Kawża T-348/08
Aragonesas Industrias y Energía, SAU
vs
Il-Kummissjoni Ewropea
“Kompetizzjoni — Akkordji — Suq tal-klorat tas-sodju — Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE — Rikors għal annullament — Tqassim tas-suq — Iffissar tal-prezzijiet — Serje ta’ indizji — Data tal-provi — Dikjarazzjonijiet ta’ kompetituri — Ammissjoni — Tul tal-ksur — Multi — Gravità tal-ksur — Ċirkustanzi attenwanti”
Sommarju tas-sentenza
1. Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur — Stħarriġ ġudizzjarju — Limiti
(Artikoli 81(1) KE u 230 KE; Ftehim ŻEE, Artikolu 53(1))
2. Dritt Komunitarju — Prinċipji — Drittijiet fundamentali — Preżunzjoni ta’ innoċenza —Proċedura fil-qasam tal-kompetizzjoni — Applikabbiltà
(Artikolu 6(2) UE; Artikolu 81(1) KE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 47; Ftehim ŻEE, Artikolu 53(1))
3. Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur — Modalità ta’ prova — Użu ta’ serje ta’ indizji
(Artikolu 81(1) KE; Ftehim ŻEE, Artikolu 53(1))
4. Kompetizzjoni — Akkordji — Ftehim bejn impriżi — Prova tal-ksur — Assenza ta’ provi dokumentarji — Effett
(Artikolu 81(1) KE; Ftehim ŻEE, Artikolu 53(1))
5. Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur — Prova tal-ksur u tat-tul tiegħu li għandha tiġi prodotta mill-Kummissjoni
(Artikolu 81(1) KE; Ftehim ŻEE, Artikolu 53(1); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2002/C 45/03)
6. Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur — Stħarriġ ġudizzjarju — Identifikazzjoni tal-provi meqjusa mill-Kummissjoni
(Artikolu 81(1) KE; Ftehim ŻEE, Artikolu 53(1); Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003)
7. Kompetizzjoni — Akkordji — Ftehim bejn impriżi — Prova tal-ksur — Evalwazzjoni tal-valur probatorju tal-provi differenti — Ammissjoni ta’ impriża rigward il-parteċipazzjoni tagħha f’laqgħat illeċiti
(Artikolu 81(1) KE)
8. Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Metodu ta’ kalkolu indikat mil-linji gwida adottati mill-Kummissjoni — Kalkolu tal-ammont bażiku tal-multa — Teħid inkunsiderazzjoni tal-karatteristiċi tal-ksur fl-intier tiegħu
(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2006/C 210/02, punt 22)
9. Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Gravità tal-ksur — Ċirkustanzi attenwanti — Rwol passiv jew emulattiv tal-impriża
(Artikolu 81 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2006/C 210/02)
10. Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Marġni ta’ diskrezzjoni rriżervat għall-Kummissjoni — Żieda tal-livell ġenerali tal-multi — Ammissibbiltà
(Artikolu 81(1) KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23)
11. Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Gravità tal-ksur — Ċirkustanzi attenwanti — Aġir diverġenti minn dak miftiehem fl-akkordju — Evalwazzjoni
(Artikoli 81 KE u 82 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(3))
12. Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni — Stħarriġ ġudizzjarju — Konstatazzjoni ta’ illegalità — Neċessità għall-Qorti Ġenerali li tagħti deċiżjoni dwar ir-riforma tad-deċiżjoni skont il-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha
(Artikolu 261 TFUE)
1. F’dak li jikkonċerna l-amministrazzjoni tal-prova ta’ ksur tal-Artikolu 81(1) KE, il-Kummissjoni għandha tipproduċi l-prova tal-ksur li hija tkun ikkonstatat u għandha tistabbilixxi l-provi li huma kapaċi juru, suffiċjentement għall-finijiet tal-liġi, l-eżistenza tal-fatti li jikkostitwixxu ksur.
Sussegwentement, fil-kuntest ta’ rikors għal annullament ippreżentat skont l-Artikolu 230 KE, ma hijiex il-qorti tal-Unjoni li għandha tistħarreġ il-legalità tal-att ikkontestat.
Għalhekk, ir-rwol tal-qorti li quddiemha jiġi ppreżentat rikors għal annullament kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata l-eżistenza ta’ ksur għar-regoli tal-kompetizzjoni u li timponi multi fuq id-destinatarji jikkonsisti li jiġi evalwat jekk il-provi u elementi oħra invokati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni tagħha humiex suffiċjenti sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza tal-ksur ikkontestat.
(ara l-punti 90-92)
2. L-eżistenza ta’ dubju f’moħħ il-qorti għandha tkun favur l-impriża destinatarja ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni. Il-qorti ma tistax għalhekk tikkonkludi li l-Kummissjoni stabbilixxiet l-eżistenza ta’ tali ksur skont id-dritt jekk ikun għad hemm dubju fuq il-kwistjoni, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ rikors intiż għall-annullament ta’ deċiżjoni li timponi multa.
Fil-fatt, f’din l-aħħar sitwazzjoni, huwa neċessarju li tiġi kkunsidrata l-preżunzjoni ta’ innoċenza, hekk kif tirriżulta b’mod partikolari mill-Artikolu 6(2) tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, li tagħmel parti mid-drittijiet fundamentali li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, barra minn hekk ikkonfermata mill-preambolu tal-Att Uniku Ewropew u mill-Artikolu 6(2) UE kif ukoll mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, huma protetti fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Fir-rigward tan-natura tal-ksur inkwistjoni kif ukoll tan-natura u tal-livell ta’ ħruxija tas-sanzjonijiet marbuta miegħu, il-preżunzjoni ta’ innoċenza tapplika b’mod partikolari għall-proċeduri dwar il-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni applikabbli għall-impriżi li jistgħu jwasslu sabiex jiġu imposti multi jew pagamenti ta’ penalità.
(ara l-punti 93, 94)
3. Fil-qasam tal-kompetizzjoni, huwa neċessarju li l-Kummissjoni tipproduċi provi preċiżi u konkordanti sabiex tistabbilixxi l-konvinzjoni soda tagħha li l-ksur twettaq.
Madankollu, kull prova prodotta mill-Kummissjoni ma għandhiex neċessarjament tissodisfa dawn il-kriterji fir-rigward ta’ kull element tal-ksur. Huwa suffiċjenti li s-serje ta’ indizji invokati mill-istituzzjoni, evalwati globalment, twieġeb għal dan ir-rekwiżit.
Minbarra dan, meta tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura notorja tal-projbizzjoni tal-ftehim antikompetittivi, ma jistax jiġi meħtieġ li l-Kummissjoni tipproduċi dokumenti li juru b’mod espliċitu li sar kuntatt bejn l-operaturi kkonċernati. L-elementi frammentarji u mifruxa li tista’ tiddisponi minnhom il-Kummissjoni għandhom, f’kull każ, ikunu jistgħu jiġu kkompletati minn deduzzjonijiet li jippermettu r-rikostruzzjoni taċ-ċirkustanzi rilevanti. L-eżistenza ta’ prattika jew ta’ ftehim antikompetittiv tista’ għalhekk tiġi dedotta minn ċertu numru ta’ koinċidenzi u indizji li, meta kkunsidrati f’daqqa, jistgħu jikkostitwixxu, fl-assenza ta’ spjegazzjoni koerenti oħra, il-prova ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni.
(ara l-punti 95-97)
4. Fir-rigward tal-mezzi ta’ prova li jistgħu jiġu invokati sabiex jiġi stabbilit ksur tal-Artikolu 81(1) u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), il-prinċipju li jipprevali fid-dritt tal-Unjoni huwa dak ta’ amministrazzjoni libera tal-provi.
Konsegwentement, l-eventwali assenza ta’ provi dokumentati hija rilevanti biss fil-kuntest tal-evalwazzjoni globali tal-valur probatorju tas-serje ta’ indizji ppreżentati mill-Kummissjoni. Min-naħa l-oħra, dan waħdu ma jkollux bħala konsegwenza li l-impriża kkonċernata tista’ validament tikkontesta l-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni billi tippreżenta spjegazzjoni barra l-fatti tal-każ. Dan ikun il-każ biss meta l-provi ppreżentati mill-Kummissjoni ma jippermettux li tiġi stabbilita l-eżistenza tal-ksur mingħajr ekwivoku u mingħajr ma tkun neċessarja interpretazzjoni.
Barra minn hekk, ebda dispożizzjoni u ebda prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni ma jipprojbixxi lill-Kummissjoni milli tibbaża ruħha, kontra impriża, fuq dikjarazzjonijiet ta’ impriżi oħra akkużati, anki jekk dawn kienu nġabru mill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ talba intiża favur l-Avviż [Komunikazzjoni] dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell [akkordji]. Jekk dan ma kienx ikun il-każ, l-oneru tal-prova ta’ aġir li jikser l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 KE tal-Ftehim ŻEE, li jaqa’ fuq il-Kummissjoni, ikun insostenibbli u inkompatibbli mal-missjoni tagħha ta’ sorveljanza tal-applikazzjoni tajba ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.
Madankollu, id-dikjarazzjoni ta’ impriża akkużata li pparteċipat f’akkordju, li l-eżattezza tagħha tiġi kkontestata minn diversi impriżi akkużati oħra, ma tistax titqies li tikkostitwixxi prova suffiċjenti tal-eżistenza ta’ ksur imwettaq minn dawn tal-aħħar mingħajr ma tkun sostnuta minn provi oħra, peress li l-livell ta’ korroborazzjoni meħtieġ jista’ jkun inqas, minħabba l-affidabbiltà tad-dikjarazzjonijiet inkwistjoni. Tali kundizzjoni ta’ korroborazzjoni tad-dikjarazzjoni ta’ impriża għandha tiġi osservata wkoll fil-każ ta’ kontestazzjoni ta’ din id-dikjarazzjoni minn impriża oħra akkużata.
(ara l-punti 98-101, 206)
5. Fil-qasam tal-kompetizzjoni, jista’ jiġi rrikonoxxut valur probatorju partikolarment għoli għad-dikjarazzjonijiet li, l-ewwel nett, huma affidabbli, it-tieni nett, isiru f’isem impriża, it-tielet nett, joriġinaw minn persuna li għandha responsabbiltà professjonali li taġixxi f’isem din l-impriża, ir-raba’ nett, imorru kontra l-interessi tad-dikjarant, il-ħames nett, joriġinaw minn xhud dirett taċ-ċirkustanzi li huma jirrapurtaw u, is-sitt nett, ikunu ġew ipprovduti bil-miktub, b’mod intenzjonali u wara riflessjoni bir-reqqa.
Minkejja li hija ġeneralment applikata ċerta kawtela fir-rigward ta’ depożizzjonijiet volontarji tal-parteċipanti prinċipali f’akkordju illegali, minħabba l-possibbiltà li dawn il-parteċipanti jkollhom tendenza li jċekknu l-importanza tal-kontribuzzjoni tagħhom fil-ksur u li jkabbru dik tal-oħrajn, xorta jibqa’ l-fatt li t-talba għal benefiċċju taħt l-applikazzjoni tal-Avviż [Komunikazzjoni] dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell [akkordji], sabiex tinkiseb immunità jew tnaqqis mill-multa ma toħloqx neċessarjament inċentivazzjoni sabiex jiġu prodotti provi distorti f’dak li jikkonċerna l-parteċipazzjoni tal-membri l-oħra fl-akkordju inkwistjoni. Fil-fatt, kull tentattiv magħmul biex il-Kummissjoni taqa’ fi żball jista’ jqajjem dubji dwar is-sinċerità kif ukoll il-kompletezza tal-kooperazzjoni tal-applikant u, għaldaqstant, jipperikola l-possibbiltà tiegħu li jibbenefika kompletament mill-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni. F’dan ir-rigward, il-konsegwenzi potenzjali tal-komunikazzjoni lill-Kummissjoni ta’ provi distorti huma għaldaqstant iktar gravi peress li d-dikjarazzjoni kkontestata ta’ impriża għandha tkun sostnuta minn provi oħra. Fil-fatt, din iċ-ċirkustanza żżid ir-riskju li dikjarazzjonijiet ineżatti jiġu identifikati, kemm mill-Kummissjoni kif ukoll mill-impriżi l-oħra akkużati li pparteċipaw fil-ksur.
(ara l-punti 104-106)
6. Il-proċedura amministrattiva prevista bir-Regolament Nru 1/2003, li tiżvolġi quddiem il-Kummissjoni, tinqasam f’żewġ fażijiet distinti u suċċessivi, li kull waħda minnhom għandha loġika interna tagħha, jiġifieri fażi ta’ investigazzjoni preliminari, minn naħa, u fażi kontenzjuża, min-naħa l-oħra. Il-fażi ta’ investigazzjoni preliminari, li matulha l-Kummissjoni tuża s-setgħat ta’ investigazzjoni previsti bir-Regolament Nru 1/2003, u li tasal sad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, hija intiża li tippermetti lill-Kummissjoni li tiġbor l-elementi rilevanti kollha li jikkonfermaw jew le l-eżistenza ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni u tieħu pożizzjoni inizjali fuq l-orjentament tal-proċedura kif ukoll fuq kif għandha tipproċedi. Min-naħa l-oħra, il-fażi kontenzjuża, li tibda mid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet sal-adozzjoni tad-deċiżjoni finali, għandha tippermetti lill-Kummissjoni tiddeċiedi b’mod definttiv fuq il-ksur ikkontestat.
Fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-provi u tal-elementi oħra invokati mill-Kummissjoni sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, ir-riċerka, għall-finijiet tal-identifikazzjoni mill-Qorti Ġenerali tal-provi, tista’ tirrigwarda biss il-parti tar-raġunijiet tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li fihom hija tiddeskrivi l-fażi kontenzjuża tal-proċedura amministrattiva. Fil-fatt, huwa biss wara li tkun irċeviet, fil-kuntest ta’ din l-aħħar fażi, l-osservazzjonijiet tal-impriża kkonċernata fuq l-ewwel pożizzjoni mibdija mill-Kummissjoni fi tmiem fażi ta’ investigazzjoni preliminari, kif imniżżla fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li l-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li żżomm jew le din l-ewwel pożizzjoni u għalhekk li tagħti deċiżjoni definittiva fuq il-ksur ikkontestat.
Meta, wara li rċeviet l-osservazzjonijiet ta’ impriża fuq id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni, fl-evalwazzjoni tal-provi li hija kellha fi tmiem il-fażi ta’ investigazzjoni preliminari sabiex tagħti deċiżjoni dwar il-parteċipazzjoni ta’ din l-impriża fil-ksur, tqajjem dubju hija stess fuq il-valur probatorju ta’ dawn il-provi, il-Qorti Ġenerali jkollha tieħu inkunsiderazzjoni din l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni.
(ara l-punti 109, 110, 113)
7. F’dak li jikkonċerna l-ammissjoni tar-rikorrenti rigward il-parteċipazzjoni tagħha f’laqgħa illeċita fir-rigward tar-regoli tal-kompetizzjoni, ir-rikonoxximent espliċitu jew impliċitu tal-punti ta’ fatt jew ta’ liġi minnha matul il-proċedura amministrattiva quddiem il-Kummissjoni jista’ jikkostitwixxi prova addizzjonali matul l-evalwazzjoni tal-fondatezza ta’ azzjoni ġudizzjarja.
Għaldaqstant, sabiex tali ammissjoni tiġi aċċettata bħala prova affidabbli, fl-istadju tal-evalwazzjoni fondatezza ta’ azzjoni ġudizzjarja għandu jsir stħarriġ dwar jekk il-kontenut ta’ din l-ammissjoni jikkompletax provi oħra prodotti mill-Kummissjoni.
(ara l-punti 217, 218)
8. Jekk il-gravità tal-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni hija, fl-ewwel lok, evalwata skont elementi relatati mal-ksur, bħan-natura tiegħu, il-parti mis-suq akkumulata tal-partijiet ikkonċernati kollha, il-portata ġeografika tal-ksur u l-implementazzjoni jew le tiegħu, fit-tieni lok din l-evalwazzjoni hija rregolata skont ċirkustanzi aggravanti jew attenwanti li huma karatteristiċi ta’ kull impriża li pparteċipat fil-ksur.
Għalhekk, l-ewwel fażi tal-metodu ta’ ffissar tal-multa mill-Kummissjoni għandha bħala għan li tistabbilixxi l-ammont bażiku tal-multa imposta fuq kull impriża kkonċernata, u dan billi jiġi applikat fuq il-valur tal-bejgħ ta’ prodotti jew servizzi inkwistjoni fis-suq ġeografiku kkonċernat ta’ kull waħda minnhom l-ewwel koeffiċjent ta’ moltiplikazzjoni li jirrifletti l-gravità tal-ksur, kif ukoll it-tieni koeffiċjent ta’ moltiplikazzjoni intiż sabiex jiddisswadihom milli jibdew mill-ġdid tali aġir illegali. Hekk kif jirriżulta mil-linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003, kull wieħed minn dawn iż-żewġ koeffiċjenti ta’ moltiplikazzjoni huwa ddeterminat fid-dawl tal-fatturi li jirriflettu l-karatteristiċi tal-ksur meħud fl-intier tiegħu, jiġifieri li dan jiġbor l-aġir antikompetttiv kollu tal-parteċipanti kollha tiegħu.
Għalhekk, ma hemmx lok, waqt id-determinazzjoni tal-ammont ta’ dawn iż-żewġ koeffiċjenti ta’ moltiplikazzjoni, li jittieħdu inkunsiderazzjoni karatteristiċi speċifiċi marbuta mal-ksur imwettaq minn kull wieħed mill-parteċipanti meħuda individwalment. Din il-konstatazzjoni hija barra minn hekk sostnuta mill-għan stess tat-tieni fażi tal-metodu ta’ ffissar tal-multi, li hija intiża, preċiżament, sabiex tieħu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi aggravanti jew attenwanti li jikkaratterizzaw, individwalment, l-aġir antikompetittiv ta’ kull wieħed mill-parteċipanti tal-ksur inkwistjoni.
