ta’ el Palomar allegatament għandha.
44 Hija tqis li meta s-sinjal li minnu hija komposta t-trade mark ikollu wkoll, barra s-sens ġeografiku tiegħu, sens ieħor li jipprevali fuq is-sens ġeografiku, għandha tingħata attenzjoni għas-sens prinċipali tiegħu. Ladarba tkun saret din l-evalwazzjoni, is-sistema legali korrispondenti għandha tiġi applikata. Issa, skont ir-rikorrenti, il-kelma “palomar” għandha tifsira prinċipali, magħrufa mill-konsumaturi kollha, li hija l-“post fejn huma mkabbra l-kolombi”.
45 Ir-rikorrenti tressaq l-argument li peress li l-allegat karattru ġeografiku tal-kelma “palomar” huwa mdgħajjef mit-tifsiriet l-oħra ta’ dan in-nom, din il-kelma “palomar” tista’ tissodisfa l-funzjonijiet proprji ta’ trade mark. Hija għaldaqstant tqis li d-Deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxi interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 7(1)(j) tar-Regolament Nru 40/94. Fil-fatt, skont ir-rikorrenti, il-protezzjoni ta’ allegat interess kollettiv, li tiġġustifika r-rifjut ta’ trade marks li jikkoinċidu ma’ indikazzjonijiet ġeografiċi, ma tistax testendi sas-sitwazzjoni assurda li tikkonsisti f’li jiġu miċħuda trade marks li għandhom tifsiriet oħra jew li, bħal f’dan il-każ, jindikaw iż-żona ta’ oriġini tal-prodotti inkwistjoni.
46 Is-seba’ nett, ir-rikorrenti essenzjalment tallega li hija l-proprjetarja ta’ diversi trade marks Komunitarji – PAGO PALOMAR, ABADIA RETUERTA CUVÉE PALOMAR – li jiddeskrivu nbejjed fil-Klassi 33, kif ukoll ta’ tade mark Spanjola CUVÉE EL PALOMAR – li tinkludi l-isem sħiħ tal-muniċipalità ta’ el Palomar.
47 F’dan ir-rigward ir-rikorrenti tipprevali ruħha mill-kliem tal-Artikolu 24(5) tal-Ftehim TRIPs (ara l-punt 3 iktar ‘il fuq).
48 Issa, skont ir-rikorrenti, it-trade mark Spanjola Nru 2.085.129 CUVÉE EL PALOMAR tmur lura għall-1997, u għaldaqstant tippreċedi l-protezzjoni tal-isem tal-muniċipalità ta’ el Palomar fir-rigward tad-denominazzjoni ta’ oriġini kkontrollata “valencia”, li ġiet irregolata fl-2000.
49 Ir-rikorrenti tqis li, għaldaqstant, il-validità tat-trade marks CUVÉE EL PALOMAR (irreġistrata fl-1997) u CUVÉE PALOMAR (li għaliha saret l-applikazzjoni in bona fide minnha) ma tistax tiġi kkontestata għar-raġuni biss li dawn it-trade marks jixbhu indikazzjoni ġeografika rikonoxxuta sussegwentement.
50 Barra minn hekk ir-rikorrenti tenfasizza li t-trade mark CUVÉE EL PALOMAR hija wkoll protetta f’diversi pajjiżi tal-Unjoni Ewropea permezz tat-trade mark internazzjonali Nru 699.977, irreġistrata fit-23 ta’ Settembru 1998.
51 Fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell li abbażi tagħha r-reġistrazzjonijiet preċedenti ma humiex rilevanti, għaliex skont ġurisprudenza stabbilita d-deċiżjonijiet nazzjonali ma humiex vinkolanti fir-rigward tal-UASI u ma jeħilsuhx mill-obbligu li japplika l-leġiżlazzjoni Komunitarja fir-rigward tal-każ inkwistjoni, ir-rikorrenti toġġezzjona li l-Bord tal-Appell nesa li tnejn mir-reġistrazzjonijiet preċedenti (jiġifieri t-trade marks Komunitarji Nru 4.827.978 PAGO PALOMAR u Nru 5.501.978 ABADÍA RETUERTA CUVÉE PALOMAR) kienu ġew eżaminati mill-UASI stess u għalhekk ma humiex deċiżjonijiet nazzjonali.
52 Ir-rikorrenti tqis li l-fatt li Uffiċċju tat-Trade marks Ġermaniż, Spanjol, Franċiż, Taljan, Awstrijak jew dak tar-Renju Unit kienu aċċettaw ir-reġistrazzjoni tat-trade mark CUVÉE EL PALOMAR kien imissu ġie kkunsidrat mill-UASI bħala eżempju ċar tal-fatt li t-trade mark Komunitarja CUVÉE PALOMAR ma kienet taqa’ taħt ebda waħda mir-raġunijiet assoluti għal rifjut ta’ reġistrazzjoni, u dan iktar u iktar peress li l-UASI stess kien aċċetta r-reġistrazzjoni tat-trade marks Komunitarji PAGO PALOMAR u ABADÍA RETUERTA CUVÉE PALOMAR.
53 It-tmien nett, ir-rikorrenti essenzjalment issostni li l-UASI kien irreġistra trade marks bħal CUVÉE MEDITERRANEO, CUVÉE DU GOLFE DE SAINT‑TROPEZ u CUVÉE OCCITANE.
54 Issa, skont ir-rikorrenti, dawn it-trade marks għandhom rabta diretta u evidenti ma’ żona ġeografika magħrufa fil-qasam tat-tkabbir tad-dwieli għall-inbid, peress li l-pubbliku Ewropew inġenerali huwa kapaċi jidentifika ġeografikament il-Mediterran, il-Golf ta’ Saint Tropez u n-nofsinhar ta’ Franza.
55 Skont ir-rikorrenti minn dan jirriżulta li r-rifjut ta’ reġistrazzjoni tat-trade mark CUVÉE PALOMAR jikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza u deċiżjoni arbitrarja minn naħa tal-UASI
56 Fl-aħħar nett, waqt is-seduta, ir-rikorrenti essenzjalment invokat il-fatt li l-lista ta’ nbejjed ta’ kwalità psr ippubblikata mill-Kummissjoni fil-Ġurnal Uffiċjali fl-2007 ma tinkludix l-isem el Palomar, iżda sempliċement tindika r-referenza tad-dispożizzjonijiet regolamentari nazzjonali li fihom din tissemma. Issa, skont l-istess rikorrenti, il-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tikkostitwixxi kundizzjoni sabiex id-denominazzjonijiet ġeografiċi protetti mil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali jkunu vinkolanti Għaldaqstant peress li l-indikazzjoni ġeografika el Palomar ma kinitx ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali din ma hijiex infurzabbli fir-rigward tar-rikorrenti.
57 Barra minn hekk, waqt is-seduta r-rikorrenti sostniet li l-pubblikazzjoni tal-lista fil-Ġurnal Uffiċjali seħħet biss fl-2007, jiġifieri wara l-applikazzjoni għal trade mark li kienet ġiet ippreżentata fis-27 ta’ Novembru 2006. Issa, skont l-istess rikorrenti, il-fatt li jrendi d-denominazzjonijiet ġeografiċi protetti mil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali vinkolanti huwa l-pubblikazzjoni tal-lista fil-Ġurnal Uffiċjali mill-Kummissjoni. Għaldaqstant, jekk il-Qorti Ġenerali kellha tikkunsidra li l-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ lista li ssemmi biss ir-referenzi tad-dispożizzjonijiet regolamentari nazzjonali li fihom tissemma el Palomar hija biżżejjed biex tiżgura l-pubbliċità tagħha, għandu jiġi kkonstatat li l-pubblikazzjoni saret wara li ġiet ippreżentata l-applikazzjoni għal trade mark u, għaldaqstant, din id-denominazzjoni ġeografika protetta ma tistax tkun vinkolanti fir-rigward tar-rikorrenti.
58 L-UASI jikkontesta dan l-argument u essenzjalment iqis li l-Bord tal-Appell għamel evalwazzjoni korretta tal-fatti u tad-dritt fid-Deċiżjoni kkontestata.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
59 L-Artikolu 7(1)(j) tar-Regolament Nru 40/94 jipprevedi li ma jistgħux jiġu rreġistrati t-trade marks ta’ nbejjed li jkunu jinkludu jew jikkonsistu f’indikazzjoni ġeografika li tidentifika l-inbejjed meta dawn l-inbejjed ma għandhomx din l-oriġini
60 Għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni hemm lok li tiġi ddeterminata l-portata tal-kunċett ta’ “indikazzjoni ġeografika li tidentifika l-inbejjed”.
61 Ir-Regolament Nru 40/94 ma jiddefinixxix il-kunċett ta’ indikazzjoni ġeografika li tidentifika l-inbejjed.
62 Madankollu għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 7(1)(j) tar-Regolament Nru 40/94 ġie introdott permezz tar-Regolament Nru 3288/94.
63 Fil-fatt ir-raba’ premessa tar-Regolament Nru 3288/94 tippreċiża li “[l‑]Artikolu 23(2) tal-Ftehim tat-TRIPs jipprovdi għar-rifjut jew invalidazzjoni ta’ trade marks li jkunu jinkludu jew jikkonsistu f’indikazzjonijiet ġeografiċi foloz għal inbejjed u spirti mingħajr il-kondizzjoni li jkunu ta’ natura tali li jqarrqu bil-pubbliku” u li għaldaqstant “għandu jiġi miżjud subparagrafu ġdid (j) ma’ Artikolu 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 40/94”.
64 Issa, għandu jiġi mfakkar li, peress li l-Komunità hija parti għall-Ftehim TRIPs, hija obbligata tinterpreta l-leġiżlazzjoni tagħha dwar it-trade marks, sa fejn ikun possibbli, fid-dawl tat-test u tal-għan ta’ dan il-ftehim (ara s-sentenza Anheuser‑Busch, punt 21 supra, punt 42, u l-ġurisprudenza ċċitata).
65 Skont ġurisprudenza stabbilita, dispożizzjoni ta’ ftehim konkluż mill-Komunità ma’ pajjiż terz għandha titqies bħala direttament applikabbli meta, fid-dawl tal-istess kliem, għan u natura tal-ftehim, jista’ jiġi konkluż li d-dispożizzjoni tinkludi obbligu ċar, preċiż u bla kundizzjoni li fl-implementazzjoni jew fl-effetti tiegħu ma huwiex suġġett għall-adozzjoni ta’ ebda miżura sussegwenti (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Diċembru 2000, Dior et, C‑300/98 u C‑392/98, Ġabra p. I-11307, punt 42).
66 Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, minn naħa, li fid-dawl tan-natura tagħhom u tal-istruttura tagħhom il-Ftehim WTO u l-annessi tiegħu bħala regola ġenerali ma jinstabux fost ir-regoli li fir-rigward tagħhom il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tistħarreġ l-atti tal-istituzzjonijiet Komunitarji fil-kuntest tar-rikors għal annullament (sentenza Dior et, punt 65 supra, punt 42) u, min-naħa l-oħra, li d-dispożizzjonijiet tal-Ftehim TRIPs, li jinstab anness mal-Ftehim WTO, ma humiex tali li joħolqu fir-rigward tal-individwi drittijiet li huma jistgħu jinvokaw direttament quddiem il-qorti Komunitarja bis-saħħa tad-dritt Komunitarju (sentenza Dior et, punt 65 supra, punt 43).
67 Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li, għalkemm id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim TRIPs ma għandhomx effett dirett, xorta jibqa’ l-fatt li, sa fejn huwa possibbli, il-leġiżlazzjoni dwar it-trade marks, jiġifieri f’dan il-każ l-Artikolu 7(1)(j) tar-Regolament Nru 40/94, għandha tiġi interpretata fid-dawl tat-test u tal-għan ta’ dan il-ftehim.
68 Għandu jiġi osservat li l-kunċett ta’ “indikazzjoni ġeografika li tidentifika l-inbejjed”, li jinstab fl-Artikolu 7(1)(j) tar-Regolament Nru 40/94 huwa differenti, fil-verżjoni Franċiża, minn dak li jinstab fl-Artikolu 23 tat-TRIPs, iċċitat fil-punt 2 iktar ’il fuq.
69 Madankollu hemm żewġ lingwi oħra li huma awtentiċi skont l-Att finali li jinkorpora r-Riżultati tar-Rawnd tal-Urugwaj ta’ Negozjati Multilaterali tal-Kummerċ [iffirmat f’] Marrakesh, 15 ta’ April 1994 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 11, Vol. 21, p. 345), li t-test tiegħu ġie redatt bil-Franċiż, bl-Ingliż u bl-Ispanjol.
70 Għalhekk hemm lok li jiġi rrilevat li l-kliem “geographical indication identifying wines” huma użati kemm fl-Artikolu 23 tal-Ftehim TRIPs, kif ukoll fl-Artikolu 7(1)(j) tar-Regolament Nru 40/94 fil-verżjoni Ingliża ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.
71 Barra minn hekk, il-kliem “indicación geográfica que identifique vinos” huma użati fil-verżjoni Spanjola tal-Artikolu 23 tat-TRIPs u l-kliem “indicación geográfica que identifique el vino” huma użati fil-verżjoni Spanjola tal-Artikolu 7(1)(j) tar-Regolament Nru 40/94.