Konsegwentement, il-fatturi elenkati fil-punt 22 tal-linji gwida, sabiex jiġu stabbiliti kemm il-koeffiċjent ta’ moltiplikazzjoni “gravità tal-ksur” (punt 21 tal-linji gwida) u l-koeffiċjent ta’ moltiplikazzjoni “dritt ta’ dħul” (punt 25 tal-linji gwida), għandhom dejjem bħala għan li jevalwaw il-ksur għar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, meħuda flimkien. B’mod partikolari, ma jirriżultax mil-linji gwida li l-Kummissjoni għandha l-obbligu li tieħu inkunsiderazzjoni elementi speċifiċi għal parteċipant fi ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, bħall-parteċipazzjoni inqas frekwenti ta’ impriża f’kuntatti antikompetittivi jew l-assenza ta’ implementazzjoni tal-ftehim konklużi, fl-istadju tal-ewwel fażi tal-metodu ta’ ffissar tal-multa. Tali elementi ma jittieħdux inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni ħlief fl-istadju tat-tieni fażi ta’ dan il-metodu, bħala ċirkustanzi aggravanti jew attenwanti proprji għal kull waħda mill-impriżi li pparteċipat fil-ksur.
(ara l-punti 264-267, 273)
9. Il-punti 28 u 29 tal-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 jipprovdu aġġustament tal-ammont bażiku tal-multa skont ċerti ċirkustanzi aggravanti u attenwanti, li huma proprji għal kull impriża kkonċernata. B’mod partikolari, il-punt 29 tal-Linji gwida jistabbilixxi lista mhux eżawrjenti ta’ ċirkustanzi attenwanti li jistgħu jwasslu, taħt ċerti ċirkustanzi, għal tnaqqis tal-ammont bażiku tal-multa. Ċertament, din il-lista ma tagħmilx iktar riferiment, fid-dawl taċ-ċirkustanzi attenwanti li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni, għar-rwol passiv ta’ impriża. Madankollu, peress li l-lista stabbilita fil-punt 29 tal-Linji gwida tal-2006 ma hijiex eżawrjenti, tali ipoteżi ma tistax, fil-prinċipju tagħha, tiġi eskluża miċ-ċirkustanzi li jistgħu jwasslu għal tnaqqis tal-ammont bażiku tal-multa.
Ir-rwol passiv ta’ impriża fit-twettiq tal-ksur jimplika l-adozzjoni ta’ “profil baxx” mill-impriża kkonċernata, jiġifieri assenza ta’ parteċipazzjoni attiva fit-tfassil tal-elaborazzjoni ta’ ftehim antikompetittivi.
Fost l-elementi li jistgħu jiżvelaw ir-rwol passiv ta’ impriża fi ħdan akkordju, jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni n-natura sostanzjalment iktar sporadika tal-parteċipazzjoni tagħha fil-laqgħat meta pparagunata mal-membri ordinarji tal-akkordju kif ukoll id-dħul tardiv tagħha fis-suq li kien is-suġġett tal-ksur, indipendentement mit-tul tal-parteċipazzjoni tagħha f’dan il-ksur jew ukoll l-eżistenza tad-dikjarazzjonijiet espressi f’dan is-sens magħmula minn rappreżentanti ta’ impriżi terzi li jkunu pparteċipaw fil-ksur.
(ara l-punti 279-281, 284, 285)
10. Il-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni fl-iffissar tal-ammont tal-multi sabiex torjenta l-aġir tal-impriżi lejn l-osservanza tar-regoli tal-kompetizzjoni. Il-fatt li l-Kummissjoni applikat, fil-passat, multi ta’ ċertu livell għal ċertu tip ta’ ksur ma jistax għaldaqstant iċaħħadha mill-possibbiltà li tgħolli dan il-livell fil-limiti indikati fir-Regolament Nru 1/2003, jekk dan ikun neċessarju sabiex tiġi żgurata l-implementazzjoni tal-politika tal-kompetizzjoni. L-applikazzjoni effettiva tar-regoli tal-kompetizzjoni teżiġi għall-kuntrarju li l-Kummissjoni tkun tista’ fi kwalunkwe mument tadatta l-livell tal-multi għall-bżonnijiet ta’ din il-politika.
(ara l-punt 293)
11. Il-fatt li impriża, li l-parteċipazzjoni tagħha fi prattika miftiehma mal-kompetituri tagħha fir-rigward tal-prezzijiet hija stabbilita, ma tkunx ġabet ruħha fis-suq b’mod konformi ma’ dak li jkun ġie miftiehem mal-kompetituri tagħha ma jikkostitwixxix neċessarjament element li għandu jiġi kkunsidrat, bħala ċirkustanza attenwanti, meta jiġi stabbilit l-ammont tal-multa li għandha tiġi imposta. Fil-fatt, impriża li ssegwi, minkejja l-prattika miftiehma mal-kompetituri tagħha, politika ftit jew wisq indipendenti fis-suq tista’ sempliċement tipprova tuża l-akkordju għall-vantaġġ tagħha.
(ara l-punt 297)
12. Il-fatt li l-eżami tal-motivi mqajma minn impriża kontra l-legalità ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li timponi multa għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni tiżvela illegalità ma jeżentax lill-Qorti Ġenerali milli teżamina jekk għandhiex, fid-dawl tal-konsegwenzi ta’ din l-illegalità u billi tapplika l-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, tirriforma d-deċiżjoni kkontestata.
(ara l-punt 306)
SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)
25 ta’ Ottubru 2011(*)
“Kompetizzjoni – Akkordji – Suq tal-klorat tas-sodju – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE – Rikors għal annullament – Tqassim tas-suq – Iffissar tal-prezzijiet – Serje ta’ indizji – Data tal-provi – Dikjarazzjonijiet ta’ kompetituri – Ammissjoni – Tul tal-ksur – Multi – Gravità tal-ksur – Ċirkustanzi attenwanti”
Fil-Kawża T‑348/08,
Aragonesas Industrias y Energía, SAU, stabbilita f’Barcelona (Spanja), irrappreżentata minn I. S. Forrester, QC, u K. Struckmann, P. Lindfelt u J. Garcia-Nieto Esteva, avukati,
rikorrenti,
vs
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn A. Biolan, J. Bourke u R. Sauer, bħala aġenti,
konvenuta,
li għandha bħala suġġett, prinċipalment, talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2008) 2626 finali, tal-11 ta’ Ġunju 2008, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/38.695 – Klorat tas-sodju), sa fejn din id-deċiżjoni tikkonċerna lil Aragonesas Industrias y Energía u, sussidjarjament, talba għall-annullament jew għat-tnaqqis sostanzjali tal-multa li ġiet imposta fuqha b’din id-deċiżjoni.
IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla),
komposta minn I. Pelikánová, President, K. Jürimäe (Relatur) u S. Soldevila Fragoso, Imħallfin,
Reġistratur: C. Kristensen, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-10 ta’ Settembru 2010,
tagħti l-preżenti
Sentenza
Il-fatti li wasslu għall-kawża
1 Ir-rikorrenti, Aragonesas Industrias y Energía, SAU, hija kumpannija rregolata mid-dritt pubbliku Spanjol. Ikkostitwita fl-1992, dak iż-żmien hija kienet tappartjeni għad-diviżjoni tal-prodotti kimiċi tal-grupp Uralita, li taħtu seħħew l-attivitajiet li jikkonċernaw il-klorat tas-sodju u li kienu tqiegħdu taħt it-tmexxija tal-kumpannija Uralita, SA (iktar ’il quddiem “Uralita”). Sal-1994, Uralita kellha 100 % tal-ishma tar-rikorrenti. F’Diċembru 1994, Uralita ħolqot kumpannija holding, li semmiet Energia e Industrias Aragonesas EIA, SA (iktar ’il quddiem “EIA”), li ttrasferewlha l-attivitajiet kimiċi kollha. Ir-rikorrenti għalhekk saret 100 % sussidjarja ta’ EIA. Inizjalment, Uralita kellha 98.84 % tal-ishma ta’ EIA, sussegwentement, mill-1 ta’ Jannar 1995 sal-31 ta’ Diċembru 2000, dan is-sehem ta’ Uralita fil-kapital ta’ EIA kien varja bejn 49.44 % u 50.71 %.
2 Il-klorat tas-sodju huwa aġent li jsaddad ħafna li jinkiseb bit-trattamenti elettrolitiċi ta’ soluzzjoni abbażi tal-ilma tal-klorur tas-sodju f’ċellula mingħajr dijaframma. Il-klorat tas-sodju jista’ jiġi prodott f’forma kkristallizzata jew f’soluzzjoni. Huwa prinċipalment użat fil-produzzjoni tad-diossidu tal-kloru, użat fl-industrija tal-polpa u tal-karti għall-ibbliċjar tal-polpa kimika. L-applikazzjonijiet l-oħra jikkonċernaw, għalkemm f’volum inqas, il-purifikazzjoni tal-ilma tax-xorb, ibbliċjar tat-tessuti, l-erbiċidi u r-raffinar tal-uranju [premessa 2 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2008) 2626 finali, tal-11 ta’ Ġunju 2008, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/38.695 – Klorat tas-sodju) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).
3 Fit-28 ta’ Marzu 2003, rappreżentanti ta’ EKA Chemicals AB (iktar ’il quddiem “EKA”), kumpannija stabbilita fl-Isvezja, ippreżentaw talba għal immunità minn multi jew, fin-nuqqas ta’ dan, tnaqqis ta’ multi, skont l-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell [akkordji] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 155, iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni”) dwar l-eżistenza ta’ akkordju fl-industrija tal-klorat tas-sodju. It-talba ta’ EKA ġiet sostnuta minn provi dokumentati pprovduti minnha u permezz tad-dikjarazzjonijiet orali tar-rappreżentanti tagħha, fil-31 ta’ Marzu 2003 (iktar ’il quddiem id-“dikjarazzjonijiet ta’ EKA tal-2003”).
4 Fit-30 ta’ Settembru 2003, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej adottat deċiżjoni li tagħti lil EKA immunità kundizzjonali minn multa skont l-Artikolu 15 tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni.
5 Fl-10 ta’ Settembru 2004, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej talbet informazzjoni skont l-Artikolu 18(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implementazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE] tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), lil Finnish Chemicals Oy (iktar ’il quddiem “FC”), kumpannija stabbilita fil-Finlandja, lil Arkema France SA, kumpannija stabbilita fi Franza u indikata, fid-deċiżjoni kkontestata, bl-isem tal-impriża “Atochem” (iktar ’il quddiem “Arkema France”) u, fl-aħħar nett, lir-rikorrenti.
6 Fl-24 ta’ Settembru 2004, L, impjegat ta’ Arkema France [iktar ’il quddiem “L (Arkema France)”], instema’ mill-Kummissjoni (iktar ’il quddiem id-“dikjarazzjonijiet ta’ Arkema France”).
7 Fit-18 ta’ Ottubru 2004, Arkema France ppreżentat, fit-tweġiba tagħha għat-talba għal informazzjoni tal-Kummissjoni, talba għal immunità jew tnaqqis tal-multi skont il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni.
8 Fid-29 ta’ Ottubru 2004, FC ippreżentat quddiem il-Kummissjoni, waqt laqgħa fil-bini tagħha, talba għal tnaqqis ta’ multi skont il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni u pprovdiet oralment lill-Kummissjoni informazzjoni dwar l-investigazzjoni fuq il-klorat tas-sodju. B’ittra tat-2 ta’ Notembru 2004, FC ikkonfermat it-talba tagħha għal tnaqqis ta’ multi u fl-istess ħin ipprovdiet provi dokumentati dwar il-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur allegat mill-Kummissjoni.
9 Fl-4 ta’ Novembru 2004, saret laqgħa bejn il-Kummissjoni u r-rappreżentanti ta’ EKA. Fil-11 ta’ Novembru 2004, EKA ttrażmettiet lill-Kummissjoni informazzjoni addizzjonali dwar l-iżvilupp reċenti tas-suq tal-klorat tas-sodju.
10 Fit-3 u d-9 ta’ Diċembru 2004, ir-rikorrenti wieġbet għat-talbiet għal informazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta’ Settembru 2004.
11 Fis-6 ta’ Lulju 2006. EKA għamlet dikjarazzjoni orali ġdida għall-attenzjoni tal-Kummissjoni, dikjarazzjoni li kienet segwita minn intervisti ma’ tnejn mill-impjegati tagħha, fid-19 u l-20 ta’ Lulju 2006. Fid-29 ta’ Awwissu 2006, EKA għamlet dikjarazzjonijiet orali ġodda waqt laqgħa fil-bini tal-Kummissjoni (iktar ’il quddiem id-“dikjarazzjonijiet ta’ EKA tal-2006”).
12 Bejn it-13 ta’ Novembru 2006 u l-11 ta’ April 2008, il-Kummissjoni ndirizzat talbiet għal informazzjoni, skont l-Artikolu 18(2) tar-Regolament Nru 1/2003, lil diversi kumpanniji u, b’mod partikolari, fit-13 ta’ Novembru 2006, fit-8 ta’ Frar u t-12 ta’ Marzu 2007 u l-11 ta’ April 2008, lir-rikorrenti.
13 Fl-27 ta’ Lulju 2007, il-Kummissjoni adottat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li d-destinatarji tagħha kienu, b’mod partikolari, EKA, FC, Arkema France, ir-rikorrenti u Uralita.
14 Fit-terminu mogħti, ir-rikorrenti kkomunikat lill-Kummissjoni l-osservazzjonijiet tagħha dwar id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Ir-rikorrenti kellha aċċess, minn naħa, għall-fajl tal-Kummissjoni fil-forma ta’ DVD indirizzat minn din tal-aħħar li kien fih dokumenti pubbliċi u, min-naħa l-oħra, it-traskrizzjoni tad-dikjarazzjonijiet orali tal-applikanti, fid-dawl tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, li l-Kummissjoni rċeviet waqt il-proċedura ta’ investigazzjoni.
15 Fl-20 ta’ Novembru 2007, diversi mill-kumpanniji kkonċernati, fosthom Uralita, iżda mhux ir-rikorrenti, eżerċitaw id-dritt tagħhom li jinstemgħu oralment mill-Kummissjoni.
16 Fil-11 ta’ Ġunju 2008, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata u nnotifikataha lir-rikorrenti fis-16 ta’ Ġunju ta’ wara.
17 Fil-premessa 69 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni essenzjalment tirrileva, li EKA, FC, Arkema France u r-rikorrenti pparteċipaw f’laqgħat u kellhom kuntatti intiżi sabiex jaqsmu s-swieq billi jallokaw il-volumi ta’ bejgħ tagħhom u jiffissaw il-prezzijiet tal-klorat tas-sodju fis-suq taż-Zona Ekonomika Ewropea (iktar ’il quddiem iż-“ŻEE”). Fid-dawl ta’ dan, il-Kummissjoni stabbilixxiet lista ta’ 72 kuntatt antikompetittiv, li ħa l-forma kemm ta’ laqgħat, kemm ta’ sejħiet telefoniċi (iktar ’il quddiem it-“72 kuntatt antikompetittiv”). Din il-lista tehmżet mal-Anness I tad-deċiżjoni kkontestata. Minbarra dan, fl-Anness II tad-deċiżjoni kkontestata, hemm mehmuża lista tal-persuni ċċitati f’din id-deċiżjoni. Fost l-ismijiet iċċitati, hemm dawk ta’ S. u W., impjegati ta’ EKA [iktar ’il quddiem “S.(EKA)” u “W.(EKA)”], ta’ A. u S [iktar ’il quddiem “A. (Aragonesas)”]. Dejjem fil-premessa 69 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tindika li l-prattiki antikompetittivi msemmija seħħew mill-21 ta’ Settembru 1994, fir-rigward ta’ EKA u ta’ FC, mis-17 ta’ Mejju 1995, fir-rigward ta’ Arkema France, u mis-16 ta’ Diċembru 1996, fir-rigward tar-rikorrenti. Dawn kienu damu sad-9 ta’ Frar 2000, tal-inqas, fir-rigward ta’ EKA, ta’ FC, ta’ Arkema France u tar-rikorrenti.
18 Fil-premessi 70 u 71 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ppreċiżat li l-osservanza tad-deċiżjonijiet meħuda fil-kuntest tal-akkordju kienet ivverifikata prinċipalment waqt il-laqgħat bilaterali u konverżazzjonijiet telefoniċi, li matulhom il-partijiet skambjaw informazzjoni kummerċjalment sensittiva fuq in-negozjati mal-klijenti, u dan, b’mod partikolari, fuq il-volumi mibjugħa u l-prezzijiet ipprattikati. Hija żżid tgħid li l-parteċipanti fl-akkordju applikaw strateġija ta’ stabilizzazzjoni tas-suq tal-klorat tas-sodju, li l-għan aħħari tagħha kien li jallokaw il-volumi ta’ bejgħ tal-prodott, li tiġi kkoordinata l-politika tal-iffissar tal-prezzijiet fir-rigward tal-klijenti, u permezz ta’ dan, li jimmassimizzaw il-marġni tagħhom.
19 Minbarra dan, fil-premessi 73 sa 78 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ddeskriviet il-linji ġenerali tal-prinċipji fundamentali u tal-funzjonament tal-akkordju. Fid-dawl ta’ dan hija rriferiet għal diversi kuntatti bejn il-produtturi prinċipali tal-klorat tas-sodju li kellhom bħala għan prinċipali n-negozjar bejniethom sabiex jallokaw il-volumi ta’ bejgħ tagħhom fis-swieq ġeografiċi kkonċernati u li jiffissaw il-prezzijiet li għandhom jintlaħqu fil-kuntratti konklużi mal-klijenti. Skont il-Kummissjoni, l-iskambju ta’ informazzjoni kummerċjalment sensittiva kien jikkostitwixxi aspett importanti tal-aġir kollużorju, peress li l-parteċipanti kienu sussegwentement fil-pożizzjoni li jipprevedu l-aġir tal-kompetituri tagħhom fis-suq. Fir-rigward tal-funzjonament tal-akkordju, il-Kummissjoni tafferma li l-produtturi tal-klorat tas-sodju kellhom kuntatti frekwenti fil-forma ta’ laqgħat bilaterali jew multilaterali u ta’ konverżazzjonijiet telefoniċi mingħajr madankollu ma segwew skema stabbilita bil-quddiem. Madankollu, hija tippreċiża li, fil-livell tal-qafas superjuri, id-diskussjonijiet seħħew waqt laqgħat multilaterali, ta’ spiss flimkien ma’ laqgħat ta’ grupp ta’ xogħol fuq il-klorat tas-sodju tal-Kunsill Ewropew tal-Industrija tal-Kimika (iktar ’il quddiem is-“CEFIC”). Fl-aħħar nett, skont il-Kummissjoni, fir-rigward tal-kalendarju tan-negozjati, il-kuntatti bejn il-kompetituri żdiedu ġeneralment fit-tmiem ta’ kull sena (bejn ix-xhur ta’ Ottubru u ta’ Diċembru), perijodu li kien jikkorrispondi man-negozju annwali tal-kuntratti bejn il-produtturi tal-klorat tas-sodju u l-klijenti tagħhom fid-dawl tas-sena ta’ wara. Madankollu l-Kummissjoni ssostni li, matul il-perijodu tal-investigazzjoni, dawn in-negozjati ta’ spiss seħħew wara l-bidu tas-sena ta’ wara, u dan b’mod partikolari matul ix-xhur ta’ Jannar u ta’ Frar.