72 Għaldaqstant għandu jiġi kkunsidrat li l-Artikolu 7(1)(j) tar-Regolament Nru 40/94 jirreferi għall-indikazzjonijiet ġeografiċi li jidentifikaw l-inbejjed u mhux għall-indikazzjonijiet ġeografiċi “destinées à identifier les vins [intiżi biex jidentifikaw l-inbejjed] ”
73 Id-determinazzjoni u l-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi f’dak li jikkonċerna l-inbejjed huma stabbiliti mir-Regolament Nru 1493/1999, applikabbli ratione temporis għal dan il-każ.
74 Barra minn hekk, il-kunċett ta’ indikazzjoni ġeografika li tidentifika l-inbejjed, skont l-Artikolu 7(1)(j) tar-Regolament 40/94, għandu jintqara fid-dawl tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt Komunitarju dwar id-determinazzjoni u l-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi f’dak li jikkonċerna l-inbejjed. Għaldaqstant hemm lok li jsir riferiment għar-Regolament Nru 1493/1999, li huwa wkoll intiż sabiex jiżgura l-konformità tal-leġiżlazzjoni Komunitarja mad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim TRIPs, hekk kif jirriżulta mill-premessi 56 u 80 ta’ dan ir-regolament.
75 L-Artikolu 50(1) tar-Regolament Nru 1493/1999 jikkonċerna l-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi għall-prodotti li joriġinaw minn pajjiżi terzi fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikoli 23 u 24 tal-Ftehim TRIPs.
76 Madankollu, l-Artikolu 50(2) ta’ dan ir-regolament jiddefinixxi l-kunċett ta’ indikazzjoni ġeografika biss għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 50(1).
77 Għaldaqstant, għandu jsir riferiment għad-dispożizzjonijiet l-oħra tar-Regolament Nru 1493/1999 sabiex jiġi ddeterminat il-kontenut tal-kunċett ta’ indikazzjoni ġeografika fi ħdan it-tifsira ta’ dan ir-regolament.
78 L-Artikolu 47(1) tar-Regolament Nru 1493/1999 jipprevedi:
“Ir-regoli li għandhom x’jaqsmu mad-deskrizzjoni, mad-disinjazzjoni u mal-presentazzjoni ta’ ċerti prodotti koperti minn dan ir-Regolament, u l-protezzjoni ta’ ċerti dettalji u t-termini jinsabu f’dan il-Kapitolu u fl-Annessi VII u VIII.”
79 Skont l-Artikolu 47(2)(e) tar-Regolament Nru 1493/1999, ir-regoli msemmija fl-Artikolu 47(1) għandhom b’mod partikolari jinkludu dispożizzjonijiet li jirregolaw l-użu ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi.
80 Il-punt A tal-Anness VI tar-Regolament Nru 1493/1999 jipprevdi dan li ġej:
“1. ‛Reġjun speċifikat’ għandha tfisser żona tat-tkabbir tad-dwieli għall-inbid jew taħlita ta’ żoni tat-tkabbir tad-dwieli għall-inbid li tipproduċi nbejjed b’karatteristiċi ta’ kwalità partikolari u li l-isem tagħha huwa użat biex tiddesinja nbejjed ta’ kwalità psr.
2. Kull reġjun speċifikat għandu jkun iddemarkat preċiżament, kemm jista’ jkun possibbli fuq il-bażi tal-qasam individwali tad-dwieli jew l-għalqa tal-qasam tad-dwieli. Din id-demarkazzjoni għandha tiġi effettwata minn kull Stat Membru konċernat u għandha tikkunsidra l-fatturi li jikkontribbwixxu lejn il-kwalità ta’ l-inbejjed magħmula f’dawk ir-reġjuni, bħal ma hi t-tip ta’ ħamrija u s-saff ta’ ħamrija ta’ taħt dik tal-wiċċ, il-klima u s-sitwazzjoni tal-qasam individwali tad-dwieli jew l-għalqa bil-qasam tad-dwieli.
3. Ir-reġjun speċifikat huwa disinjat bi qbil ma’ l-isem ġeografiku tiegħu […]
4. L-isem ġeografiku li jiddisinja reġjun speċifikat irid ikun preċiż biżżejjed u marbut b’mod familjari maż-żona tal-produzzjoni b’mod li, meta tiġi kkunsidrata s-sitwazzjoni eżistenti, tkun evitata konfużjoni.”
81 L-ewwel inċiż tal-punt B(1)(ċ) tal-Anness VII tar-Regolament Nru 1493/1999 jipprevedi dan li ġej:
“L-ittikkettar tal-prodotti miksuba fil-Komunità jista’ jkun issupplimentat bid-dettalji li ġejjin, skond il-kondizzjonijiet li għandhom ikunu ddeterminati: […] fil-każ ta’ l-inbid ta’ kwalità psr: […] referenza għaż-żona ġeografika iżgħar mir-reġjun speċifikat bi qbil mad-disposizzjonijiet stipulati mill-Istat Membru tal-produzzjoni”.
82 L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 52(1) tar-Regolament Nru 1493/1999 jippreċiża li, jekk Stat Membru juża l-isem ta’ reġjun speċifiku għal inbid ta’ kwalità psr, dak l-isem ma jistax jintuża biex jindika prodotti tas-settur tal-inbid li ma joriġinawx minn dak ir-reġjun u/jew li ma ngħatawx dan l-isem bi qbil mal-leġiżlazzjonijiet Komunitarji u nazzjonali rilevanti.
83 Fi kliem ieħor, skont ir-Regolament Nru 1493/1999, l-Istati Membri huma kompetenti biex jagħtu l-isem ta’ muniċipalità, ta’ parti minn muniċipalità jew ta’ lokalità żgħira lil inbid ta’ kwalità psr. F’dan il-każ, dan l-isem ma jistax jintuża biex jindika prodotti tas-settur tal-inbid li ma joriġinawx minn din il-muniċipalità, minn din il-parti minn muniċipalità jew minn din il-lokalità żgħira u/jew li ma ngħatawx dan l-isem bi qbil mal-leġiżlazzjonijiet Komunitarji u nazzjonali rilevanti.
84 Għaldaqstant għandu jiġi kkonstatat li, fil-kuntest tal-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1493/1999, huma l-Istati Membri li għandhom jiddeterminaw, fit-territorji rispettivi tagħhom, l-indikazzjonijiet ġeografiċi li huma jridu jipproteġu.
85 L-Artikolu 2(1) tar-Regolament il-ġdid dwar id-denominazzjoni ta’ orġini kkontrollata “valencia” u l-kunsill regolatorju tagħha, adottat mil-leġiżlatur Spanjol, jipprevedi li l-protezzjoni mogħtija minn din id-denominazzjoni ta’ oriġini kkontrollata testendi għall-espressjoni “valencia” u għad-denominazzjonijiet kollha tas-subreġjuni, distretti, muniċipalitajiet, lokalitajiet u żoni li jiffurmaw iż-żoni ta’ produzzjoni u ta’ invekkjament imsemmija fl-Artikolu 4.
86 L-Artikolu 4(1) tar-Regolament il-ġdid dwar id-denominazzjoni ta’ orġini kkontrollata “valencia” u l-kunsill regolatorju tagħha, kif emendat bid-digriet Ministerjali APA/1815/2002, tal-4 ta’ Lulju 2002, jipprevedi li ż-żona ta’ produzzjoni protetta bid-denominazzjoni ta’ oriġini kkontrollata “valencia” hija komposta, b’mod partikolari, mis-subreġjun ta’ Clariano, li jinkludi, fost oħrajn, muniċipalità bl-isem el Palomar.
87 Għaldaqstant, l-isem el Palomar jikkostitwixxi indikazzjoni ġeografika għal inbid ta’ kwalità psr taħt il-leġiżlazzjoni Spanjola u, għaldaqstant, taħt l-Artikolu 52 tar-Reoglament Nru 1493/1999, fatt li ma huwiex ikkontestat mir-rikorrenti, li barra minn hekk ikkonfermat, waqt is-seduta, li hija ma kinitx ikkontestat il-validità ta’ din il-leġiżlazzjoni quddiem il-qrati Spanjoli.
88 Għaldaqstant, peress li l-isem el Palomar huwa indikazzjoni ġeografika għal inbid ta’ kwalità psr, dan jikkostitwixxi indikazzjoni ġeografika li tidentifika l-inbejjed skont l-Artikolu 7(1)(j) tar-Regolament Nru 40/94.
89 Hemm lok li jiġi kkonstatat li r-rikorrenti barra minn hekk ma ssostnix li l-indikazzjoni ġeografika el Palomar ma hijiex użata biex tidentifika nbid prodott fil-muniċipalità li għandha dan l-isem. Essenzjalment fil-fatt hija sempliċement issostni li hija għandha d-dritt tuża l-isem Palomar minkejja l-eżistenza tal-indikazzjoni ġeografika el Palomar.
90 Ir-rikorrenti min-naħa l-oħra tikkonstesta l-infurzar tal-indikazzjoni ġeografika el Palomar minħabba l-fatt li l-lista ppubblikata mill-Kummissjoni fil-Ġurnal Uffiċjali skont l-Artikolu 54(5) tar-Regolament Nru 1493/1999 ma ssemmix el Palomar jew Palomar.
91 F’dan ir-rigward l-Artikolu 54(4) u (5) tar-Regolament Nru 1493/1999 jipprevedi, minn naħa, li l-Istati Membri għandhom jgħaddu lill-Kummissjoni l-lista tal-inbejjed ta’ kwalità psr li huma jkunu rrikonoxxew, filwaqt li jindikaw, għal kull wieħed minn dawn l-inbejjed ta’ kwalità psr, ir-riferiment għad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jirregolaw il-produzzjoni u l-manifattura tagħhom u, min-naħa l-oħra, li din il-lista għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali (Serje C) mill-Kummissjoni.
92 Minn naħa, hemm lok li jiġi mfakkar li r-Regolament il-ġdid dwar id-denominazzjoni ta’ orġini kkontrollata “valencia” u l-kunsill regolatorju tagħha kien ġie ppubblikat fil-BOE tat-3 ta’ Novembru 2000. Id-digriet Ministerjali APA /1815/2002 kien ġie ppubblikat fil-BOE fis-16 ta’ Lulju 2002.
93 Min-naħa l-oħra, lista tal-inbejjed ta’ kwalità psr kienet ġiet ippubblikata skont l-Artikolu 54(5) tar-Regolament Nru 1493/1999 għall-ewwel darba fil-Ġurnal Uffiċjali tad-19 ta’ Frar 1999 (C 46, p. 113).
94 Kif ġie mfakkar fil-punt 10 iktar ‘il fuq, lista ġdida tal-inbejjed ta’ kwalità psr kienet ġiet ippubblikata mill-Kummissjoni fil-Ġurnal Uffiċjali, fl-14 ta’ April 2004. F’dak li jikkonċerna l-Ispanja u r-reġjun ta’ Valencia, din il-lista tirreferi għas-subreġjun ta’ Clariano, kif ukoll għar-Regolament Ministerjali tad‑19 ta’ Ottubru 2000 u għar-Regolament Ministerjali APA/1815/2002 kif ukoll għar-referenzi ta’ pubblikazzjoni ta’ dawn iż-żewġ digrieti fil-BOE.
95 Hekk ġie indikat, barra minn hekk, fil-punt 11 iktar ’il fuq, listi ġodda kienu sussegwentement ġew ippubblikati mill-Kummissjoni fil-Ġurnal Uffiċjali fl-2006 u fl-2007. Dawn il-listi kienu jinkludu l-istess riferimenti bħal dawk imsemmija fil-lista ppubblikata mill-Kummissjoni fl-2004 f’dak li jikkonċerna r-reġjun ta’ Valencia u s-subreġjun ta’ Clariano.
96 Għaldaqstant ir-rikorrenti ma tistax issostni li l-lista ta’ nbejjed ta’ kwalità psr, li tinkludi riferiment għall-indikazzjoni ġeografika Clariano u riferiment għad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt Spanjol, ġiet ippubblikata għall-ewwel darba fil-Ġurnal Uffiċjali biss fl-2007.
97 Barra minn hekk, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-protezzjoni Komunitarja tal-indikazzjonijiet ġeografiċi li hija stabbilita permezz tar-Regolament Nru 1493/1999, hija bbażata fuq l-indikazzjonijiet ġeografiċi kif stabbiliti mil-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri skont id-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dan ir-regolament. Fil-fatt din il-protezzjoni ma tirriżultax minn proċedura Komunitarja awtonoma u lanqas minn mekkaniżmu li abbażi tiegħu l-indikazzjonijiet ġeografiċi rikonoxxuti mill-Istati Membri kienu ġew inkorporati f’att Komunitarju vinkolanti.
98 L-uniċi obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 54(4) u (5) tar-Regolament Nru 1493/1999 huma, fir-rigward tal-Istati Membri, li jgħaddu l-lista tal-inbejjed ta’ kwalità psr li huma jkunu rrikonoxxew lill-Kummissjoni, filwaqt li jindikaw għal kull wieħed minnhom, ir-riferiment għad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jirregolaw il-produzzjoni u l-manufattura tagħhom u, fir-rigward tal-Kummissjoni, li tippubblika din il-lista fis-Serje C – u mhux fis-Serje L – tal-Ġurnal Uffiċjali.