20 Fir-rigward tal-aġir li jikkostitwixxi ksur tar-rikorrenti, mill-premessi 350 u 356 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, sabiex tevalwa l-parteċipazzjoni tagħha fil-laqgħat illeċiti, il-Kummissjoni bbażat ruħha, minn naħa, fuq id-dokumenti attwali li jistabbilixxu, skont il-Kummissjoni, li r-rikorrenti kienet iltaqgħet ma’ partijiet oħra fl-akkordju u, fl-aħħar nett, fuq l-ammissjoni tar-rikorrenti rigward il-parteċipazzjoni tagħha f’laqgħa illeċita, fil-marġni ta’ laqgħa uffiċjali tas-CEFIC, fit-28 ta’ Jannar 2008, fi Brussell (iktar ’il quddiem il-“laqgħa illeċita tat-28 ta’ Jannar 1998”).
21 Fir-rigward b’mod iktar partikolari tal-provi attwali tal-ksur, il-Kummissjoni ssostni, fil-premessi 349 sa 350 tad-deċiżjoni kkontestata, dan li ġej:
“ In-noti ta’ [M.S. (FC)] jagħmlu riferiment tliet darbiet għal konverżazzjoni telefonika mar-rikorrenti. L-ewwel, fis-16 ta’ Diċembru 1996, [S. (FC)] ikkonferma, f’konverżazzjoni ma’ [S. (EKA)], li [FC] kienet ser tikkonforma mal-prezzijiet miftiehma għal Spanja u għal Portugall, fejn f’din il-konverżazzjoni fakkar diskussjonijiet ma’ [ir-rikorrenti]:‘[KUNFIDENZJALI] (1)’ (enfasi miżjuda, ara l-premessa 130). L-annotazzjoni ‘[KUNFIDENZJALI]’ turi li [S.(FC)] kellu preċedentement [mar-rikorrenti] konverżazzjoni personali fuq il-prezzijiet, li kienu jagħmlu parti minn dispożittiv ta’ ftehim bejn il-partijiet fl-akkordju. Sussegwentement, in-noti ta’ [S.FC)] għamlu riferiment għal konverżazzjoni telefonika ma’ [S. (EKA)]: ‘[KUNFIDENZJALI]’ (enfasi miżjuda, ara l-premessa 219), Din l-annotazzjoni tikkonferma li Arkema Franze kienet iddiskutiet direttament prezzijiet ma’ [ir-rikorrenti], li għal darba oħra, kien jaqa’ taħt il-koordinazzjoni ġenerali tal-prezzijiet. Fl-aħħar nett, in-noti ta’ [M.S. (FC)] jippreċiżaw, rigward telefonata tad-9 ta’ Diċembru 1999: ‘[KUNFIDENZJALI]’ (enfasi miżjuda, ara l-premessa 258). Jirriżulta minn din l-annotazzjoni li [S. (FC)] innota li [L. (Arkema France)] kien qallu fuq it-telefon jew irraporta lil dan tal-aħħar il-konverżazzjoni tiegħu ma’ [ir-rikorrenti]. [Li r-rikorrenti] kienet tkellmet ma’ wieħed pjuttost milli mal-ieħor ftit jimporta, peress li minn dan il-kontenut tan-noti jidher li d-diskussjoni inkwistjoni kienet ta’ natura illeċita.
350 Dawn ir-riferimenti juru b’mod ċar kuntatti telefoniċi diretti ma’ [r-rikorrenti] u jindikaw manifestament li dan kien direttament ikkontribwixxa għall-ftehim ġenerali dwar il-prezzijiet. Minbarra dan, [ir-rikorrenti] kkonfermat li pparteċipat fi [l-laqgħa illeċita tat-28 ta’ Jannar 1998], li matula l-kompetituri għamlu diskussjonijiet illeċiti (ara l-premessi 182 u 184). Il-Kummissjoni tikkonkludi għalhekk, filwaqt li tibbaża ruħha fuq id-dikjarazzjonijiet orali li rċeviet f’din il-kawża u l-provi attwali tal-fatti li jindikaw b’mod ċar aġir antikompetittiv min-naħa tagħha, [li r-rikorrenti] pparteċipat fi ksur fl-intier tiegħu. F’tali ċirkustanzi, hija [ir-rikorrenti] li għandha tipproduċi provi li jispjegaw kif l-aġir tagħha huwa kompatibbli ma’ aġir kompetittiv”.
22 Fil-premessa 352 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat dan li ġej:
“Fil-każijiet l-oħra fejn isir riferiment għal [ir-rikorrenti] fid-[...] deċiżjoni [kkontestata], il-Kummissjoni taċċetta l-argument tal-kumpannija li l-informazzjoni setgħet toħroġ minn terzi pjuttost mill-parti kkonċernata stess. Il-fajl tal-Kummissjoni ma fihx provi suffiċjenti li jippermettu li jiġi stabbilit b’mod ċert li l-informazzjoni inkwistjoni kienet ġejja direttament mir-rikorrenti. Dan ser jittieħed inkunsiderazzjoin fuq il-livell tat-tul tal-ksur li għalih [ir-rikorrenti] għandha twieġeb”.
23 Fir-rigward tat-tul tal-ksur, u b’mod partikolari tad-dati ta’ bidu u ta’ tmiem tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur, il-Kummissjoni esponiet u kkonkludiet, fil-premessi 487 sa 489 tad-deċiżjoni kkontestata, dan li ġej:
“487 EKA u [FC] ipparteċipa fi ftehim antikompetittivi mill-[...] u [ir-rikorrenti] mis-16 ta’ Diċembru 1996 għall-inqas (ara l-premessa 130). [...]
488 F’dak li jikkonċerna t-tmiem tal-ksur, fil-konoxxenza tal-Kummissjoni, l-aħħar laqgħa antikompetittiva – li għaliha EKA, Atochem u [ir-rikorrenti] ipparteċipaw – seħħet fid-9 ta’ Frar 2000. Waqt din il-laqgħa, EKA żammet id-distanzi apertament mill-akkordju fejn iddikjarat ir-rifjut tagħha li tipparteċipa f’kull diskussjoni oħra mal-kompetituri. Waħda mill-parteċipanti hemmhekk indikat b’mod ċar ir-rieda tagħha li ma tkunx iktar implikata fl-akkordju u, fil-konoxxenza tal-Kummissjoni, dan kien l-aħħar kuntatt rilevanti bejn produtturi tal-klorat tas-sodju (ara wkoll il-premessa 283). Filwaqt li EKA, Atochem u [ir-rikorrenti] ipparteċipaw direttament fil-laqgħa tad-9 ta’ Frar 2000, xejn ma jindika li l-fajl tal-Kummissjoni, li [FC] kienet ħadet id-distanzi tagħha fir-rigward tal-akkordju qabel din id-data (ebda waħda mill-partijiet barra minn hekk ma sostniet tali distanza). Konsegwentement, il-Kummissjoni tikkunsidra d-9 ta’ Frar 2000 bħala d-data ta’ tmiem l-akkordju għall-impriżi kkonċernati kollha, f’dan il-każ EKA, [FC], Atochem u [ir-rikorrenti].
489 Isegwi li t-tul totali tal-ksur hekk kif deskritt fid-[...] deċiżjoni [kkontestata] tela’ għal [...] 3 snin u xahar għal [ir-rikorrenti] u Uralita”.
24 Fil-premessi 444 u 455 sa 468 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tikkunsidra, minn naħa, li Uralita eżerċitat influwenza determinanti fuq il-linja strateġika u l-politika kummerċjali globali tar-rikorrenti u, min-naħa l-oħra, li, wara l-assorbiment ta’ EIA minn Uralita, ir-responsabbiltà tal-ksur li kien ta’ EIA, bħala l-unika azzjonista tar-rikorrenti, ġiet ittrasferita lil Uralita. Għaldaqstant, fil-premessi 469 u 487 sa 489 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tikkunsidra [ir-rikorrenti] u Uralita responsabbli in solidum tal-ksur imwettaq mill-ewwel bejn is-16 ta’ Diċembru 1996 u d-9 ta’ Frar 2000 (iktar ’il quddiem il-“ksur inkwistjoni”), kif ukoll għal tul totali ta’ tliet snin u xahar.
25 Fir-rigward tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multi li għandhom jiġu imposti, mill-premessa 498 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq il-linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 (ĠU 2006, C 210, p. 2, iktar ’il quddiem il-“linji gwida tal-2006”). Minbarra dan, f’dan il-każ, mill-premessa 509 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, sabiex jiġi stabbilit il-valur tal-bejgħ, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-bejgħ tal-klorat ta’ sodju li sar minn kull impriża fiż-ŻEE matul is-sena finanzjara li tikkorrispondi mal-aħħar sena kompleta tal-ksur u li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 1999.
26 Fir-rigward tad-determinazzjoni tal-ammont bażiku tal-multa, mill-premessi 509 sa 524 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni kkonstatat, l-ewwel nett, f’dak li jikkonċerna l-gravità tal-ksur inkwistjoni, minn naħa, li dan tal-aħħar, peress li kien ibbażat fuq ftehim fil-qasam ta’ tqassim tas-swieq u tal-iffissar tal-prezzijiet, kien partikolarment gravi (premessa 152 tad-deċiżjoni kkontestata), min-naħa l-oħra, li l-parti mis-suq akkumulata tal-impriżi li pparteċipaw f’dan il-ksur kienet telgħet fl-1999 għal 90 % fi ħdan iż-ŻEE (premessa 513 tad-deċiżjoni kkontestata), barra minn hekk, li dan il-ksur ipproduċa l-effetti tiegħu fuq parti sostanzjali tat-territorju taż-ŻEE (premessa 514 tad-deċiżjoni kkontestata) u, fl-aħħar nett, li l-ftehim, anki jekk mhux dejjem taw ir-riżultati mistennija kollha, ġeneralment kienu ġew implementati (premessa 515 tad-deċiżjoni kkontestata). Konsegwentement, il-Kummissjoni ffissat il-proporzjon tal-valur tal-bejgħ ta’ kull impriża implikata, utilizzata sabiex tistabbilixxi l-ammont bażiku għal 19 %.
27 It-tieni nett, il-Kummissjoni ffissat il-koeffiċjent ta’ moltiplikazzjoni skont it-tul tal-ksur, abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 24 tal-linji gwida, għal 3.5.
28 It-tielet nett, fil-premessa 523 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni, abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-punt 25 tal-linji gwida tal-2006, u sabiex tiddisswadi lill-impriżi inkwistjoni milli jipparteċipaw fi ftehim orizzontali ta’ ffissar ta’ prezzijiet li jixxiebhu mal-ftehim li huma s-suġġett tad-deċiżjoni kkontestata, iddeċidiet li żżid l-ammont bażiku tal-multa b’ammont addizzjonali fiss, fid-dawl tal-fatturi eżaminati fil-premessi 512 sa 515 tad-deċiżjoni kkontestata, għal 19 %.
29 Il-Kummissjoni kkonkludiet, fl-Artikolu 1(ġ) u (h) tad-deċiżjoni kkontestata, li r-rikorrenti u Uralita kisru l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE billi ħadu sehem, mis-16 ta’ Diċembru 1996 sad-9 ta’ Frar 2000, f’numru ta’ ftehim u prattiki miftiehma bil-għan li jaqsmu bejniethom il-volumi ta’ bejgħ, jiffissaw il-prezzijiet, jiskambjaw informazzjoni kummerċjalment sensittiva dwar il-prezzijiet u l-volumi ta’ bejgħ u jissorveljaw l-eżekuzzjoni ta’ arranġamenti antikompetittivi dwar il-klorat tas-sodju fis-suq taż-ŻEE.
30 Fl-Artikolu 2(f) tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni imponiet multa għal ammont ta’ EUR 9 900 000 fuq ir-rikorrenti u fuq Uralita, in solidum.
31 Fl-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ordnat lill-impriżi msemmija fl-Artikolu 1 tal-imsemmija deċiżjoni kkontestata, minn naħa, li jtemmu, jekk mhux diġà kienu għamlu dan, il-ksur ikkonstatat u, min-naħa l-oħra, li jastjenu minn kull att jew aġir bħal dak deskritt fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll minn kwalunkwe att jew aġir li jkollhom għan jew effetti identiċi jew li jixxiebhu.
32 L-Artikolu 4 tad-deċiżjoni kkontestata jelenka d-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata, fosthom ir-rikorrenti.
Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet
33 Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-26 ta’ Awwissu 2008, ir-rikorrenti ressqet din il-kawża.
34 Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali. Il-Qorti Ġenerali għamlet ukoll ċerti mistoqsijiet lill-partijiet u talbet lill-Kummissjoni tipprovdilha ċerti dokumenti. Il-partijiet wieġbu dawn il-mistoqsjiet u talbiet fit-termini li ngħatawlhom.
35 B’ittra tat-3 ta’ Settembru 2010, il-Kummissjoni ppreżentat osservazzjonijiet fuq ir-rapport għas-seduta fil-Kawża T‑348/08.
36 Waqt is-seduta, il-Qorti Ġenerali għaddiet lill-partijiet kopja tal-paġni 1159 u 1160 tal-fajl tal-Kummissjoni. Dawn ikkonfermaw li, barra ż-żieda ta’ kitba bl-idejn mill-Qorti Ġenerali ta’ numerazzjoni tal-inċiżi li kienu fiż-żewġ paġni, din il-kopja kienet strettament identika għall-oriġinali li kienet tinsab fl-imsemmija paġni tal-fajl tal-Kummissjoni.
37 Il-proċedura orali ngħalqet fid-10 ta’ Settembru 2010.
38 Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
– prinċipalment, tannulla d-deċiżjoni kkontestata fil-parti li tikkonċernaha;
– sussidjarjament, temenda l-Artikoli 1 u 2 tad-deċiżjoni kkontestata sabiex tannulla jew tnaqqas sostanzjalment l-ammont tal-multa li kienet imponiet fuqha;
– tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
39 Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
– tiċħad ir-rikors;
– tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.
Id-dritt
A – Fuq it-talba għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata
40 Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tqajjem żewġ motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq żbalji ta’ liġi u ta’ evalwazzjoni peress li l-Kummissjoni ma kinitx stabbilixxiet suffiċjentement fid-dritt li r-rikorrenti kienet ipparteċipat fil-ksur inkwistjoni. It-tieni motiv huwa bbażat fuq żbalji ta’ liġi u ta’ evalwazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni fl-istadju tal-kalkolu tal-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti.
1. Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq żbalji ta’ liġi u ta’ evalwazzjoni peress li l-Kummissjoni stabbilixxiet il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur bejn is-16 ta’ Diċembru 1996 u d-9 ta’ Frar 2000
41 Insostenn tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-provi li bbażat fuqhom il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata ma jistabbilixxux b’mod suffiċjenti fid-dritt li hija pparteċipat fil-ksur inkwistjoni. Dan l-ewwel motiv jinqasam f’żewġ partijiet. Il-Kummissjoni ma kinitx uriet, l-ewwel nett, li r-rikorrenti kienet ipparteċipat direttament fil-ksur inkwistjoni, bejn is-16 ta’ Diċembru 1996 u 9 ta’ Frar 2000, u t-tieni nett, li hija kienet ipparteċipat fi ksur uniku u kontinwu li jkopri ż-ŻEE kollha.
a) L-argumenti tal-partijiet
42 Skont ir-rikorrenti, is-serje ta’ indizji invokati mill-Kummissjoni sabiex takkużaha bil-ksur inkwistjoni huma bbażati fuq it-tliet tipi ta’ prova li ġejjin. L-ewwel wieħed jirriżulta mill-fatt li r-rikorrenti rrikonoxxiet li pparteċipat fil-laqgħa illeċita tad-28 ta’ Jannar 1998 ma’ EKA, FC u Arkema France. It-tieni wieħed huwa bbażat fuq noti miktubin bl-idejn ta’ S. (FC) [iktar ’il quddiem in-“noti ta’ S. (FC)”]. It-tielet element huwa bbażat fuq id-dikjarazzjonijiet ta’ EKA tal-2003 u tal-2006. Issa, l-ebda wieħed minn dawn il-provi, meħuda individwalment jew kollettivament, ma jistabbilixxi, mingħajr ebda dubju raġonevoli, li hija kienet ħadet sehem f’akkordju illegali.
43 L-ewwel nett, fir-rigward tal-laqgħa illeċita tad-28 ta’ Jannar 2008, ir-rikorrenti ma tikkontestax li pparteċipat fiha. Din kienet, hija tgħid, laqgħa purament informali, fil-kuriduri ta’ lukanda. Hija tfakkar madankollu li, hekk kif jirriżulta min-noti ta’ S. (FC), hekk kif tniżżlu fil-paġna 1159 tal-fajl tal-Kummissjoni, il-kapijiet tal-akkordju talbu lill-impjegat tar-rikorrenti jitlaq ftit wara mal-grupp li kien ifforma. Għalhekk, ir-rikorrenti ssostni li l-fatt li pparteċipat parzjalment għal laqgħa waħda fuq it-72 kuntatt antikompetittiv identifikati mill-Kummissjoni bejn il-membri tal-akkordju ma jippermettix li hija tiġi akkużata bil-parteċipazzjoni għall-ftehim kumplessi ħafna bejn id-destinatarji l-oħra tad-deċiżjoni kkontestata, ftehim li l-frekwenza tagħhom kienet sostnuta.
44 It-tieni nett, fir-rigward tal-provi kontemporanji tal-ksur ibbażati fuq in-noti ta’ S. (FC), dawn huma kkostitwiti biss minn tliet riferimenti indiretti għar-rikorrenti msemmija fil-premessa 349 tad-deċiżjoni kkontestata. Minn naħa, jirriżulta kemm minn din il-premessa kif ukoll mill-premessa 352 ta’ din id-deċiżjoni li dawn it-tliet riferimenti bbażati fuq in-noti ta’ S. (FC) kienu jikkostitwixxu l-uniċi provi kurrenti tal-fatti li jinkriminaw lir-rikorrenti. Min-naħa l-oħra, jirriżulta mill-formulazzjoni tal-premessa 352 ta’ din id-deċiżjoni li l-Kummissjoni stess kienet ikkunsidrat li ma kienx possibbli li jiġi stabbilit b’mod ċert li informazzjoni oħra bbażata fuq in-noti ta’ S. (FC) li kienu jikkonċernaw lir-rikorrenti kienu ġejjin direttament minnha.