99 Peress li l-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi toriġina mil-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri, jirriżulta li l-infurzar, fir-rigward ta’ terzi, tal-miżuri nazzjonali li permezz tagħhom Stat Membru jagħti l-isem ta’ reġjun speċifiku lil inbid ta’ kwalità psr jew, l-isem ta’ muniċipalità, ta’ parti minn muniċipalità jew ta’ lokalità żgħira, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 52(1) tar-Regolament Nru 1493/1999, jirriżulta mill-pubblikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Istat Membru li jadotthom.
100 Issa, huwa kostanti li r-Regolament il-ġdid dwar id-denominazzjoni ta’ orġini kkontrollata “valencia” u l-kunsill regolatorju tagħha kif ukoll id-digriet Ministerjali APA/1815/2002 ġew ippubblikati fil-BOE rispettivament fl-2000 u fl-2002, f’data preċedenti għall-applikazzjoni għal trade mark ippreżentata fis-27 ta’ Novembru 2006.
101 Mill-fatt li l-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi toriġina mil-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri jirriżulta wkoll li l-pubblikazzjoni tal-lista tal-inbejjed ta’ kwalità psr u tar-riferimenti għad-dispożizzjonijiet nazzjonali fis-Serje C tal-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tikkostitwixxi biss miżura ta’ informazzjoni lill-pubbliku dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi stabbiliti minn kull wieħed mill-Istati Membri fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom.
102 Huwa veru li l-mod li bih il-Kummissjoni ppubblikat l-informazzjoni mgħoddija mir-Renju ta’ Spanja ma jidhirx effettiv ħafna biex jiżgura li l-pubbliku jingħata informazzjoni sħiħa u kompluta, inkwantu l-isem tal-muniċipalitajiet li jibbenefikaw minn indikazzjoni ta’ oriġini f’dak li jikkonċerna, b’mod partikolari, ir-reġjun ta’ Valencia u s-subreġjun ta’ Clariano – inkluż l-isem tal-muniċipalità el Palomar – ma jidhirx fil-lista ppubblikata mill-Kummissjoni.
103 Madankollu hemm lok, minn naħa, li jiġi kkonstatat li dan il-mod li tippubblika l-informazzjoni nazzjonali huwa konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 54(5) tar-Regolament Nru 1493/1999 u, min-naħa l-oħra, li jiġi kkunsidrat li dan il-metodu ma jitfax dubju fuq il-protezzjoni li r-Regolament Nru 14493/1999 jagħti lill-indikazzjonijiet ġeografiċi li jibbenefikaw minn protezzjoni taħt il-leġiżlazzjoni Spanjola, inkluż l-indikazzjoni ġeografika “el Palomar”.
104 Sussidjarjament, hemm ukoll lok li jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 8 tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Afrika t’Isfel dwar il-kummerċ tal-inbid (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 40, p. 203), f’dak li jikkonċerna l-inbejjed li joriġinaw mill-Komunità, l-indikazzjonijiet ġeografiċi msemmija fl-Anness II huma protetti.
105 L-Anness II (“Lista ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi”) tal-Ftehim, punt A (Indikazzjonijiet ġeografiċi ta’ l-inbejjed li joriġinaw fil-Komunità Ewropea), III. (“Inbejjed li joriġinaw mir-Renju ta’ Spanja”), 1. (“Inbejjed ta’ kwalità [psr]”), 1.2.48. (“Ir-reġjun speċifikat Valencia”), (d) (“Sub-reġjun Clariano”), isemmi l-isem Palomar.
106 L-isem Palomar jidher ukoll fl-Annessi tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar kummerċ fi prodotti agrikoli (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 41, p. 159).
107 Għandu jiġi osservat li dawn il-ftehim huma preċedenti għall-emenda li saret lill-Artikolu 4(1) tar-Regolament il-ġdid dwar id-denominazzjoni ta’ orġini kkontrollata “valencia” u l-kunsill regolatorju tagħha permezz tad-Digriet Ministerjali APA /1815/2002, tal-4 ta’ Lulju 2002 li introduċa l-isem el Palomar minflok l-isem Palomar.
108 L-isem Palomar jidher ukoll fl-Annessi tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Awstralja dwar il-kummerċ fl-inbid konkluż fl-1994 (ĠU Edizzjoni Spejċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 20, p. 3 ), li jwassal biex jiġi kkunsidrat li l-protezzjoni mogħtija mir-Renju ta’ Spanja lill-indikazzjoni ġeografika el Palomar hija preċedenti għad-dispożizzjonijiet tar-Regolament il-ġdid dwar id-denominazzjoni ta’ oriġini kkontrollata “valencia” u l-kunsill regolatorju tagħha, kif emendat permezz tad-Digriet Ministerjali APA /1815/2002, tal-4 ta’ Lulju 2002.
109 Fi tmiem ta’ dan l-eżami, għandu jiġi mfakkar li, skont l-Artikolu 7(1)(j) tar-Regolament Nru 40/94 ma jistgħux jiġu rreġistrati t-trade marks għal inbejjed li jkunu jinkludu jew jikkonsistu f’indikazzjoni ġeografika li tidentifika l-inbejjed meta dawn l-inbejjed ma jkollhomx dik l-oriġini.
110 Huwa kostanti li l-inbid li għalih ir-rikorrenti ppreżentat l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni, bħala trade mark Komunitarja, tas-sinjal verbali CUVÉE PALOMAR ma joriġinax mill-muniċipalità ta’ el Palomar imsemmija fir- Regolament il-ġdid dwar id-denominazzjoni ta’ orġini kkontrollata “valencia” u l-kunsill regolatorju tagħha, ippubblikat fil-BOE qabel l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni.
111 It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni hija għaldaqstant komposta minn indikazzjoni ġeografika li tidentifika inbid ta’ kwalità psr filwaqt li l-inbid li għalih saret l-applikazzjoni għal trade mark ma huwiex ta’ din l-oriġini.
112 Għaldaqstant hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-Bord tal-Appell kien korrett meta kkunsidra li t-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni kienet tmur kontra r-raġuni assoluta għal rifjut ta’ reġistrazzjoni prevista fl-Artikolu 7(1)(j) tar-Regolament Nru 40/94.
113 Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-argumenti mressqa mir-rikorrenti insostenn tal-uniku motiv tagħha.
114 L-ewwel nett, ir-rikorrenti essenzjalment tallega li, peress li parti miż-żona tagħha tinkludi l-isem Palomar, l-użu ta’ dan l-isem fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma jikkostitwixxix indikazzjoni falza jew indikazzjoni żbaljata.