45 Ir-rikorrenti żżid li dikjarazzjonijiet oħra li jinsabu fit-talbiet intiżi favur il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, li l-Kummissjoni tixtieq, fl-atti, tagħti preċedenza fuq it-tliet riferimenti ċċitati fil-premessa 349 tad-deċiżjoni kkontestata, jistgħu jiġu interpretati b’mod differenti minn kif tissuġġerixxi l-Kummissjoni u ma jippermettux li jiġi konkluż li r-rikorrenti kienet ipparteċipat fi ksur uniku u kontinwu. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tibbaża ruħha wkoll fuq provi oħra li, minn naħa, ma ġewx invokati fid-deċiżjoni kkontestata u, min-naħa l-oħra, ma juru ebda ħtija tar-rikorrenti, li jispjega li dawn ma ġewx inklużi f’din id-deċiżjoni. Iktar preċiżament, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni tallega, fir-risposta tagħha, li d-deċiżjoni hija bbażata mhux biss fuq it-tliet riferimenti fil-premessa 349 tad-deċiżjoni kkontesta, iżda wkoll fuq riferimenti oħra li jikkonċernawha, estratti min-noti ta’ S. (FC). Ir-rikorrenti tikkunsidra li dan iwassal sabiex jiġi kkunsidrat li kull riferiment magħmul għaliha għandu jiġi interpretat bħala allegazzjoni diretta kontriha. Issa, għalkemm il-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq il-“kitba ċara tad-deċiżjoni [kkontestata]” fir-rigward ta’ dawn ir-riferimenti l-oħra bbażati fuq in-noti ta’ S. (FC), sabiex tinkrimina lir-rikorrenti, din tal-aħħar tikkunsidra, bil-kontra, li dawn jew jikkostitwixxu provi li jiskolpawha jew ma jipprovawx li hija kienet ipparteċipat fil-ksur inkwistjoni.
46 Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tqis li, kuntrarjament għal dak li jirriżulta mill-premessa 352 tad-deċiżjoni kkontestata, peress li huwa indikat li, sa fejn l-informazzjoni l-oħra bbażata fuq noti ta’ S. (FC) setgħu ġew minn terzi pjuttost milli mir-rikorrenti, [ma ttieħidx inkunsiderazzjoni l-livell tat-tul tal-ksur li għalih [ir-rikorrenti] għandha twieġeb” [traduzzjoni mhux uffiċjali], il-Kummissjoni ma biddlitx il-kalkolu tagħha tat-tul tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur inkwistjoni meta pparagunat ma dak li kien imniżżel fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Hija tiddeduċi minn dan li t-tul stabbilit fid-deċiżjoni kkontestata ma jirriflettix korrettament il-portata tal-allegata parteċipazzjoni tagħha fil-ksur inkwistjoni u li ma sarux adattamenti jew konċessjonijiet fir-rigward tagħha min-naħa tal-Kummissjoni, sabiex tiġi riflessa n-natura frivola tal-provi.
47 Fir-rigward tal-ewwel riferiment dwar ir-rikorrenti, ikkunsidrat fil-premessa 349 tad-deċiżjoni kkontestata, dan huwa relatat ma’ konverżazzjoni telefonika, li saret fis-16 ta’ Diċembru 1996, bejn S. (FC) u S. (EKA), li matulha tal-ewwel kien għamel riferiment għal konverżazzjoni li huwa kellu mar-rikorrenti dwar il-prezzijiet fi Spanja. Ir-rikorrenti ssostni li dan l-ewwel riferiment ma jurix, mingħajr ma jeżisti dubju raġonevoli fuq dan il-punt, li hija kienet ħadet sehem f’akkordju. Fil-fatt, minn naħa, l-impjegat ikkonċernat kien ċaħad li kien f’kuntatt ma’ S. (FC) barra mill-kuntest tal-assemblej ġenerali uffiċjali tas-CEFIC. Min-naħa l-oħra, dan ir-riferiment jirrigwarda biss is-suġġett ta’ konverżazzjoni ma’ S.(EKA) dwar ir-rikorrenti. Fl-aħħar nett, il-provi l-oħra ma jissuġġerux li r-rikorrenti kienet ħadet sehem fi ftehim dwar il-prezzijiet matul il-perijodu ta’ negozjar li ppreċeda l-firma ta’ kuntratti fuq il-klorat tas-sodju għall-ewwel trimestru tas-sena 1997. Jekk ir-rikorrenti kienet ipparteċipat f’akkordju f’dan iż-żmien, in-noti ta’ S. (FC) semmew dan iktar ta’ spiss, u dan b’mod li ma kienx biss indirett.
48 It-tieni riferiment magħmul dwar ir-rikorrenti huwa relatat ma’ konverżazzjoni telefonika, li seħħet fl-4 ta’ Diċembru 1998, bejn S. (FC) u S. (EKA), li matulha t-tieni kien għamel riferiment għal konverżazzjoni li kellu ma’ Arkema France fuq il-prezzijiet fil-Portugall. Minn din l-aħħar konverżazzjoni jirriżulta li Arkema France kienet indikat lil S. (EKA) li hija kienet tkellmet ma’ impjegat tar-rikorrenti. Ir-rikorrenti tikkunsidra li dan l-estratt ma jindikax li hija kienet ipparteċipat fl-akkordju u, bil-kontra, jista’ jagħti x’jifhem li kien intalab lir-rikorrenti li ma traħħasx il-prezzijiet tagħha. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti tosserva li t-talba magħmula fid-dawl tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni ta’ Arkema France [ifformulata waqt is-smigħ ta’ L. (Arkema France) fl-24 ta’ Settembru 2004] ma kien fiha ebda riferiment għall-isem tar-rikorrenti fil-kuntest tad-diskussjonijiet li seħħew bejn nofs is-sena 1998 u x-xahar ta’ Mejju 2000. Barra minn hekk, dan l-estratt jirrapporta dikjarazzjoni ta’ Arkema France, li kienet kompetitur dirett ta’ FC. Għalhekk, ir-rikorrenti tagħti l-idea li, meta Arkema France tkellmet ma’ S. (EKA), hija seta’ kellha interess, bħala kompetitur aggressiv ta’ FC, li tagħti x’tifhem li l-prezz ma kienx ser jonqos u li FC kellha tosserva l-livell tas-sena preċedenti. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tafferma li, matul is-sena 1998, hija raħħset il-prezzijiet ta’ bejgħ tagħha tal-klorat tas-sodju fil-Portugall. Għaldaqstant, mhux biss it-tieni riferiment ma jurix li r-rikorrenti kienet ipparteċipa f’diskussjonijiet waqt il-perijodu kkonċernat, iżda, minbarra dan, dan jikkostitwixxi element li jiskolpaha, peress li jissuġġerixxi li r-rikorrenti ma kinitx ikkoordinat l-aġir tagħha ma’ dak tal-membri tal-akkordju.
49 It-tielet riferiment magħmul dwar ir-rikorrenti huwa relatat ma’ konverżazzjoni telefonika li seħħet fid-9 ta’ Diċembru 1999, bejn S. (FC) u L. (Arkema France), li matulha wieħed minnhom kien indika li kien tkellem mar-rikorrenti. Issa, ir-rikorrenti ssostni li l-fatt li wieħed minnhom kellimha ma jimplikax waħdu li hija wettqet aġir illegali. Fil-fatt, jekk wieħed iqisha bħala impriża li rrifjutat li tikkoopera, kien possibbli li l-membri l-oħra tal-akkordju kellhom bżonn ikellmuha sabiex jippruvaw iġiegħluha “tikkonforma”. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tosserva mill-ġdid li dan it-tielet riferiment huwa kontradett mid-dikjarazzjonijiet li nstemgħu waqt is-seduta ta’ L. (Arkema France) li fihom huwa ma ċċitax lir-rikorrenti bħala li pparteċipat fl-akkordju bejn nofs is-sena 1998 u x-xahar ta’ Mejju 2000.
50 It-tielet nett, fir-rigward tad-dikjarazzjonijiet ta’ EKA tal-2003 u tal-2006, ir-rikorrenti tfakkar li, skont il-Kummissjoni, dawn jispjegaw “l-implikazzjoni tar-rikorrenti għall-klijenti Spanjoli, Franċiżi u Portugiżi”. Għaldaqstant, FC u Arkema France ma fformulat ebda akkuża ta’ dan it-tip.
51 L-ewwel nett, fir-rigward tad-dikjarazzjonijiet ta’ EKA tal-2003, jirriżulta li l-parteċipanti prinċipali fl-akkordju kienu EKA, FC u Arkema France. Ir-rikorrenti kienet ipparteċipat fi ftehim f’livell inqas. Minbarra dan, il-Kummissjoni tirreferi għall-premessa 358 tad-deċiżjoni kkontestata u għan-nota ta’ qiegħ il-paġna 391 relatata magħha, speċifikament id-dikjarazzjonijiet ta’ EKA tal-2003. Fid-dawl ta’ dan, ir-rikorrenti tipproduċi u tikkumenta tliet siltiet ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet li kienu jirrigwardaw rispettivament lil Spanja, lil Franza u lill-Portugall. Dawn it-tliet siltiet jikkostitwixxu siltiet ta’ riferiment tad-dikjarazzjoni ta’ EKA li jispjegaw l-allegazzjoni tagħha li r-rikorrenti kienet ipparteċipat fl-akkordju fil-funzjoni tal-pożizzjoni tagħha u tal-interessi tagħha fis-suq għall-klijenti Spanjoli, Franċiżi u Portugiżi.
52 Fir-rigward tal-ewwel silta, li tikkonċerna lil Spanja, jirriżulta li EKA kienet b’mod partikolari ddikjarat li “[KUNFIDENZJALI]”. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssotni li, jekk hija kellha titlef partijiet mis-suq fi Spanja, ikun naturali li hija tipprova ssib klijenti minn swieq ġirien, bħal Franza u l-Portugall. Dan ikun aġir normali f’suq suġġett għas-sistema tal-kompetizzjoni. Għalhekk teżisti interpretazzjoni oħra barra dik stabbilita mill-Kummissjoni, interpretazzjoni konformi mal-aġir normali fis-suq.
53 Fir-rigward tat-tieni silta, li tikkonċerna lil Franza, jirriżulta minn din li EKA kienet b’mod partikolari ddikjarat li “[KUNFIDENZJALI]”. Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq din id-dikjarazzjoni sabiex tissuġġerixxi l-eżistenza fi Franza ta’ ftehim bilaterali fuq il-volumi bejn Arkema France u produtturi oħra għajr EKA. Għalhekk, ir-rikorrenti ssostni li d-dikjarazzjoni ta’ EKA tibbaża unikament fuq xniegħa, peress li hija tallega li r-rikorrenti pparteċipat f’arranġamenti li EKA ma kinitx ipparteċipat fihom. L-informazzjoni li tinsab f’din id-dikjarazzjoni għalhekk ma setgħetx tinkiseb ħlief minn terzi bħal Arkema France. Issa, ir-rikorrenti tosserva li, fit-talba tagħha magħmula fid-dawl tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, Arkema France ma ssemmi ebda arranġament distint mar-rikorrenti. Id-dikjarazzjoni ta’ terz li tallega l-eżistenza ta’ ftehim li “jidher” li kien ġie konkluż minn produtturi oħra ma tistax tkun ta’ bażi għall-konvinzjoni dwar l-eżistenza ta’ tali ftehim. Għaldaqstant, din is-silta tad-dikjarazzjoni ta’ EKA ma hijiex ċara suffiċjentement sabiex timplika lir-rikorrenti fit-twettiq tal-ksur inkwistjoni.
54 Fir-rigward tat-tielet passaġġ, li jikkonċerna lill-Portugall, jirriżulta li EKA kienet b’mod partikolari indikat li “[KUNFIDENZJALI]”. Ir-rikorrenti tafferma li ma tifhimx kif din id-dikjarazzjoni tista’ tikkostitwixxi prova kontriha, filwaqt li ma timplikax lil EKA, Arkema France u FC rigward ftehim fuq il-volumi.
55 It-tieni nett, fir-rigward tad-dikjarazzonijiet ta’ EKA tal-2006, dawn kienu ġew ifformulati wara talba tal-Kummissjoni. Issa, ir-rikorrenti tafferma u tinsisti, minkejja l-argumenti għad-difiża tal-Kummissjoni, li dawn id-dikjarazzjonijiet tal-2006 fihom ċerti żbalji, jew jikkontradixxu ċerti affermazzjonijiet, li jinsabu fid-dikjarazzjonijiet preċedenti ta’ EKA u, b’mod iktar partikolari, dawk tal-2003. Huwa għalhekk li, fid-dikjarazzjonijiet tagħha tal-2006, EKA kienet indikat li r-rikorrenti kienet assistiet għal laqgħa waħda u mhux għal ħamsa. Minbarra dan, EKA ma tindikax iktar li r-rikorrenti u Akema France kienu ħallew ismha mis-suq tagħhom fi Franza fil-kuntest ta’ ftehim differenti. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tosserva li, fir-rigward tas-suq Spanjol, id-dikjarazzjoni ġdida ta’ EKA kienet issostni l-opinjoni tagħha li l-aġir li fuqu tibbaża ruħha l-Kummissjoni huwa f’kull każ naturali. Bl-istess mod, id-dikjarazzjonijiet ta’ EKA tal-2006 wkoll ma fihomx riferiment speċifiku dwar ir-rikorrenti fir-rigward tas-suq Spanjol, Portugiż u Franċiż. Ir-rikorrenti ssostni li, minkejja li EKA kienet iddikarjat li r-rikorrenti kienet parti mill-ftehim, hija ma pprovdiet ebda indikazzjoni speċifika dwar dan is-suġġett. Fil-fatt, hija tosserva li, filwaqt li d-dikjarazzjonijiet ta’ EKA jinkriminaw b’mod żbaljat lir-rikorrenti bħala li pparteċipa f’ħames laqgħat, il-Kummissjoni b’kawtela kienet naqset milli tinkludihom fid-deċiżjoni kkontestata. L-uniku riferiment għal ishma huwa element li jiskolpa lir-rikorrenti, peress li hija tindika li EKA u FC kienu ddeċidew li ma jżidux il-prezzijiet tagħhom fil-każ li r-rikorrenti, Arkema France u [KUNFIDENZJALI] ma jsegwuhomx.
56 Ir-rikorrenti titlob li l-inkoerenzi bejn id-dikjarazzjonjiet ta’ EKA tal-2003 u tal-2006 jippermettu li jkun hemm iktar dubju dwar l-eżattezza u l-valur probatorju tagħhom. Għalhekk, huma ma jistgħux jikkonvinċu lill-Qorti Ġenerali mingħajr dubju ragonevoli dwar it-twettiq ta’ ksur mir-rikorrenti. Minbarra dan, dawn id-dikjarazzjonijiet ma jagħmlu ebda rifermenti għal laqgħat jew konverżazzjonijiet telefoniċi mar-rikorrenti. Għaldaqstant, dawn huma insuffiċjenti sabiex jimputaw lir-rikorrenti bir-responsabbiltà ta’ ksur tal-Artikolu 81 KE.
57 Barra minn hekk u fir-raba’ lok, ir-rikorrenti ssostni l-Kummissjoni żbaljat meta stabbilixxiet, bħala data tat-tmiem tal-allegata parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju, id-9 ta’ Frar 2000. Fil-fatt, il-provi prodotti fid-deċiżjoni kkontestata juru unikament li r-rikorrenti assistiet għal-laqgħa uffiċjali tas-CEFIC tad-9 ta’ Frar 2000, ħaġa li hija ma tikkontestax. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ma pprovatx li r-rikorrenti kienet ipparteċipat f’laqgħa illeċita li seħħet fil-marġni tal-laqgħa tas-CEFIC tad-9 ta’ Frar 2000 (iktar ’il quddiem il-“laqgħa illeċita tad-9 ta’ Frar 2000”). Għalhekk, l-ewwel nett, ir-rikorrenti tqis li d-dikjarazzjoni ta’ S. (EKA) waqt il-laqgħa illeċita tad-9 ta’ Frar 2000, fir-rigward tar-rifjut ta’ EKA li tipparteċipa f’kull diskussjoni ġdida mal-kompetituri, ma tistabbilixxix suffiċjentement il-parteċipazzjoni proprja tagħha f’din il-laqgħa. It-tieni nett, hija ssostni, minn naħa, li la Arkema France u lanqas FC ma kienu rreferew għal tali dikjarazzjoni u, min-naħa l-oħra, li l-impjegat tagħha kien ikkonferma li ma kienx sema’ din id-dikjarazzjoni. It-tielet nett, id-diskussjonijiet tal-20, tal-21 u tal-24 ta’ Jannar 2000, li għalihom il-Kummissjoni tirreferi fil-premessa 283 tad-deċiżjoni kkontestata, ma jistgħux jitqiesu li huma prova tal-parteċipazzjoni tagħha għal-laqgħa illeċita tad-9 ta’ Frar 2000. Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti tosserva li jirriżulta mill-Anness I tad-deċiżjoni kkontestata li hija ma kinitx ġiet identifikata bħala li pparteċipat fil-laqgħa illeċita tad-9 ta’ Frar 2000 u li dan in-nuqqas ta’ identifikazzjoni ma jistax jirriżulta minn sempliċi żball ta’ kitba.
58 Bħala konklużjoni tal-ewwel parti tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-provi prodotti kontriha fid-deċiżjoni kkontestata ma humiex suffiċjentement preċiżi u konkordanti sabiex jistabbilixxu lil hinn minn kull dubju raġonevoli li hija pparteċipat fil-ksur inkwistjoni.
59 F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel nett, fir-rigward tal-prinċipju li fil-każ ta’ dubju jibbenefika l-akkużat, peress li jeżisti dubju f’dan il-każ fir-rigward tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur inkwistjoni, il-Kummissjoni għandha tastjeni milli takkużaha b’parteċipazzjoni f’dan il-ksur.
60 It-tieni nett, ir-rikorrenti tosserva li l-kompetenza li l-Kummissjoni għandha sabiex tikkonstata l-eżistenza ta’ ksur skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 81 KE hija llum imsaħħa. Huwa għalhekk li r-Regolament Nru 1/2003 jagħtiha setgħat ġodda u msaħħa. Minbarra dan, il-programmi ta’ klemenza ġodda jippermettulha tirċievi fil-preżent provi ddokumentati sostanzjali. Minbarra dan, il-progress teknoloġiku fil-qasam informatiku jippermetti lill-Kummissjoni twettaq riċerka elettronika sofistikata. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tosserva li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni ma qisietx neċessarju li tapprofondixxi l-investigazzjoni tagħha u, fid-dawl ta’ dan, li torganizza żjara fil-bini tagħha jew ta’ dawk ta’ kumpanniji oħra li huma destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata.
61 Ir-rikorrenti ssostni li, billi għamlet hekk, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Fir-rigward tal-kompetenzi msaħħa, il-Kummissjoni għandha l-obbligu li tosserva livell għoli ta’ kwalità tal-prova. F’dan il-każ, peress li ma ssodisfatx tali livell ta’ kwalità, il-Kummissjoni kellha, kif hija kellha tagħmel fir-rigward tal-produtturi ż-żgħar l-oħra li kienu fl-istess sitwazzjoni bħal dik tar-rikorrenti, tħalliha tibbenefika mid-dubju li kien jeżisti. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma kellha la takkużaha b’parteċipazzjoni fil-ksur inkwistjoni u lanqas timponi multa fuqha. F’kull każ, ir-rikorrenti tirrileva li, filwaqt li l-livell ta’ informazzjoni skambjata mit-tliet produtturi prinċipali rigward il-[KUNFIDENZJALI] kien jixbah dak tal-informazzjoni skambjata fir-rigward tar-rikorrenti, il-Kummissjoni ddeċidiet li tapplika multa unikament fir-rigward tagħha. Ir-rikorrenti tikkonkludi minn dan li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.
62 Il-Kummissjoni tikkontesta l-mertu tal-argumenti mressqa mir-rikorrenti.
63 Hija ssostni li l-provi li jidhru fid-deċiżjoni kkontestata juru li r-rikorrenti pparteċipat fil-ksur inkwistjoni. Hija tfakkar li dawn il-provi huma ta’ tliet tipi, jiġifieri, minn naħa, dikjarazzjonijiet ta’ membri tal-akkordju li jinkriminaw lir-rikorrenti, min-naħa l-oħra, diversi noti kurrenti tal-fatti meħuda minn S. (FC) u, fl-aħħar nett, l-ammissjoni tar-rikorrenti rigward il-parteċipazzjoni tagħha fil-laqgħa illeċita tat-28 ta’ Jannar 1998, ammissjoni li kienet sostnuta minn provi oħra relatati ma’ din il-laqgħa.
64 Fl-ewwel lok, fir-rigward tad-dikjarazzjonijiet ta’ membri tal-akkordju, il-Kummissjoni tosserva li huma saru ftit wara l-waqfien tal-akkordju u li huma kkaratterizzati minn livell għoli ta’ konkordanza bejniethom kif ukoll man-noti kontemporanji ta’ S. (FC). Hija żżid li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-kumpanniji li kienu talbu li jibbenefikaw mill-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni ma humiex neċessarjament inċentivati sabiex jipproduċu provi sabiex joħolqu distorsjoni fir-rigward tal-parteċipanti l-oħra għall-akkordju akkużat.
65 It-tieni nett, fir-rigward tan-noti kontemporanji ta’ S. (FC), il-Kummissjoni tikkontesta l-affermazzjoni tar-rikorrenti li, fir-rigward tal-premessa 349 tad-deċiżjoni kkontestata, kienu ntużaw tliet siltiet biss min-noti ta’ S. (FC) sabiex jakkużaw lir-rikorrenti, b’mod li, barra t-tliet siltiet li fuqhom ir-rikorrenti tiffoka, hija tibbaża ruħha diversi drabi fuq riferimenti oħra magħmula lir-rikorrenti fin-noti ta’ S. (FC) u, fid-dawl ta’ dan, tiċċita bħala eżempju l-premessi 150, 220, 229, 256, 305, 319 u 347 tad-deċiżjoni kkontestata. Il-Kummissjoni tosserva li, fl-istadju tar-replika, ir-rikorrenti sempliċement limitat il-kritika tagħha, rigward dawn il-provi dwar il-mertu, għas-silta tan-noti ta’ S. (FC) imsemmija fil-premessa 150, u dan filwaqt li qassritu u li ħarġitu mill-kuntest tiegħu. F’dak li jikkonċerna s-sitt premessi l-oħra, ir-rikorrenti tirrikonoxxi minn dan in-natura direttament akkużatorja, iżda tafferma li d-deċiżjoni kkontestata ma ssemmihiex fil-konstatazzjonijiet ta’ fatt li huma relatati mas-sena 1997. Din l-aħħar affermazzjoni hija żbaljata u l-Kummissjoni setgħet leġittimament tikkonkludi, fir-risposta tagħha, li kienu seħħew kuntatti telefoniċi regolari bejn ir-rikorrenti u l-membri tal-akkordju fl-1997.
66 Il-premessa 349 tad-deċiżjoni kkontestata tikkonfuta l-argumenti tar-rikorrenti intiżi li jsostnu l-assenza ta’ parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju u ma għandhiex tiġi konfuża mal-premessi, bħall-premessi 305 u 319, li fihom il-Kummissjoni żviluppat kompletament l-argumenti sfavorevoli tagħha fuq ir-rikorrenti. Minbarra dan, il-Kummissjoni kienet insistiet fuq dawn it-tliet riferimenti msemmija fil-premessa 349 peress li, minn naħa, dawn huma provi partikolarment konklużivi, u għalhekk essenzjali wkoll sabiex juru li r-rikorrenti kienet ipparteċipat fil-ksur inkwistjoni, jiġifieri ksur uniku u kontinwu u ta’ dimensjoni Ewropea, min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ma kinitx ikkontestat dawn id-dikjarazzjonijiet u fl-aħħar nett, dawn il-provi kontemporanji tal-fatti jinkriminaw b’mod partikolarment qawwi lir-rikorrenti, mingħajr madankollu ma huma l-uniċi provi prodotti mill-Kummissjoni.
67 Fit-tielet lok, fir-rigward tal-premessa 352 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tafferma li stabbilixxiet fiha distinzjoni bejn is-siltiet ta’ noti differenti ta’ S. (FC), skont il-valur probatorju tagħhom, b’mod partikolari sabiex jiġi ddeterminat it-tul tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur inkwistjoni. Issa, fl-imsemmija premessa 352, hija kienet indikat li, jekk hija kienet sempliċement għamlet riferimenti oħra lir-rikorrenti, bħal dawk imsemmija fil-premessa 349, hija kellha diffikultajiet sabiex turi b’mod konklużiv l-aġir kollużorju. Huwa għal din ir-raġuni li hija kienet iddeċidiet li ma tikkunsidrahomx sabiex tistabbilixxi t-tul tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fl-akkordju. Għaldaqstant, jekk dawn ir-riferimenti l-oħra li għamlulha ma jirriżultawx konklużivi minnhom infushom, huma jkunu tal-inqas parti minn sensiela ta’ koinċidenzi u ta’ indizji li fuqhom il-Kummissjoni kellha d-dritt tibbaża l-analiżi tagħha dwar il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fl-akkordju.
68 Fl-istadju tal-kontroreplika, dejjem fir-rigward tal-premessa 352 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ssostni li r-rikorrenti tinjora l-premessi 305 u 319 tad-deċiżjoni kkontestata, li jsemmu espressament is-siltiet l-oħra tan-noti ta’ S. (FC) bħala provi kontriha. Hija tagħmel riferiment ukoll għall-premessi 357 u 358 tad-deċiżjoni kkontestata, li jistabbilixxu li l-Kummissjoni tibbaża l-ilmenti tagħha kontra r-rikorrenti fuq in-noti ta’ S. (FC), ikkunsidrati flimkien, u ma tillimitax ruħha għat-tliet riferimenti msemmija fil-premessa 349 ta’ din id-deċiżjoni. Skont il-Kummissjoni, ma jirriżultax mill-ġurisprudenza li l-fatt li l-informazzjoni hija indirettament relatata jew li għandha portata sekondarja ma għandu ebda effett rigward il-possibbiltà li tużaha bħala prova. Il-provi kontemporanji tal-ksur ikkostitwiti min-noti ta’ S. (FC) huma koerenti meta pparagunati mal-provi tal-fajl li jakkużaw lir-rikorrenti u kienu fil-parti l-kbira ammessi mill-partijiet, inkluża r-rikorrenti.
69 Fl-aħħar nett, il-premessa 352 tad-deċiżjoni kkontestata ma fiha l-ebda wegħda ta’ bidla fit-tul tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur inkwistjoni, meta pparagunata ma’ dik ikkunsidrata fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Barra minn hekk, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tar-rikorrenti, il-provi użati fid-deċiżjoni kkontestata huma l-istess bħal dawk li jinsabu fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.
70 Fir-raba’ lok, il-Kummissjoni ssostni, l-ewwel nett, li d-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq provi ġenerali pprovduti minn EKA, Arkema France u FC, li juru b’mod kategoriku l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fl-akkordju u l-karatteristiċi ta’ dan l-akkordju.
71 Fit-tieni lok, il-Kummissjoni telenka ċertu numru ta’ provi speċifiċi li juru l-kuntatti bejn ir-rikorrenti u l-membri l-oħra tal-akkordju.
72 L-ewwel nett, jirriżulta min-noti ta’ S. (FC), rigward il-konverżazzjoni telefonika tagħha tas-16 ta’ Diċembru 1996 ma’ S. (EKA), li tal-ewwel kien, preċedentement, kellu konverżazzjoni mar-rikorrenti. Il-Kummissjoni tosserva li hija ma kinitx ikkontestat din il-prova fit-tweġiba tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Minbarra dan, hija tikkontesta l-argumenti preżentement imqajma mir-rikorrenti kontra din il-prova.
73 It-tieni nett, fir-rigward tal-provi relatati mas-sena 1997, il-Kummissjoni tqis li s-siltiet tan-noti kontemporanji ta’ S. (FC) tal-10 u tal-14 ta’ Jannar 1997, juru l-irritazzjoni tar-rikorrenti quddiem it-tentattivi ta’ FC li tiġbed lejha parti mis-suq l-iktar sinjifikattiv fi Spanja u fil-Portugall. Bl-istess mod, jirriżulta minn nota ta’ S. (FC) tal-14 ta’ Ottubru 1997, dwar il-laqgħa bilaterali tal-isess jum bejn EKA u FC, li seħħet f’Turku (il-Finlandja) (iktar ’il quddiem il-“laqgħa ta’ Turku tal-14 ta’ Ottubru 1997”), li FC u EKA ltaqgħu ma’ diffikultajiet sabiex ifehmu, b’mod partikolari lir-rikorrenti, li ħtieġet żieda fil-prezzijiet ta’ 1.5 % sabiex tiġi kkumpensata l-inflazzjoni. Dejjem fir-rigward ta’ din il-laqgħa ta’ Turku tal-14 ta’ Ottubru 1997, minn dikjarazzjoni ta’ EKA jirriżulta li, quddiem iż-żieda fil-bejgħ ta’ FC fi Spanja, kienu jeżistu riskji ta’ ritaljazzjonijiet mill-produtturi Spanjoli u li EKA u FC kienu ftehmu li ma jżidux il-prezzijiet tagħhom fil-każ fejn, b’mod partikolari, ir-rikorrenti ma ssegwihomx.
74 Fit-tielet lok, fir-rigward tal-laqgħa illeċita tat-28 ta’ Jannar 1998, il-Kummissjoni tfakkar li r-rikorrenti ammettiet li assistiet għal din il-laqgħa. In-noti ta’ S. (FC) juru li l-partijiet iddiskutew is-swieq tal-klorat tas-sodju f’diversi pajjiżi kif ukol l-ishma tas-suq u prezzijiet. Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni, fl-atti tagħha, sostniet li ebda element mill-fajl ma kien iħalli wieħed jaħseb li l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti għal din il-laqgħa kienet tikkostitwixxi element ġdid jew eċċezzjonali. Madankollu, fit-tieni lok, il-Kummissjoni, fl-osservazzjonijiet tagħha dwar ir-rapport tas-seduta, espressament irrikonoxxiet li din il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti ma wrietx li hija kienet ipparteċipat f’din il-laqgħa b’perspettiva differenti minn dik tal-membri l-oħra tal-akkordju u li hija kienet pubblikament żammet ’il bogħod. L-allegazzjoni tar-rikorrenti rigward in-natura informali tal-laqgħa hija kkontradetta, minn parti, mill-fatt li din kienet ġiet ippjanata diversi ġimgħat bil-quddiem u, min-naħa l-oħra, min-noti ddettaljati ta’ S. (FC). Kuntrarjament għal dak li kienet fehmet b’mod żbaljat ir-rikorrenti, jirriżulta mill-premessa 183 tad-deċiżjoni kkontestata li l-partijiet iddiskutew b’mod eżawrjenti (u mhux b’mod esklużiv) lill-Belġju, lil Spanja, lil Franza u lill-Portugall. Min-noti ta’ S. (FC) ma jirriżultax li l-kapijiet tal-akkordju kienu talbu lir-rikorrenti titlaq. Bil-kontra, in-noti ta’ S. (FC) juru li l-eżami tas-suq Spanjol, Franċiż u Portugiż kien inkluda diskussjonijiet rigward swieq oħra matul il-parti l-kbira tal-laqgħa, minkejja li huwa probabbli li r-rikorrenti kienet preżenti matul il-laqgħa kollha. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tafferma li l-Anness I tad-deċiżjoni kkontestata huwa bilfors limitat għall-kuntatti li hija kienet taf id-data vera tagħhom, b’mod li kienu jeżistu kuntatti oħra, sostnuti minn provi, iżda mingħajr riferiment għal data preċiża, li jimplikaw lir-rikorrenti.
75 Fir-raba’ lok, f’Ottubru u Novembru 1998, L. (Arkema France) u S. (FC) kienu ltaqgħu u tkellmu diversi drabi bit-telefon dwar il-parti tas-suq tar-rikorrenti fil-Portugall.
76 Fil-ħames lok, fir-rigward tal-kuntatt telefoniku tal-4 ta’ Diċembru 1998 bejn S. (FC) u S, (EKA), il-Kummissjoni tikkunsidra li r-rikorrenti ma tispjegax kif tali kuntatti setgħu seħħew fil-kuntest normali tan-negozju u li, barra minn hekk, hija tammetti li kienet intalbet li ma tnaqqasx il-prezzijiet tagħha, ħaġa li tikkostitwixxi talba antikompetittiva, li r-rikorrenti kienet aċċettat. Kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti, ma jirriżultax mid-dikjarazzjoni ta’ L. (Arkema France) li r-rikorrenti kienet ħarġet mill-akkordju fi tmiem l-ewwel perijodu mix-xahar ta’ Ottubru 1994 sa nofs is-sena 1998, u dan fir-rigward ta’ allegat tieni perijodu minn nofs l-1998 sax-xahar ta’ Mejju 2000, iktar u iktar meta din l-interpretazzjoni hija invalidata minn provi abbundanti.
77 Fis-sitt lok, il-Kummissjoni tosserva li r-rikorrenti sempliċement issemmi t-tnaqqis fil-prezz fil-Portugall fl-1999 u fl-2000, filwaqt li naqset milli tippreċiża li dawn il-prezzijiet kienu żdiedu mill-1993 sal-1997 u nżammu fl-1998. Hija żżid li r-roħs fil-prezz fl-1999 jista’ jiġi spjegat minn gwerra fil-prezzijiet li seħħet fil-Portugall wara kunflitt fir-rigward ta’ klijent. Mill-ġdid, minkejja d-dgħufija tal-akkordju fl-1999, hija kienet baqgħet attiva u, hekk kif jirriżulta min-noti ta’ S. (FC) rigward il-konverżazzjonijiet telefoniċi tas-16 ta’ Ġunju u tas-6, 9 u 22 ta’ Diċembru 1999 ma’ L. (Arkema France), ir-rikorrenti kienet kompliet tipparteċipa fih. Dawn it-tliet noti jirrigwardaw l-eżistenza ta’ kuntatt dirett mar-rikorrenti u, kuntrarjament għal dak li tallega, xejn ma jindika li hija ma kkooperatx, b’mod li l-membri l-oħra kienu ppruvaw iġegħluha tikkonforma ruħha magħhom.
78 Fis-seba’ lok, il-Kummissjoni żżid li jirriżulta min-noti ta’ S. (FC), fir-rigward tad-diskussjoni telefonika tagħha tat-22 ta’ Diċembru 1999 ma’ L. (Arkema France), li r-rikorrenti pparteċipat ukoll f’kuntatti illeċiti mal-kompetituri tagħha fi tmiem ix-xahar ta’ Diċembru 1999. Bl-istess mod, dawn in-noti fir-rigward tal-konverżazzjonijiet telefoniċi li seħħew fix-xahar ta’ Jannar 2000, kif imqassra fid-deċiżjoni kkontestata, juru li l-membri tal-akkordju komplew jikkoordinaw il-pożizzjonijiet tagħhom.
79 Fl-aħħar nett, fit-tmien lok, il-Kummissjoni tippreċiża li l-fatt li r-rikorrenti ma hijiex iċċitata, fl-Anness I tad-deċiżjoni kkontestata, fost il-parteċipanti għal-laqgħa illeċita tad-9 ta’ Frar 2000 jirriżulta minn żball ta’ kitba, peress li, fil-premessi 283 u 488 tad-deċiżjoni kkontestata, hija kkonkludiet li kien hemm il-preżenza tar-rikorrenti f’din il-laqgħa. Ftit jimporta li r-rikorrenti ma semgħetx dikjarazzjoni ta’ EKA, fil-marġni tal-laqgħa uffiċjali tas-CEFIC, fir-rigward tar-rifjut tagħha li tipparteċipa f’kull diskussjoni ġdida mal-kompetituri tagħha, peress li l-akkordju kien intemm f’din id-data. Barra minn hekk, il-fatt li hija tindika li ma semgħetx din id-dikjarazzjoni jikkostitwixxi indizju serju tal-parteċipazzjoni tagħha għal-laqgħa illeċita tad-9 ta’ Frar 2000.
80 Sussegwentement, il-Kummissjoni tikkontesta l-mertu tal-argumenti żviluppati mir-rikorrenti fir-rigward tad-dikjarazzjonijiet orali ta’ EKA.
81 L-ewwel nett, fil-premessa 319 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kienet irriferiet, globalment, għad-dikjarazzjonijiet ta’ EKA tal-2003 u mhux għat-tliet siltiet ikkwotati mir-rikorrenti fir-rikors tagħha, skont l-interessi tagħha.