115 Madankollu huwa irrilevanti li dan ir-riferiment ma huwiex żbaljat, peress li l-unika kundizzjoni għall-applikazzjoni tar-raġuni assoluta għal rifjut prevista fl-Artikolu 7(1)(j) tar-Regolament Nru 40/94 hija li l-inbid ikun fih jew ikun kompost minn indikazzjoni ġeografika li tidentifika inbid filwaqt li dan l-inbid ma jkollux din l-oriġini.
116 Issa, ir-rikorrenti rrikonoxxiet li l-parti taż-żona tagħha li jisimha Palomar ma tinstabx fil-muniċipalità ta’ el Palomar, imsemmija fir-Regolament il-ġdid dwar id-denominazzjoni ta’ oriġini kkontrollata “valencia” u l-kunsill regolatorju tagħha
117 Għaldaqstant dan l-argument imressaq mir-rikorrenti għandu jiġi miċħud.
118 It-tieni nett, ir-rikorrneti essenzjalment issostni li, sabiex ir-raġuni għal rifjut prevista fl-Aritkolu 7(1)(j) tar-Regolament Nru 40/94 tkun applikabbli, huwa neċessarju li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni tkun tinkludi jew tkun tikkonsisti f’indikazzjoni ġeografika falza li tindika nbejjed li għandhom oriġini differenti minn dik li l-konsumaturi jassoċjaw ma’ din l-indikazzjoni ġeografika.
119 Issa, ir-raba’ premessa tar-Regolament Nru 3288/94 tippreċiża li l-Artikolu 23(2) tal-Ftehim TRIPs jipprevedi r-rifjut ta’ reġistrazzjoni jew l-invalidazzjoni ta’ trade marks li jkunu jinkludu jew jikkonsistu f’indikazzjonijiet ġeografiċi foloz għal inbejjed u spirti mingħajr il-kundizzjoni li dawn ikunu ta’ natura tali li jqarrqu bil-pubbliku.
120 Għaldaqstant, ir-raġuni għal rifjut prevista fl-Artikolu 7(1)(j) tar-Regolament Nru 40/94 tapplika mingħajr ma hemm lok li tiġi ttrattata l-kwistjoni dwar jekk it-trade marks li saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tagħhom humiex jew le tali li jqarrqu bil-pubbliku jew jekk dawn joħolqux possibbiltà ta’ konfużjoni għall-istess konsumatur f’dak li jikkonċerna l-oriġini tal-prodott.
121 Għaldaqstant, l-argument tar-rikorrenti fuq dan il-punt għandu jiġi miċħud.
122 It-tielet nett, ir-rikorrenti essenzjalment issostni li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma tinkludix l-isem el Palomar li jibbenefika mill-protezzjoni mogħtija mid-dritt Spanjol, iżda biss il-kelma “palomar”. Issa, skont ir-rikorrenti, l-onominu għandu jkun perfett sabiex ir-raġuni assoluta għal rifjut prevista fl-Artikolu 7(1)(j) tar-Regolament Nru 40/94 tkun applikabbli. Għaldaqstant, peress li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ma tinkludix l-artiklu “el”, ir-reġistrazzjoni tagħha ma setgħetx tkun miċħuda mill-UASI.
123 Hemm lok li b’mod illustrattiv jiġi osservat li, kieku l-argument tar-rikorrenti kellu jiġi milqugħ, dan iwassal sabiex tiġi permessa r-reġistrazzjoni ta’ trade mark bħal Baux de Provence jew Clos Vougeot, minkejja li jeżistu indikazzjonijiet ġeografiċi għal inbejjed ta’ kwalità psr Les Baux de Provence u Clos de Vougeot.
124 Issa, tali interpretazzjoni tal-Artikolu 7(1)(j) tar-Regolament Nru 40/94 bla dubju ta’ xejn tmur kontra l-għan ta’ protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi għal inbejjed ta’ kwalità psr li l-leġiżlazzjoni nazzjoni u l-leġiżlazzjoni Komunitarja jridu jilħqu.
125 Għaldaqstant għandu jiġi kkunsidrat li, sabiex ir-raġuni għal rifjut imsemmija fl-Artikolu 7(1)(j) tar-Regolament Nru 40/94 tapplika, huwa biżżejjed li l-imsemmija trade marks jinkludu jew ikunu komposti minn elementi li jippermettu li tiġi identifikata b’ċertezza l-indikazzjoni ġeografika inkwistjoni, mingħajr ma hemm lok li jiġu kkunsidrati l-artikli definittivi jew indefinittivi li jistgħu eventwalment jagħmlu parti minnhom.
126 Ikun differenti biss jekk l-indikazzjoni ġeografika tkun komposta minn isem ta’ post li jinkludi artiklu li ma jistax jiġi sseparat minn dan l-isem u li jagħtih tifsira propja u awtonoma.
127 Issa, f’dan il-każ, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-isem el Palomar ma għandux tifsira propja u awtonoma li tiddistingwi ruħha mill-isem Palomar.
128 Għaldaqstant għandu jiġi kkunsidrat li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, jiġifieri CUVÉE PALOMAR, tinkludi jew hija komposta minn elementi li jippermettu li tiġi identifikata b’ċertezza l-indikazzjoni ġeografika el Palomar, jiġifieri l-kelma “palomar”.
129 Għaldaqstant l-argument tar-rikorrenti li abbażi tiegħu l-artiklu “el” għandu influwenza deċiżiva fuq l-applikazzjoni, f’dan il-każ, tar-raġuni għal rifjut prevista mill-Artikolu 7(1)(j) tar-Regolament Nru 40/94 għandu jiġi miċħud.
130 Ir-raba nett, ir-rikorrenti essenzjalment issostni li hemm lok li jittieħed inkunsiderazzjoni tal-fatt li l-isem “el Palomar”, li jibbenefika mid-denominazzjoni ta’ oriġini kkontrollata protetta mid-dritt Spanjol, ma huwiex magħruf mill-pubbliku inġenerali jew mill-klassi ta’ persuni rilevanti u li dan huwa ta’ natura polisemika li jnaqqas in-natura ta’ indikazzjoni ġeografika tiegħu.
131 Madankollu, sa fejn ir-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għandha tiġi rrifjutata abbażi tar-raġuni biss li din it-trade mark tinkludi jew hija komposta minn indikazzjoni ġeografika li tidentifika nbejjed meta l-inbejjed ma għandhomx din l-oriġini, jirriżulta li l-fatt li l-isem li jibbenefika minn denominazzjoni ta’oriġini kkontrollata ma huwiex magħruf mill-pubbliku inġenerali jew mill-klassi ta’ persuni rilevanti, jew li dan huwa ta’ natura polisemika li jnaqqas in-natura ta’ indikazzjoni ġeografika, huwa irrilevanti għall-applikazzjoni tar-raġuni assoluta għal rifjut prevista fl-Artikolu 7(1)(j) tar-Regolament 40/94.