82 Fir-rigward tal-ewwel silta kkunsidrata mir-rikorrenti, li tirrigwarda s-suq Spanjol, l-aġir deskritt bħala li jista’ jiġi adottat mir-rikorrenti fis-suq Franċiż, fil-każ ta’ telf ta’ ishma mis-suq fi Spanja, ma jikkorrispondix mal-aġir normali fis-suq, iżda jikkostitwixxi theddida fil-kuntest tal-ftehim kollużorji, li ma jippreżupponix manifestament ftehim ġenerali fuq l-ishma tas-suq. Minbarra dan, il-Kummissjoni tfakkar li, skont il-ġurisprudenza, minn naħa, il-fatt li impriża ma osservatx, puntwalment, dak li nftiehem fil-kuntest tal-akkordju ma huwiex ta’ natura li jeżoneraha mir-responsabbiltà tagħha fin-nuqqas ta’ distakkament pubbliku min-naħa tagħha rigward il-ftehim u, min-naħa l-oħra, li hija setgħet intenzjonalment tqarraq lill-membri l-oħra mill-akkordju ma jiskolpahiex madankollu mit-twettiq ta’ ksur.
83 Fir-rigward tat-tieni silta li tagħmel riferiment għaliha l-Kummissjoni, li tirrigwarda s-suq Franċiż, huwa żbaljat li hija ssostni li d-dikjarazzjoni ta’ EKA hija bbażata fuq xniegħa mxerrda minnha. Fil-fatt, is-silta kkunsidrata, meħuda fl-intier tagħha, turi li EKA kienet taf bl-eżistenza ta’ arranġament bilaterali separat fis-suq Franċiż.
84 Fir-rigward tat-tielet silta li tagħmel riferiment għaliha l-Kummissjoni, li tirrigwarda s-suq Portugiż, din ma hijiex imsemmija fid-deċiżjoni kkontestata u ma takkużax u lanqas ma tiskolpa lir-rikorrenti.
85 It-tieni nett, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, id-dikjarazzjonijiet ta’ EKA tal-2006 ma jbiddlux dawk tal-2003. L-għan tal-ewwel dikjarazzjonijiet kien li jiġu kkonfermati fid-dettall ċerti dikjarazzjonijiet preċedenti. Huma jaqblu kollha ma’ dawk tal-2003, li pprovdew informazzjoni iktar wiesgħa. Il-Kummissjoni tikkonstata li mid-dikjarazzjonijiet ta’ EKA tal-2003 jirriżulta li din tal-aħħar kienet semmiet mill-ġdid lir-rikorrenti fost il-partijiet fl-akkordju, iddeskriviet fid-dettall kif dawn il-partijiet kienu ffissaw il-miri ta’ prezz u qasmu s-suq, u ħalliet x’jinftiehem li r-rikorrenti pparteċipat fih sew qabel id-data ta’ bidu tal-parteċipazzjoni tagħha stabbilita fid-deċiżjoni kkontestata u li hija kienet ikkonfermat li r-rikorrenti ħadet miżuri ta’ ritaljazzjoni fis-suq Franċiż bħala tweġiba għall-aġir ta’ FC. Id-dikjarazzjonijiet ta’ EKA tal-2006 ma kienx fihom element li seta’ jiskolpa lir-rikorrenti.
86 Fir-raba’ lok, il-Kummissjoni tikkontesta li, billi ssanzjonat lir-rikorrenti, hija kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Fil-fatt, ir-rikorrenti ma kinitx tinsab f’sitwazzjoni paragunabbli ma’ dik ta’ produtturi żgħar oħra tal-klorat tas-sodju. B’mod partikolari, minn naħa, hija kienet irrikonoxxiet il-parteċipazzjoni tagħha f’laqgħa tal-akkordju u, min-naħa l-oħra, kuntrarjament għall-produtturi żgħar oħra, il-membri l-oħra tal-akkordju kienu identifikawha bħala membru tal-akkordju u, fl-aħħar nett, in-noti kontemporanji tal-ksur ta’ S. (FC) kienu ta’ prova kontriha, li ma huwiex il-każ tal-impriżi żgħar l-oħrajn. F’kull każ, mill-ġurisprudenza jirriżulta li ċ-ċirkustanza li operatur isib ruħu f’sitwazzjoni paragunabbli ma’ dik ta’ rikorrenti, iżda li ma ġie suġġett għal ebda konstatazzjoni ta’ ksur min-naħa tal-Kummissjoni, ma tippermettix li tiġi skartata l-konstatazzjoni tal-parteċipazzjoni ta’ din ir-rikorrenti bil-ksur li bih hija akkużatha, sakemm dan il-ksur ikun stabbilit korrettament.
87 Il-Kummissjoni tqis li s-serje ta’ indizji invokati għalhekk tippermetti li jintwera li r-rikorrenti pparteċipat fil-ksur inkwistjoni u li għalhekk hemm lok li l-ewwel parti tal-ewwel motiv tiġi miċħuda.
b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
88 Mill-atti tal-partijiet jirriżulta li huma jikkontestaw, minn naħa, l-identifikazzjoni tal-provi meqjusa mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata sabiex turi l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, il-valur probatorju ta’ dawn il-provi sabiex tiġi konkluża din il-parteċipazzjoni.
89 L-ewwel nett, għandhom jiġu eżaminati ċerti kunsiderazzjonijiet ġenerali dwar il-prova, it-tieni nett, li jiġu identifikati l-provi meqjusa fid-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur inkwistjoni, it-tielet nett, li jiġi evalwat il-valur probatorju u, ir-raba’ nett, fuq il-bażi ta’ din l-aħħar evalwazzjoni, li tingħata deċiżjoni dwar in-natura preċiża u konkordanti tas-serje ta’ indizji invokati mill-Kummissjoni sabiex turi l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur inkwistjoni.
Kunsiderazzjonijiet ġenerali relatati mal-prova
90 F’dak li jikkonċerna l-amministrazzjoni tal-prova ta’ ksur tal-Artikolu 81(1) KE, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni għandha tipproduċi l-prova tal-ksur li hija tkun ikkonstatat u għandha tistabbilixxi l-provi li huma kapaċi juru, suffiċjentement għall-finijiet tal-liġi, l-eżistenza tal-fatti li jikkostitwixxu ksur (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs Il‑Kummissjoni, C‑185/95 P, Ġabra p. I‑8417, punt 58, u tat-8 ta’ Lulju 1999, Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, C‑49/92 P, Ġabra p. I‑4125, punt 86).
91 Sussegwentement, fil-kuntest ta’ rikors għal annullament ippreżentat skont l-Artikolu 230 KE, ma hijiex il-qorti tal-Unjoni li għandha tistħarreġ il-legalità tal-att ikkontestat (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 2004, JFE Engineering et vs Il‑Kummissjoni, T‑67/00, T‑68/00, T‑71/00 u T‑78/00, Ġabra p. II‑2501, punt 174).
92 Għalhekk, ir-rwol tal-qorti li quddiemha jiġi ppreżentat rikors għal annullament kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata l-eżistenza ta’ ksur għar-regoli tal-kompetizzjoni u li timponi multi fuq id-destinatarji jikkonsisti li jiġi evalwat jekk il-provi u elementi oħra invokati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni tagħha humiex suffiċjenti sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza tal-ksur ikkontestat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ April 1999, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il‑Kummissjoni, imsejħa “PVC II”, T‑305/94 sa T307/94, T‑313/94 sa T‑316/94, T‑318/94, T‑325/94, T‑328/94, T‑329/94 u T‑335/94, Ġabra p. II‑931, punt 891).
93 Barra minn hekk, l-eżistenza ta’ dubju f’moħħ il-qorti għandha tkun favur l-impriża destinatarja tad-deċiżjoni li tikkonstata ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Frar 1978, United Brands u United Brands Continentaal vs Il-Kummissjoni, 27/76, Ġabra p. 207, punt 265). Għaldaqstant, il-qorti ma tistax tikkonkludi li l-Kummissjoni stabbilixxiet l-eżistenza tal-ksur inkwistjoni skont id-dritt jekk ikun għad hemm dubju fuq il-kwistjoni, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ rikors intiż għall-annullament ta’ deċiżjoni li timponi multa (sentenza tal-Qorti Ġenerali JFE Engineering et vs Il‑Kummissjoni, punt 91 iktar ’il fuq, punt 177).
94 Fil-fatt, f’din l-aħħar sitwazzjoni, huwa neċessarju li tiġi kkunsidrata l-preżunzjoni ta’ innoċenza, hekk kif tirriżulta b’mod partikolari mill-Artikolu 6(2) tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, li tagħmel parti mid-drittijiet fundamentali li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, barra minn hekk ikkonfermata mill-preambolu tal-Att Uniku Ewropew u mill-Artikolu 6(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea kif ukoll mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, ipproklamata fis-7 ta’ Diċembru 2000 f’Nice (ĠU C 364, p. 1), huma protetti fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Fir-rigward tan-natura tal-ksur inkwistjoni kif ukoll tan-natura u tal-livell ta’ ħruxija tas-sanzjonijiet marbuta miegħu, il-preżunzjoni ta’ innoċenza tapplika b’mod partikolari għall-proċeduri dwar il-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni applikabbli għall-impriżi li jistgħu jwasslu sabiex jiġu imposti multi jew pagamenti ta’ penalità (ara, f’dan is-sens, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenzi Öztürk tal-21 ta’ Frar 1984, serje A Nru 73 u Lutz tal-25 ta’ Awwissu 1987, serje A Nru 123-A; sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Lulju 1999, Hüls vs Il‑Kummissjoni, C‑1999/92 P, Ġabra I-4287 punti 149 u 150, u Montecatini vs Il‑Kummissjoni, C‑235/92 P, Ġabra p. I‑4539, punti 175 u 176).
95 Għalhekk, huwa neċessarju li l-Kummissjoni tipproduċi provi preċiżi u konkordanti sabiex tistabbilixxi l-konvinzjoni soda tagħha li twettaq ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Marzu 1984, Compagnie royale asturienne des mines u Rheinzink vs Il-Kummissjoni, 29/83 u 30/83, Ġabra p. 1679, punt 20, u tal-31 ta’ Marzu 1993, Ahlström Osakeyhtiö et vs Il‑Kummissjoni, C‑89/85, C‑104/85, C‑114/85, C‑116/85, C‑117/85 u C‑125/85 sa C‑129/85, Ġabra p. I‑1307, punt 127; sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-10 ta’ Marzu 1992, SIV et vs Il‑Kummissjoni, T‑68/89, T‑77/89 u T‑78/89, Ġabra p. II‑1403, punti 193 sa 195, 198 sa 202, 205 sa 210, 220 sa 232, 249, 250 u 322 sa 328, u tas-6 ta’ Lulju 2000, Volkswagen vs Il‑Kummissjoni, T‑62/98, Ġabra p. II‑2707, punti 43 u 72).
96 Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li kull prova prodotta mill-Kummissjoni ma għandhiex neċessarjament tissodisfa dawn il-kriterji fir-rigward ta’ kull element tal-ksur. Huwa suffiċjenti li s-serje ta’ indizji invokati mill-istituzzjoni, evalwati globalment, twieġeb għal dan ir-rekwiżit (ara, f’dan is-sens, is-sentenza PVC II, punt 92 iktar ’il fuq, punti 768 sa 778, b’mod partikolari l-punt 777, ikkonfermata fuq din il-kwistjoni preċiża mill-Qorti tal-Ġustizzja, fl-appell, fis-sentenza tagħha tal-15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il‑Kummissjoni, C‑238/99 P, C‑244/99 P, C‑245/99 P, C‑247/99 P, C‑250/99 P sa C‑252/99 P u C‑254/99 P, Ġabra p. I‑8375, punti 513 sa 523).
97 Minbarra dan, meta tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura notorja tal-projbizzjoni tal-ftehim antikompetittivi, ma jistax jiġi meħtieġ li l-Kummissjoni tipproduċi dokumenti li juru b’mod espliċitu li sar kuntatt bejn l-operaturi kkonċernati. L-elementi frammentarji u mifruxa li tista’ tiddisponi minnhom il-Kummissjoni għandhom, f’kull każ, ikunu jistgħu jiġu kkompletati minn deduzzjonijiet li jippermettu r-rikostruzzjoni taċ-ċirkustanzi rilevanti. L-eżistenza ta’ prattika jew ta’ ftehim antikompetittiv tista’ għalhekk tiġi dedotta minn ċertu numru ta’ koinċidenzi u indizji li, meta kkunsidrati f’daqqa, jistgħu jikkostitwixxu, fl-assenza ta’ spjegazzjoni koerenti oħra, il-prova ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, Ġabra p. I‑123, punti 55 sa 57, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Settembru 2006, Dresdner Bank et vs Il‑Kummissjoni, T‑44/02 OP, T‑54/02 OP, T‑56/02 OP, T‑60/02 OP u T‑61/02 OP, Ġabra p. II‑3567, punti 64 u 65).
98 Fir-rigward tal-mezzi ta’ prova li jistgħu jiġu invokati sabiex jiġi stabbilit ksur tal-Artikolu 81(1) u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE, il-prinċipju li jipprevali fid-dritt tal-Unjoni huwa dak ta’ amministrazzjoni libera tal-provi (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 2004, Dalmine vs Il‑Kummissjoni, T‑50/00, Ġabra p. II‑2395, punt 72).
99 Konsegwentement, l-eventwali assenza ta’ provi dokumentati hija rilevanti biss fil-kuntest tal-evalwazzjoni globali tal-valur probatorju tas-serje ta’ indizji ppreżentati mill-Kummissjoni. Min-naħa l-oħra, dan waħdu ma jkollux bħala konsegwenza li l-impriża kkonċernata tista’ validament tikkontesta l-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni billi tippreżenta spjegazzjoni barra l-fatti tal-każ. Dan ikun il-każ biss meta l-provi prodotti mill-Kummissjoni ma jippermettux li tiġi stabbilita l-eżistenza tal-ksur mingħajr ekwivoku u mingħajr ma tkun neċessarja interpretazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Settembru 2007, Coat Holdings u Coats vs Il‑Kummissjoni, T‑36/05, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 74).
100 Barra minn hekk, ebda dispożizzjoni u ebda prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni ma jipprojbixxi lill-Kummissjoni milli tibbaża ruħha, kontra impriża, fuq dikjarazzjonijiet ta’ impriżi oħra akkużati. Jekk dan ma kienx ikun il-każ, l-oneru tal-prova ta’ aġir li jikser l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 KE tal-Ftehim ŻEE, li jaqa’ fuq il-Kummissjoni, ikun insostenibbli u inkompatibbli mal-missjoni tagħha ta’ sorveljanza tal-applikazzjoni tajba ta’ dawn id-dispożizzjonijiet (ara, b’analoġija, is-sentenza JFE Engineering et vs Il‑Kummissjoni, punt 91 iktar ’il fuq, punt 192).
101 Madankollu, id-dikjarazzjoni ta’ impriża akkużata li pparteċipat f’akkordju, li l-eżattezza tagħha tiġi kkontestata minn diversi impriżi akkużati oħra, ma tistax titqies li tikkostitwixxi prova suffiċjenti tal-eżistenza ta’ ksur imwettaq minn dawn tal-aħħar mingħajr ma tkun sostnuta minn provi oħra, peress li l-livell ta’ korroborazzjoni meħtieġ jista’ jkun inqas, minħabba l-affidabbiltà tad-dikjarazzjonijiet inkwistjoni (sentenza JFE Engineering et vs Il‑Kummissjoni, punt 91 iktar ’il fuq, punti 219 u 220).
102 Fir-rigward tal-valur probatorju tal-provi differenti, l-uniku kriterju rilevanti sabiex jiġu evalwati l-provi prodotti jinsab fil-kredibbiltà tagħhom (sentenza Dalmine vs Il‑Kummissjoni, punt 98 iktar ’il fuq, punt 72).
103 Skont ir-regoli ġenerali fil-qasam tal-prova, il-kredibbiltà u, għaldaqstant, il-valur probatorju ta’ dokument jiddependi mill-oiġini tiegħu, iċ-ċirkustanzi tat-tfassil tiegħu, id-destinatarju tiegħu u n-natura raġonevoli u affidabbli tal-kontenut tiegħu (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Marzu 2000, Cimenteries CBR et vs Il‑Kummissjoni, T‑25/95, T‑26/95, T‑30/95 sa T‑32/95, T‑34/95 sa T‑39/95, T‑42/95 sa T‑46/95, T‑48/95, T‑50/95 sa T‑65/95, T‑68/95 sa T‑71/95, T‑87/95, T‑88/95, T‑103/95 u T‑104/95, Ġabra p. II‑491, punti 1053 u 1838).
104 Fir-rigward tad-dikjarazzjonijiet, jista’ jiġi rrikonoxxut valur probatorju partikolarment għoli, barra minn hekk, lil dawk li, l-ewwel nett, huma affidabbli, it-tieni nett, isiru f’isem impriża, it-tielet nett, joriġinaw minn persuna li għandha responsabbiltà professjonali li taġixxi f’isem din l-impriża, ir-raba’ nett, imorru kontra l-interessi tad-dikjarant, il-ħames nett, joriġinaw minn xhud dirett taċ-ċirkustanzi li huma jirrapurtaw u, is-sitt nett, ikunu ġew ipprovduti bil-miktub, b’mod intenzjonali u wara riflessjoni bir-reqqa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza JFE Engineering et vs Il‑Kummissjoni, punt 91 iktar ’il fuq, punti 205 sa 210).
105 Minbarra dan, minkejja li hija ġeneralment applikata ċerta kawtela fir-rigward ta’ depożizzjonijiet volontarji tal-parteċipanti prinċipali f’akkordju illegali, minħabba l-possibbiltà, f’dan il-każ, li dawn il-parteċipanti jkollhom tendenza li jċekknu l-importanza tal-kontribuzzjoni tagħhom fil-ksur u li jkabbru dik tal-oħrajn, xorta jibqa’ l-fatt li t-talba għal benefiċċju taħt l-applikazzjoni tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni sabiex tinkiseb immunità jew tnaqqis mill-multa ma toħloqx neċessarjament inċentivazzjoni sabiex jiġu prodotti provi distorti f’dak li jikkonċerna l-parteċipazzjoni tal-membri l-oħra fl-akkordju inkwistjoni. Fil-fatt, kull tentattiv magħmul biex il-Kummissjoni taqa’ fi żball jista’ jqajjem dubji dwar is-sinċerità kif ukoll il-kompletezza tal-kooperazzjoni tal-applikant u, għaldaqstant, jipperikola l-possibbiltà tiegħu li jibbenefika kompletament mill-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta’ Novembru 2006, Peróxidos Orgánicos vs Il‑Kummissjoni, T‑120/04, Ġabra p. II‑4441, punt 70).
106 Għandu wkoll jiġi osservat, f’dan ir-rigward, li l-konsegwenzi potenzjali tal-komunikazzjoni lill-Kummissjoni ta’ provi distorti huma għaldaqstant iktar gravi peress li d-dikjarazzjoni kkontestata ta’ impriża għandha tkun sostnuta minn provi oħra, hekk kif jirriżulta mill-punt 101 iktar ’il fuq. Fil-fatt, din iċ-ċirkustanza żżid ir-riskju li dikjarazzjonijiet ineżatti jiġu identifikati, kemm mill-Kummissjoni kif ukoll mill-impriżi l-oħra akkużati li pparteċipaw fil-ksur.
107 Il-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq hija applikabbli, b’analoġija, għall-Artikolu 53(1) tal-Ftehim ŻEE.
Provi meqjusa fid-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur inkwistjoni
– Osservazzjonijiet preliminari
108 Fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 92 iktar ’il fuq, hemm lok li jiġi kkunsidrat li, sa fejn hija l-Qorti Ġenerali li għandha tevalwa jekk il-provi jew l-elementi oħra invokati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata humiex sodisfaċenti sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur ikkontestat lir-rikorrenti, hija għandha, wara eżami ddettaljat tal-motivi tad-deċiżjoni kkontestata, tidentifika l-provi meqjusa mill-Kummissjoni sabiex turi l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur inkwistjoni.
109 Fid-dawl ta’ dan, għandu jitfakkar li l-proċedura amministrattiva prevista bir-Regolament Nru 1/2003, li tiżvolġi quddiem il-Kummissjoni, tinqasam f’żewġ fażijiet distinti u suċċessivi, li kull waħda minnhom għandha loġika interna tagħha, jiġifieri fażi ta’ investigazzjoni preliminari, minn naħa, u fażi kontenzjuża, min-naħa l-oħra. Il-fażi ta’ investigazzjoni preliminari, li matulha l-Kummissjoni tuża s-setgħat ta’ investigazzjoni previsti bir-Regolament Nru 1/2003, u li tasal sad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, hija intiża li tippermetti lill-Kummissjoni li tiġbor l-elementi rilevanti kollha li jikkonfermaw jew le l-eżistenza ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni u tieħu pożizzjoni inizjali fuq l-orjentament tal-proċedura kif ukoll fuq kif għandha tipproċedi. Min-naħa l-oħra, il-fażi kontenzjuża, li tibda mid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet sal-adozzjoni tad-deċiżjoni finali, għandha tippermetti lill-Kummissjoni tiddeċiedi b’mod definttiv fuq il-ksur ikkontestat (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il‑Kummissjoni, punt 96 iktar ’il fuq, punt 183, u tal-21 ta’ Settembru 2006, Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied vs Il‑Kummissjoni, C‑105/04 P, Ġabra p. I‑8725, punt 38).
110 Jirriżulta mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 109 iktar ’il fuq li r-riċerka, għall-finijiet tal-identifikazzjoni mill-Qorti Ġenerali tal-provi, tista’ tirrigwarda biss il-parti tar-raġunijiet tad-deċiżjoni kkontestata li fiha l-Kummissjoni tiddeskrivi l-fażi kontenzjuża tal-proċedura amministrattiva. Fil-fatt, huwa biss wara li tkun irċeviet, fil-kuntest ta’ din l-aħħar fażi, l-osservazzjonijiet tar-rikorrenti fuq l-ewwel pożizzjoni mibdija mill-Kummissjoni fi tmiem fażi ta’ investigazzjoni preliminari, kif imniżżla fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li l-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li żżomm jew le din l-ewwel pożizzjoni u għalhekk li tagħti deċiżjoni definittiva fuq il-ksur ikkontestat.
111 Fid-dawl ta’ dan, f’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-punt 5.4.1.1 tad-deċiżjoni kkontestata, intitolat “Evalwazzjoni u konklużjoni tal-Kummissjoni” (premessi 347 sa 360 tad-deċiżjoni kkontestata), fejn is-suddiviżjoni 5.3.2 tiegħu jirrigwarda n-natura tal-ksur, huwa segwit mill-parti 5.4, dwar l-“[a]rgumenti ppreżentati mill-partijiet bħala tweġiba għall-fatti u għall-evalwazzjoni tal-Kummissjoni esposti fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet”. Il-parti 5.4 fiha suddiviżjoni 5.4.1 li tesponi sommarjament l-“[a]rgumenti mressqa minn [ir-rikorrenti]”. Din l-aħħar suddiviżjoni fiha hija stess punt wieħed, jiġifieri l-punt 5.4.1.1, intitolat “Evalwazzjoni u konklużjoni tal-Kummissjoni”. Dan il-punt ma huwiex segwit minn punt 5.4.1.2, iżda direttament mis-suddiviżjoni 5.4.2, bit-titolu “Argumenti mressqa minn Uralita”.
112 Konsegwentement, l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni li jinsabu fil-punt 5.4.1.1 jirrigwardaw esklużivament l-osservazzjonijiet tar-rikorrenti bħala tweġiba għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Minbarra dan, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-konklużjonijiet ibbażati fuq il-punt 5.4.1.1 jikkostitwixxu, fi tmiem il-fażi kontenzjuża tal-proċedura amministrattiva, il-konklużjonijiet finali tal-Kummissjoni fir-rigward tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur inkwistjoni.
113 Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet preċedenti kif ukoll mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 109 iktar ’il fuq jirriżulta li kull riferiment, anki indirett, fil-punt 5.4.1.1, għal kunsiderazzjonijiet tad-deċiżjoni li jippreċedu dawk li jinsabu f’dan il-punt, jiġifieri l-premessi 347 sa 360, jista’ jippermetti lill-Kummissjoni tieħu, f’dan l-istadju tal-espożizzjoni tar-raġunijiet fid-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri dik tal-fażi kontenzjuża, provi prodotti preċedentement f’din id-deċiżjoni. Min-naħa l-oħra, fin-nuqqas ta’ kull riferiment dirett jew indirett, fil-punt 5.4.1.1, għal provi msemmija fi premessi oħra barra dawk li jinsabu fih, għandu jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni, fi tmiem il-fażi kontenzjuża li hija applikat dwar il-fatti li jistgħu jiġu attribwiti lir-rikorrenti, fl-aħħar iddeċidiet li ma tqishomx fil-kuntest tad-dimostrazzjoni tal-parteċipazzjoni fil-ksur inkwistjoni. Fl-aħħar nett, meta, wara li tkun irċeviet l-osservazzjonijiet ta’ impriża fuq id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni, fl-evalwazzjoni tal-provi li hija kellha fi tmiem il-fażi ta’ investigazzjoni preliminari sabiex tagħti deċiżjoni dwar il-parteċipazzjoni ta’ din l-impriża fil-ksur, tqajjem dubju hija stess fuq il-valur probatorju ta’ dawn il-provi, il-Qorti Ġenerali jkollha tieħu inkunsiderazzjoni din l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni.
114 Huwa fid-dawl ta’ dawn l-osservazzjonijiet preliminari li hemm lok li jiġu identifikati l-elementi li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni ddeċidiet, fi tmiem il-proċedura kontenzjuża, li tqis sabiex turi li r-rikorrenti kienet ipparteċipat fil-ksur inkwistjoni u li, għaldaqstant, jinsabu fis-serje ta’ indizji invokati mill-Kummissjoni.
115 F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-partijiet jaqblu fuq il-fatt li, fid-deċiżjoni kkontestata, is-serje ta’ indizji invokati mill-Kummissjoni sabiex turi l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur inkwistjoni huma bbażati fuq tliet tipi ta’ prova, jiġifieri
– l-ammissjoni tar-rikorrenti fir-rigward tal-parteċipazzjoni tagħha fil-laqgħa illeċita tat-28 ta’ Jannar 1998;
– in-noti ta’ S. (FC); u
– id-dikjarazzjonijiet ta’ membri oħra tal-akkordju.
116 Min-naħa l-oħra, il-partijiet jikkontestaw, fid-dawl b’mod partikolari tal-kliem tal-premessa 352 tad-deċiżjoni kkontestata, il-valur probatorju ta’ dawn il-provi sabiex jiġi evalwat jekk ir-rikorrenti pparteċipatx fil-ksur inkwistjoni.
– Provi inizjalment meqjusa mill-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, fl-istadju tal-fażi preliminari tal-proċedura amministrattiva
117 Minn eżami ddettaljat tar-raġunijiet tad-deċiżjoni kkontestata li jinsabu fil-parti 4.3, iddedikata għall-istorja tal-akkordju, sa fejn hija tirrigwarda l-perijodu tal-parteċipazzjoni allegata tar-rikorrenti fil-ksur inkwistjoni, jiġifieri s-16 ta’ Diċembru 1996 sad-9 ta’ Frar 2000, jirriżulta li l-isem tar-rikorrenti, jew dak ta’ membru tal-persunal tagħha, huwa identifikat b’mod dirett jew indirett fir-rigward ta’ wieħed u għoxrin avveniment irrapurtat mill-Kummissjoni (iktar ’il quddiem il-“21 avveniment”).
118 Fid-dawl tal-avvenimenti fformulati fil-punt 110 iktar ’il fuq, għandu jiġi eżaminat liema minn dawn il-21 avveniment il-Kummissjoni, fil-punt 5.4.1.1, iddeċidiet li tikkunsidra, fi tmiem il-fażi kontenzjuża tal-proċedura amministrattiva, sabiex turi, permezz ta’ serje ta’ indizji, il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur inkwistjoni.
119 Għal dan il-għan, wara li identifikat il-provi espressament meqjusa fil-punt 5.4.1.1, għandhom, sabiex jiġi identifikat jekk il-Kummissjoni impliċitament irreferietx għal provi oħra insostenn tat-talbiet tagħha fir-rigward tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur inkwistjoni, jiġu interpretati l-kliem tal-premessa 352 tad-deċiżjoni kkontestata.
– Provi espressament meqjusa mill-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, fi tmiem il-fażi kontenzjuża tal-proċedura amministrattiva
120 Mir-raġunijiet esposti fil-punt 5.4.1.1 tad-deċiżjoni kkontestata, li fiha l-Kummissjoni għamlet l-evalwazzjonijiet u l-konklużjonijiet li hija bbażat ruħha fuqhom fit-tmien il-fażi kontenzjuża tal-proċedura amministrattiva, jiġifieri l-premessi 347 sa 360 ta’ din id-deċiżjoni, jirriżulta li l-Kummissjoni espressament semmiet, b’mod dirett jew indirett, ħames avvenimenti, fost il-21 avveniment inizjalment meqjusa fil-kuntest tal-proċedura preliminari tal-proċedura amministrattiva, sabiex turi l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur inkwistjoni, jiġifieri:
– b’mod partikolari fil-premessa 349 tad-deċiżjoni kkontestata, billi tiċċita n-noti ta’ S. (FC), il-konverżazzjoni telefonika tas-16 ta’ Diċembru 1996 bejn S. (FC) u S. (EKA), inizjalment imsemmija fil-premessa 130 tad-deċiżjoni kkontestata;
– fil-premessi 350 u 356 tad-deċiżjoni kkontestata, billi tirreferi għad-dikjarazzjonijiet orali li rċeviet, il-laqgħa ta’ Turku tal-14 ta’ Ottubru 1997, inizjalment imsemmija fil-premessi 162 sa 164 tad-deċiżjoni kkontestata;
– fil-premessi 350 u 356 tad-deċiżjoni kkontestata, li ssemmi, minn naħa, l-ammissjoni tar-rikorrenti u, min-naħa l-oħra, permezz ta’ riferiment għall-premessi 182 u 184 tad-deċiżjoni kkontestata, in-noti ta’ S. (FC), il-laqgħa illeċita tat-28 ta’ Jannar 1998, inizjalment imsemmija fil-premessi 182 sa 186 tad-deċiżjoni kkontestata;
– b’mod partikolari fil-premessa 349, billi tiċċita n-noti ta’ S. (FC), il-konverżazzjoni telefonika tal-4 ta’ Diċembru 1998, inizjalment imsemmija fil-premessa 219 tad-deċiżjoni kkontestata;
– u, fl-aħħar nett, fil-premessi 347 u 349, billi tiċċita n-noti ta’ S. (FC), it-telefonata tad-9 ta’ Diċembru 1999, inizjalment imsemmija fil-premessa 258 tad-deċiżjoni kkontestata.
121 Għandu jiġi stabbilit jekk il-Kummissjoni impliċitament semmietx, fil-punt 5.4.1.1 tad-deċiżjoni kkontestata, avvenimenti oħra li jistgħu juru l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur inkwistjoni u, għal dan il-għan, u li jiġu interpretati l-kliem tal-premessa 352 tad-deċiżjoni kkontestata.
– Interpretazzjoni tal-premessa 352 tad-deċiżjoni kkontestata
122 Hekk kif jirriżulta mill-atti tal-partijiet, l-interpretazzjoni tal-premessa 352 tad-deċiżjoni kkontestata hija determinanti għall-finijiet tal-identifikazzjoni ta’ provi oħra barra dawk espressament imsemmija mill-Kummissjoni fil-punt 5.4.1.1 tad-deċiżjoni kkontestata li tqiesu mill-Kummissjoni sabiex turi l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur inkwistjoni.
123 Fil-fatt, skont ir-rikorrenti, fil-premessa 352 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kienet skartat kull riferiment għan-noti ta’ S. (FC) barra t-tliet riferimenti meqjusa fil-premessa 349 ta’ din id-deċiżjoni. Il-Kummissjoni tikkontesta din l-interpretazzjoni.
124 Waqt is-seduta, bħala tweġiba għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali dwar l-interpretazzjoni li kellha ssir tal-kliem tal-premessa 352 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kienet b’mod partikolari indikat dan li ġej.
125 Fl-ewwel lok, f’din il-premessa, hija kienet għamlet distinzjoni bejn, minn naħa, it-tliet riferimenti għan-noti ta’ S. (FC) espressament imsemmija fil-premessa 349 tad-deċiżjoni kkontestata u, min-naħa l-oħra, il-provi l-oħra meqjusa kontra r-rikorrenti.
126 Fir-rigward tat-tliet riferimenti għan-noti ta’ S. (FC) espressament imsemmija fil-premessa 349 tad-deċiżjoni kkontestata, li jirreferu għat-tliet avvenimenti deskritti fil-premessi 130, 219 u 258 ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni insistiet fuq il-fatt li huma kienu jikkostitwixxu provi partikolarment b’saħħithom, peress li huma kienu ppermettew li jiġu kkonstatati kuntatti diretti bejn membri tal-akkordju u r-rikorrenti.
127 Fir-rigward ta’ provi oħra meqjusa kontra r-rikorrenti, dawn ċertament ma humiex ġejjin minnha. Madankollu, huma ma kinux skartati mis-serje ta’ indizji kkunsidrati mill-Kummissjoni sabiex jintwera li r-rikorrenti kienet ipparteċipat fil-ksur inkwistjoni.
128 It-tieni nett, il-Kummissjoni indikat li l-formulazzjoni “Fil-każijiet l-oħra fejn isir riferiment għal [ir-rikorrenti] fil- [...] deċiżjoni [kkontestata]”, li tintroduċi l-premessa 352 tagħha, kellha tiġi interpretata fis-sens li tirreferi għal riferimenti magħmula għar-rikorrenti li jinsabu fil-premessi 220, 256, 305 u 319 kif ukoll għall-premessi l-oħra msemmija fil-premessi 305 u 319.
129 It-tielet nett, fir-rigward tal-portata tat-tieni u tat-tielet frażijiet tal-premessa 352 tad-deċiżjoni kkontestata, peress li jsir riferiment għal insuffiċjenzi tal-fajl tal-Kummissjoni u li dawn jittieħdu inkunsiderazzjoni waqt it-tul tal-ksur, il-Kummissjoni indikat li, kuntrarjament għal dak li tafferma r-rikorrenti, hija kellha provi suffiċjenti sabiex tipproduċi prova tat-tul tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur inkwistjoni, jiġifieri bejn ix-xahar ta’ Diċembru 1996 u x-xahar ta’ Frar 2000. Fuq dan is-suġġett, hija tippreċiża li, minkejja li hija kellha provi oħra li jistgħu jistabbilixxu tali parteċipazzjoni fl-1994, 1995 u fil-bidu tas-sena 1996, hija kienet iddeċidiet li ma tqis biss l-aħjar provi li hija kellha, jiġifieri t-“tliet riferimenti” jew ukoll “dawn it-tliet siltiet”, li tagħhom l-ewwel waħda kienet “it-telefonata tas-16 ta’ Diċembru 1996”.
130 Fir-rigward tal-argumenti tal-partijiet esposti fl-atti tagħhom kif ukoll waqt is-seduta, għandu l-ewwel nett jiġi kkonstatat li, fost il-21 avveniment imsemmi fil-punt 117 iktar ’il fuq, 19-il avveniment huma rrapurtati abbażi tan-noti ta’ S. (FC).
131 Sussegwentement, fuq dawn id-19-il avveniment meħuda min-noti ta’ S. (FC), tlieta huma, hekk kif ġie rrilevat fil-punt 120 iktar ’il fuq u indikat mill-Kummissjoni lis-seduta, espressament imsemmija fil-premessa 349 tad-deċiżjoni kkontestata. Fir-rigward tagħhom, il-partijiet qablu li jikkunsidraw li dawn it-tliet riferiment ma jagħmlux parti mill-“każijiet l-oħra fejn isir riferiment għal [ir-rikorrenti] fid-[deċiżjoni kkontestata]”, fis-sens tal-premessa 352 ta’ din id-deċiżjoni.
132 Fl-aħħar nett, hekk kif jirriżulta mill-punt 120 iktar ’il fuq, in-noti ta’ S. (FC), peress li jirrigwardaw il-laqgħa illeċita tat-28 ta’ Jannar 1998, huma espressament imsemmija, fil-punt 5.4.1.1, fil-premessi 350 u 356 tad-deċiżjoni kkontestata b’riferiment għall-premessi 182 u 184 ta’ din id-deċiżjoni. Għalhekk, dan ir-raba’ riferiment, ibbażat fuq in-noti ta’ S. (FC), lanqas ma jista’ jagħmel parti minn “każijiet oħra fejn isir riferiment għal [ir-rikorrenti] fi [...] deċiżjoni [kkontestata]” fis-sens tal-premessa 352 ta’ din tal-aħħar.