132 Minn dan jirriżulta wkoll li ma jistax jiġi aċċettat l-argument tar-rikorrenti li abbażi tiegħu hemm lok li tiġi applikata b’analoġija l-ġurisprudenza relatata mal-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94, li abbażi tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li ma kienx hemm lok li tiġi applikata r-raġuni assoluta għal rifjut ta’ din id-dispożizzjoni fil-każijiet ta’ trade marks komposti minn isem li jindika żoni ġeografiċi mhux magħrufa.
133 Fil-fatt din il-ġurisprudenza ma hijiex applikabbli f’dak li jikkonċerna r-raġuni assoluta għal rifjut prevista fl-Artikolu 7(1)(j) tar-Regolament Nru 40/94, peress li din id-dispożizzjoni ma titlob ebda analiżi ta’ probabbiltà eventwali ta’ konfużjoni.
134 Fil-fatt, sabiex ir-reġistrazzjoni tkun irrifjutata, huwa biżżejjed li trade mark intiża sabiex tidentifika nbid tkun tinkludi jew tkun komposta minn indikazzjoni ġeografika li tidentifika l-inbejjed, filwaqt li l-inbid li għalih saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ma jkollux din l-oriġini.
135 Il-ħames nett, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti bbażat fuq in-nuqqas ta’ oppożizzjoni mill-korpi responsabbli għad-difiża tad-denominazzjoni ta’ oriġini kkontrollata “valencia”, hemm lok li jiġi kkunsidrat li, peress li l-applikazzjoni għal trade mark ma kinitx ġiet ippubblikata, peress li l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark kienet ġiet miċħuda, it-terzi, fosthom il-kunsill regolatorju tad-denominazzjoni ta’ oriġini kkontrollata u l-amministraturi ċentrali u awtonomi, ma ġewx mistiedna jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni.
136 F’kull każ, anki kieku kellu jiġi meqjus li dawn il-korpi kellhom il-possibbiltà li jopponu għat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u ma kinux għamlu dan, minn dan in-nuqqas ta’ opożizzjoni ma jistax jiġi dedott li t-trade mark tista’ validament tiġi rreġistrata minkejja d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7(1)(j) tar-Regolament Nru 40/94.
137 Is-sitt nett, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li abbażi tiegħu r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni hija biss il-prolongazzjoni Komunitarja ta’ reġistrazzjonijiet nazzjonali u internazzjonali li hija għandha, għandu jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, ir-reġistrabbiltà ta’ sinjal bħala trade mark Komunitarja għandha tiġi evalwata biss abbażi tal-leġiżlazzjoni Komunitarja rilevanti. L-UASI u, skont il-każ, il-qorti Komunitarja ma humiex marbuta b’deċiżjoni mogħtija fi Stat Membru, jew f’pajjiż terz, li taċċetta r-reġistrabbiltà ta’ dan l-istess sinjal bħala trade mark nazzjonali (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Frar 2002, Streamserve vs UASI (STREAMSERVE), T‑106/00, Ġabra p. II‑723, punt 47, u tat-22 ta’ Ġunju 2005, Metso Paper Automation vs UASI (PAPERLAB), T‑19/04, Ġabra p. II‑2383, punt 37).
138 Ir-reġistrazzjonijiet eżistenti fl-Istati Membri jikkostitwixxu biss fatt wieħed li jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tar-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja u t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għandha tiġi evalwata biss abbażi tal-leġiżlazzjoni Komunitarja rilevanti. Minn dan jirriżulta li l-UASI la huwa obbligat isegwi r-rekwiżiti u l-evalwazzjoni tal-awtorità kompetenti fir-rigward tat-trade marks tal-pajjiż ta’ oriġini, u lanqas ma huwa obbligat jirreġistra t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni minħabba l-eżistenza ta’ deċiżjoni ta’ reġistrazzjoni tal-Uffiċċju Spanjol tat-Trade marks (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Ottubru 2007, Develey vs UASI, C‑238/06 P, Ġabra p. I‑9375, punti 66 sa 73).
139 Għaldaqstant, il-fatt li r-rikorrenti għandha reġistrazzjonijiet nazzjonali u internazzjonali ma huwiex tali li jostakola r-rifjut ta’ reġistrazzjoni ta’ trade mark skont il-leġiżlazzjoni Komunitarja.
140 Minn dan jirriżulta li l-argument tar-rikorrenti fuq dan il-punt għandu wkoll jiġi miċħud.
141 Is-seba’ nett, fir-rigward tal-ilment tar-rikorrenti li abbażi tiegħu, essenzjalment, ma jistax ikun hemm ostakolu għar-reġistrazzjoni tat-trade mark CUVÉE PALOMAR peress li l-UASI aċċetta li jirreġistra t-trade marks tagħha PAGO PALOMAR u ABADÍA RETUERTA CUVÉE PALOMAR, hemm lok li jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, id-deċiżjonijiet li l-Bordijiet tal-Appell għandhom jieħdu skont ir-Regolament Nru 40/94 dwar ir-reġistrazzjoni ta’ sinjal bħala trade mark Komunitarja jaqgħu taħt l-eżerċizzju ta’ kompetenza limitata u mhux ta’ setgħa diskrezzjonali. Għalhekk, il-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell għandha tiġi evalwata biss abbażi ta’ dan ir-regolament u mhux abbażi ta’ prassi deċiżjonali preċedenti għalih (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑26 ta’ April 2007, Alcon vs UASI, C 412/05 P, Ġabra p. I-3569, punt 65, u l-ġurisprudenza ċċitata).
142 Minn dan jirriżulta li l-ilment tar-rikorrenti jista’ biss jiġi miċħud.
143 It-tmien nett, ir-rikorrenti essenzjalment issostni li l-Artikolu 7(1)(j) tar-Regolament Nru 40/94 għandu jiġi interpretat fid-dawl tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Ftehim TRIPs u, b’mod partikolari tal-Artikolu 24(5) tiegħu. Issa, peress li hija l-proprjetarja tat-trade mark Spanjola CUVÉE EL PALOMAR mill‑1997, għandu jiġi kkunsidrat il-fatt li din it-trade mark hija preċedenti għall-protezzjoni tal-isem tal-muniċipalità el Palomar fil-kuntest tad-denominazzjoni ta’ oriġini kkontrollata “valencia”, li ġiet irregolata fl-2000.
144 Għaldaqstant ir-rikorrenti essenzjalment tqis li, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 24(5) tal-Ftehim TRIPs, ir-rikonoxximent tad-denominazzjoni ta’ oriġini kkontrollata fl-2000 ma jinvalidax it-trade mark nazzjonali CUVÉE EL PALOMAR preċedentement irreġistrata, u l-eżistenza ta’ din it-trade mark nazzjonali preċedenti tippermetti r-reġistrazzjoni, li saret l-applikazzjoni għaliha in bona fide, tat-trade mark CUVÉE PALOMAR, peress li din ir-reġistrazzjoni ma tistax tkun miċħuda biss minħabba li din it-trade mark tinkludi indikazzjoni ġeografika rikonoxxuta wara r-reġsitrazzjoni tat-trade mark nazzjonali.
145 Skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 64 sa 67 iktar ’il fuq, għalkemm id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim TRIPs ma humiex tali li joħolqu fir-rigward tal-individwi drittijiet li huma jistgħu jinvokaw direttament quddiem il-qorti Komunitarja bis-saħħa tad-dritt Komunitarju, xorta jibqa’ l-fatt li r-Regolament Nru 40/94 għandu jiġi interpretat, sa fejn huwa possibbli, fid-dawl tat-test u tal-għan ta’ dan il-ftehim.
146 Skont l-Artikolu 24(5) tal-Ftehim TRIPs, fil-każijiet fejn l-applikazzjoni għal trade mark saret jew din ġiet irreġistrata in bona fide, jew fejn id-drittijiet għal trade mark ġew miksuba in bona fide, qabel ma l-indikazzjoni ġeografika tkun ġiet protetta fil-pajjiż tal-oriġini tagħha, il-miżuri adottati sabiex tkun implementata t-Taqsima 1 tal-Ftehim TRIPs – li fiha jinstab l-Artikolu 24 – ma għandhomx jippreġudikaw l-eliġibbiltà jew il-validità tar-reġistrazzjoni ta’ trade mark, minħabba li dik it-trade mark hija identika jew tixbah lil indikazzjoni ġeografika.
147 Għaldaqstant din id-dispożizzjoni tippreżumi li l-applikazzjoni għal trade mark saret jew din ġiet irreġistrata in bona fide qabel mal-indikazzjoni ġeografika tkun ġiet protetta fil-pajjiż tal-oriġini tagħha, jew li kien sar użu in bona fide tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, qabel ma l-indikazzjoni ġeografika tkun ġiet protetta fil-pajjiż tal-oriġini tagħha.
148 F’dan il-każ għandu jiġi mfakkar li l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark CUVÉE PALOMAR ġiet ippreżentata fl-2006, jiġifieri wara li l-indikazzjoni ġeografika el Palomar kienet ġiet protetta fil-pajjiż ta’ oriġini tagħha mir-Regolament il-ġdid dwar id-denominazzjoni ta’ oriġini kkontrollata “valencia” u l-kunsill regolatorju tagħha, kif emendat bid-Digriet Ministerjali APA/1815/2002, tal-4 ta’ Lulju 2002.
149 Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tistabbilixxix li hija kienet, in bona fide, użat l-isem CUVÉE PALOMAR qabel ma l-indikazzjoni ġeografika el Palomar kienet ġiet protetta fil-pajjiżi ta’ oriġini.
150 Fl-aħħar, anki jekk ir-rikorrenti tista’ tinvoka l-benefiċċju ta’ preċedenza f’dak li jikkonċerna t-trade mark tagħha CUVÉE EL PALOMAR irreġistrata fl-1997 fi Spanja, hija madankollu tista’ tinvoka dan il-benefiċċju, jekk ikun il-każ, biss għal din it-trade mark eżistenti u mhux biex tirreġistra trade marks ġodda, li kienu ineżistenti fil-mument li fih ġiet deċiża l-protezzjoni tal-indikazzjoni ġeografika, li jkunu xorta waħda komposti minn din l-indikazzjoni ġeografika.
151 Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma tistax tinvoka l-benefiċċju tal-Artikolu 34(5) tal-Ftehim TRIPs sabiex tikseb ir-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni.
152 Sussidjarjament, il-Qorti Ġenerali tosserva li l-Kummissjoni ppubblikat lista ta’ nbejjed ta’ kwalità psr fil-Ġurnal Uffiċjali tad-19 ta’ Frar 1999, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1(3) tar-Regolament Nru 823/87. Din il-lista ssemmi r-Regolament Ministerjali dwar id-denominazzjoni ta’ oriġini kkontrollata “valencia” u l-kunsill regolatorju tagħha tat-13 ta’ Ġunju 1987, kif emendat bir-regolament tad-29 ta’ Novembru 1995, ippubblikat fil-BOE tat-8 ta’ Diċembru 1995. Issa, dan ir-regolament, kif emendat, isemmi l-muniċipalità ta’ Palomar bħala li tagħmel parti mis-subreġjun ta’ Clariano, li huwa stess jifforma parti miż-żona ġeografika li tibbenefika mid-denominazzjoni ta’ oriġini kkontrollata “valencia”. Minn dan jirriżulta li, fl-1995, jiġifieri qabel ir-reġistrazzjoni tat-trade mark nazzjonali CUVÉE EL PALOMAR, il-muniċipalità ta’ Palomar kienet tikkostitwixxi indikazzjoni ġeografika protetta mid-dritt nazzjonali u mid-dritt Komunitarju.
153 Id-disa’ nett, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li abbażi tiegħu, essenzjalment, l-UASI rreġistra trade marks bħal CUVÉE MEDITERRANEO, CUVÉE DU GOLFE DE SAINT‑TROPEZ u CUVÉE OCCITANE u għalhekk, xejn ma jipprekludi li t-trade mark CUVÉE PALOMAR tiġi rreġistrata, hemm lok li jiġi mfakkar li r-rikorrenti la wriet, u lanqas sostniet, li l-ismijiet Mediterraneo, Golfe de Saint-Tropez u Occitane kienu indikazzjonijiet ġeografiċi protetti intiżi sabiex jidentifikaw inbid.
154 Għaldaqstant, l-argument tar-rikorrenti huwa, għal darb’oħra, irrilevanti u għandu jiġi miċħud.
155 Minn dak kollu li ntqal qabel jirriżulta li r-rikors kollu kemm hu għandu jiġi miċħud.
Fuq l-ispejjeż
156 Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba.
157 Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż sostnuti mill-UASI, skont it-talbiet tiegħu.
Għal dawn il-motivi,
IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)
taqta’ u tiddeċiedi:
1) Ir-rikors huwa miċħud.
2) Abadía Retuerta, SA hija kkundannata għall-ispejjeż.
Azizi
Cremona
Frimodt Nielsen
Mogħtija fil-qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-11 ta’ Mejju 2010.
Firem
** Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.
Full & Egal Universal Law Academy