133 Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li l-ħmistax-il avveniment ieħor meħud min-noti ta’ S. (FC) [iktar ’il quddiem il-“15-riferiment ieħor għar-rikorrenti fin-noti ta’ S. (FC)”] , ma humiex espressament imsemmija fil-punt 5.4.1.1 tad-deċiżjoni kkontestata.
134 Fil-fatt, fl-ewwel lok, fir-rigward tal-ispjegazzjoni mogħtija mill-Kummissjoni li l-formulazzjoni “Fil-każijiet l-oħra fejn isir riferiment għal [ir-rikorrenti] fid-[...] deċiżjoni [kkontestata]” li tintroduċi l-premessa 352 ta’ din id-deċiżjoni, tirreferi għall-premessi 220, 256, 305 u 319 tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll għall-premessi oħra msemmija fil-premessi 305 u 309 (jiġifieri l-premessi 130, 150, 184, 219, 229, 256 u 258), hemm, ċertament, lok li jiġi rrikonoxxut li din l-interpretazzjoni hija plawżibbli sa fejn il-premessi 305 sa 319 tad-deċiżjoni kkontestata jirreferu b’mod partikolari għall-erba’ premessi l-oħra ta’ din id-deċiżjoni, li jirreferu għall-kitba tan-noti ta’ S. (FC) rigward erba’ avvenimenti, jiġifieri dawk imsemmija fil-premessi 150, 220, 229 u 256 tad-deċiżjoni kkontestata. Madankollu, tali spjegazzjoni hija, għall-finijiet li tiġi interpretata l-formulazzjoni “Fil-każijiet l-oħra fejn isir riferiment għal [ir-rikorrenti] fi [...] deċiżjoni [kkontestata]” hija jew inkompleta, peress li hija tirreferi biss għal erbgħa minn 15-il riferiment ieħor għar-rikorrenti fin-noti ta’ S. (FC), jew irrilevanti, meta, f’dawn il-premessi 305 u 319, hemm riferiment ukoll għall-premessi 130, 184, 219 u 258 tad-deċiżjoni kkontestata, li jikkostitwixxu, għal tlieta minnhom, it-tliet riferimenti espressi għar-rikorrenti meħuda min-noti ta’ S. (FC), imsemmija fil-premessa 349, jew li, fir-rigward tal-premessa 184 tad-deċiżjoni kkontestata, jirreferu għall-kitba tan-noti ta’ S. (FC) rigward il-laqgħa illeċita tat-28 ta’ Jannar 1998, li fiha r-rikorrenti espliċitament irrikonoxxiet li pparteċipat, tal-inqas parzjalment. Għaldaqstant, l-ispjegazzjoni mogħtija mill-Kummissjoni, li minnha jirriżulta li l-formulazzjoni msemmija iktar ’il fuq tirreferi unikament għall-premessi 130, 150, 184, 219, 220, 229, 256, 258, 305 u 319 tad-deċiżjoni kkontestata, kienet parzjalment inkompleta u parzjalment irrilevanti, ma tistax tiġi aċċettata mill-Qorti Ġenerali.
135 Konsegwentement, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-unika interpretazzjoni li hemm lok li titqies mill-formulazzjoni “Fil-każijiet l-oħra fejn isir riferiment għal [ir-rikorrenti] fi [...] deċiżjoni [kkontestata]” li tintroduċi l-premessa 352 tagħha, hija dik li din il-formulazzjoni tirreferi għall-15-il riferiment l-ieħor għar-rikorrenti fin-noti ta’ S. (FC).
136 Fit-tieni lok, għandu jiġi kkonstatat li, mill-istess kliem tat-tieni parti ta’ din l-ewwel frażi tal-premessa 352 tad-deċiżjoni kkontestata, jirriżulta li l-Kummissjoni taqbel ukoll mar-rikorrenti dwar l-oriġini probabbilment indiretta, meta pparagunata magħha, tal-informazzjoni li tinsab fil-15-il riferiment l-ieħor għar-rikorrenti fin-noti ta’ S. (FC). Fil-fatt, skont l-istess kliem ta’ din it-tieni parti, “il-Kummissjoni taċċetta l-argument tal-kumpannija li l-informazzjoni tista’ tiġi minn terzi pjuttost milli l-persuna kkonċernata stess”. Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li hija tilqa’ espliċitament l-argument tar-rikorrenti, kif irrapurtat fil-premessa 345 tad-deċiżjoni kkontestata (fis-suddiviżjoni 5.4.1, intitolata “Argumenti mressqa minn [ir-rikorrenti]”) u inizjalment esposti fil-punt 44 tat-tweġiba tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.
137 Fuq dan l-aħħar punt, il-kliem espliċitu ta’ din it-tieni parti tal-ewwel frażi tal-premessa 352 tad-deċiżjoni kkontestata rriżulta determinanti f’dan il-każ, peress li dawn iseħħu fl-istadju tal-fażi kontenzjuża tal-proċedura amministrattiva, fażi li, hekk kif tkakkar fil-punt 109 iktar ’il fuq, tippermetti lill-Kummissjoni tagħti deċiżjoni definittiva fuq il-ksur ikkontestat u tagħlaq din il-proċedura, f’dan il-każ favur argument tar-rikorrenti espost fit-tweġiba tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.
138 Fit-tielet lok, għandu jiġi kkonstatat li t-tieni frażi tal-premessa 352 tad-deċiżjoni kkontestata tikkonferma din l-aħħar evalwazzjoni fir-rigward tal-portata tal-ewwel frażi. Fil-fatt, il-Kummissjoni hawnhekk tindika b’mod għal kollox espliċitu li l-fajl tagħha ma kienx fih “provi suffiċjenti biex ikun jista’ jiġi stabbilit b’mod ċert li l-informazzjoni inkwistjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali], jiġifieri għalhekk il-15-il riferiment l-ieħor tar-rikorrenti fin-noti ta’ S. (FC) “kienu ġejjin direttament mir-rikorrenti”. Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li, permezz ta’ din il-konstatazzjoni, il-Kummissjoni tindika li l-provi li jinsabu fil-fajl tagħha ma ppermettewliex li ssostni suffiċjentement bil-liġi l-15-il riferiment l-ieħor għar-rikorrenti fin-noti ta’ S. (FC).
139 Din il-konstatazzjoni rriżultat, mill-bqija, parzjalment ikkonfermata mid-deskrizzjoni li tagħmel il-Kummissjoni tal-approċċ tagħha li jinsab fil-punt 129 iktar ’il fuq, rigward il-provi li kellha. Fil-fatt, il-Kummissjoni fiha tindika espressament li kienet fl-aħħar nett iddeċidiet li tillimita l-perijodu ta’ ksur tar-rikorrenti skont dawn il-provi, billi bbażat ruħha fuq l-aħjar provi li kellha, jiġifieri t-tliet riferimenti, li taħhom l-ewwel waħda tirrigwarda l-konverżazzjoni telefonika tas-16 ta’ Diċembru 1996, jiġifieri, iktar preċiżament u manifestament, it-tliet riferimenti msemmija fil-premessa 349 tad-deċiżjoni kkontestata.
140 Għalhekk, il-Kummissjoni rrikonoxxiet li hija ma setgħatx, kuntarjament għal dak li kienet għamlet fir-rigward ta’ dawn l-aħħar tliet riferimenti u tan-noti ta’ S. (FC) dwar il-laqgħa illeċita tat-28 ta’ Jannar 1998, tuża dawn il-15-il riferiment għar-rikorrenti fin-noti ta’ S. (FC) sabiex turi l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur inkwistjoni.
141 Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li, fil-premessa 352 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni stess kellha dubji dwar il-kredibbiltà tal-15-il riferiment għar-rikorrenti fin-noti ta’ S. (FC), sabiex takkuża lir-rikorrenti bil-parteċipazzjoni tal-ksur inkwistjoni.
142 Fir-raba’ lok, għandu jiġi kkonstatat li din l-aħħar kunsiderazzjoni hija kkonfermata fir-rigward tal-kliem tat-tielet frażi tal-premessa 352 tad-deċiżjoni kkontestata, li fiha l-Kummissjoni hija stess tislet, b’mod għal kollox ċar, il-konsegwenzi tal-konstatazzjonijiet tagħha rigward in-nuqqas ta’ kredibbiltà tal-15-il riferiment l-ieħor dwar ir-rikorrenti fin-noti ta’ S. (FC), sabiex turi l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur inkwistjoni. Huwa għalhekk li l-Kummissjoni tiddikjara li “[i]sir kunsiderazzjoni fil-livell tat-tul tal-ksur li għalih [ir-rikorrenti] għandha twieġeb”. Tali konklużjoni turi b’mod ċar li l-Kummissjoni kkunsidrat li, fir-rigward tal-provi li jinsabu fil-fajl tagħha, il-15-il riferiment għar-rikorrenti fin-noti ta’ S. (FC) ma kinux jikkostitwixxu elementi suffiċjentement kredibbli sabiex juru li r-rikorrenti kienet ipparteċipat fil-ksur inkwistjoni.
143 Din l-evalwazzjoni ma tistax tiġi emendata fid-dawl tal-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-Kummissjoni waqt is-seduta, bħala tweġiba għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali, rigward it-tifsira li għandha tingħata fil-fehma tagħha tat-tielet sentenza tal-premessa 352 tad-deċiżjoni kkontestata. F’din l-okkażjoni, il-Kummissjoni ssuġġeriet li tikkunsidra li t-tieni frażi tal-premessa 352 tad-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri li “Ser jittieħed inkunsiderazzjoni l-livell tat-tul tal-ksur li għalih [ir-rikorrenti] għandha twieġeb” [traduzzjoni mhux uffiċjali] effettivament kienet segwita b’effetti, peress li hija ma kinitx qieset il-provi li hija kellha fir-rigward tal-perijodu qabel is-16 ta’ Jannar 1996 sabiex tikkaratterizza l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur bejn l-1994 u l-bidu tas-sena 1996.
144 Tali interpretazzjoni, li timplika li l-provi skartati skont il-premessa 352 tad-deċiżjoni kkontestata huma relatati ma’ perijodu qabel is-16 ta’ Diċembru 1996, ma tistax tiġi aċċettata, u dan minħabba ż-żewġ raġunijiet li ġejjin.
145 L-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li ebda waħda mill-premessi msemmija fil-premessi 305 u 319 tad-deċiżjoni kkontestata u li għalihom tirreferi l-Kummissjoni sabiex tinterpreta l-formulazzjoni “Fil-każijiet l-oħra fejn isir riferiment għal [ir-rikorrenti] fi deċiżjoni [kkontestata]” ma tikkonċerna avveniment li seħħ qabel id-data li fiha l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur inkwistjoni, skont il-Kummissjoni, beda fis-16 ta’ Diċembru 1996. Issa, mill-kunsiderazzjonijiet kollha esposti mill-Kummissjoni fil-premessa 352 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li huma tassew l-insuffiċjenzi tal-fajl tal-Kummissjoni fir-rigward tal-“każijiet l-oħrajn li fihom isir riferiment għal [ir-rikorrenti] fi [din id-deċiżjoni]”, li wassluha tindika li dawn l-insuffiċjenzi huma meħuda “inkunsiderazzjoni tal-livell tat-tul tal-ksur li għalih [ir-rikorrenti kellha] twieġeb.”
146 Fit-tieni lok, din l-interpretazzjoni tikkontradixxi l-approċċ li l-Kummissjoni ddeskriviet fl-aħħar lok fis-seduta, li tfakkar, b’mod partikolari, fil-punt 139 iktar ’il fuq.
147 Għalhekk, jirriżulta min-natura ċara tal-kliem uzat mill-Kummissjoni fil-premessa 352 tad-deċiżjoni kkontestata li, fl-istadju tal-motivi stabbiliti, skont it-titolu stess tal-punt 5.4.1.1, tal-evalwazzjoni u tal-konklużjonijiet tal-Kummissjoni fir-rigward tal-osservazzjonijiet tar-rikorrenti, motivi li jagħlqu l-fażi kontenzjuża tal-proċedura amministrattiva, hija kienet iddeċidiet li tiskarta dawn il-15-il riferiment l-ieħor għar-rikorrenti fin-noti ta’ S. (FC) mill-provi li setgħu jiġu kkunsidrati kontra r-rikorrenti.
148 Fil-ħames lok, għandu jiżdied li, kuntrarjament għal dak li tallega l-Kummissjoni, fl-ebda mument, la fil-premessa 352 tad-deċiżjoni kkontestata, u lanqas fil-premessi l-oħra tal-punt 5.4.1.1, ma l-Kummissjoni tindika li tikkunsidra, minkejja dan in-nuqqas ta’ kredibbiltà tal-15-il riferiment l-ieħor għar-rikorrenti fin-noti ta’ S. (FC), li huma kienu jagħmlu parti mis-serje ta’ indizji li hija kienet invokat sabiex turi l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur inkwistjoni.
149 Bil-kontra, mill-kuntest ġenerali tal-motivi tal-punt 5.4.1.1 jirriżulta li, fl-ewwel lok, fil-premessi 349 sa 351 tad-deċiżjoni kkontestata, hekk kif kien irrilevat fil-punt 131 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni għamlet distinzjoni, minn naħa, bejn it-tliet riferimenti msemmija fil-premessa 349 tad-deċiżjoni kkontestata u dawk li huma relatati mal-laqgħa illeċita tat-28 ta’ Jannar 1998 u, min-naħa l-oħra, il-15-il riferiment l-ieħor għar-rikorrenti fin-noti ta’ S. (FC). Bl-istess mod, fil-premessa 351 tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni tikkummenta fuq ir-reazzjonijiet tar-rikorrenti għat-tliet riferimenti msemmija fil-premessa 349 ta’ din id-deċiżjoni.
150 Sussegwentement, fit-tieni lok, fil-premessa 352 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tirreferi b’mod għal kollox espliċitu għall-“każijiet l-oħra fejn isir riferiment għal [ir-rikorrenti]”, jiġifieri għall-15-il riferimenti għar-rikorrenti fin-noti ta’ S. (FC), b’mod li jirriżulta minn dan il-kliem, li jibda fl-ewwel sentenza ta’ din il-premessa, rieda espliċita min-naħa tal-Kummissjoni li tidentifika kategorija oħra ta’ riferimenti għar-rikorrenti fin-noti ta’ S. (FC). Mill-bqija, għandu jiġi osservat li, fl-atti tagħha, il-Kummissjoni indikat li hija ma kkontestatx li kkategorizzat ir-riferimenti meħuda min-noti ta’ S. (FC) “skont il-valur probatorju tagħhom” (ara l-punt 67 iktar ’il fuq). Hija tikkonferma, f’dawn l-istess atti, kif ġie espost fil-punt 147 iktar ’il fuq, li l-15-il riferiment għar-rikorrenti fin-noti ta’ S. (FC), kif imsemmija fil-premessa 349 tad-deċiżjoni kkontestata, kienu ġew skartati, peress li kienu insuffiċjenti sabiex juru l-aġir kollużorju tagħha.
151 Għaldaqstant, il-Kummissjoni tqis li, minkejja n-nuqqas ta’ kredibbiltà tal-15-il riferiment l-ieħor għar-rikorrenti fin-noti ta’ S. (FC), hija setgħet tikkunsidrahom fil-kuntest tas-serje ta’ indizji li hija invokat.
152 Fl-ewwel lok, insostenn ta’ din l-allegazzjoni, il-Kummissjoni b’mod partikolari rreferiet, waqt is-seduta, għall-premessi 305 u 319 tad-deċiżjoni kkontestata, li fiha s-siltiet l-oħra tan-noti ta’ S. (FC) huma espressament ikklassifikati bħala provi kontra r-rikorrenti.
153 Tali argument ma jistax jiġi aċċettat, peress li l-imsemmija premessi 305 u 319 tad-deċiżjoni kkontestata jippreċedu l-osservazzjonijiet tar-rikorrenti fuq id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet (suddiviżjoni 5.4.1) u li, fil-premessa 352 tad-deċiżjoni kkontestata, bħala tweġiba għall-osservazzjonijiet tar-rikorrenti, il-Kummissjoni, hekk kif ikkonfermat fl-atti tagħha, irrikonixxiet li hija ma setgħetx tqis dawn il-15-il riferiment l-ieħor għar-rikorrenti fin-noti ta’ S. (FC) sabiex turi l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur inkwistjoni. Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li l-kliem tal-premessa 352 ta’ din id-deċiżjoni ma jħallu l-ebda dubju rigward id-deċiżjoni li l-Kummissjoni rriżervat, fi tmiem il-proċedura amministrattiva kontenzjuża, għal dawn ir-riferimenti l-oħra.
154 Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tosserva li, fil-premessi 357 u 358 tad-deċiżjoni kkontestata, hija tibbaża ruħha ġeneralment fuq l-ilmenti tagħha kontra r-rikorrenti fuq in-noti ta’ S. (FC) u ma tillimitax ruħha għat-tliet riferimenti msemmija fil-premessa 349 ta’ din id-deċiżjoni.
155 F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, fir-rigward tal-premessa 357 tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi kkonstatat li effettivament sar riferiment għan-noti ta’ S. (FC). Mandankollu, tali riferiment ma jistax jippermetti li jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni kienet qed tirreferi għad-19-il riferiment kollha magħmula għar-rikorrenti fin-noti ta’ S. (FC). Fil-fatt, fir-rigward tal-konklużjoni li waslet għaliha l-Kummissjoni fil-premessa 352 tad-deċiżjoni kkontestata, tali riferiment ġenerali ma ssodisfax ir-rekwiżiti ta’ preċiżjoni meħtieġa, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 96 iktar ’il fuq, fir-rigward tas-serje ta’ indizji invokati mill-Kummissjoni. Dan jerġa’ japplika iktar fil-każ fejn in-noti ta’ S. (FC) jirrappreżentaw il-parti l-kbira tal-provi meqjusa mill-Kummissjoni, jiġifieri 19 mill-21 avveniment li fl-okkażjoni tagħhom ir-rikorrenti ġiet iċċitata b’isimha. F’kull każ, li dan l-argument tar-rikorrenti jiġi kkunsidrat fir-rigward tar-riferiment għan-noti ta’ S. (FC) li hija kienet effettwat fil-premessa 357 tad-deċiżjoni kkontestata jwassal għal inkoerenza li ma tingħelibx bejn dawn iż-żewġ premessi u l-kliem ċar tal-premessa 352 ta’ din id-deċiżjoni.
156 Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li r-riferiment, fil-premessa 357 tad-deċiżjoni kkontestata, għan-noti ta’ S. (FC) jirrigwarda biss it-tliet riferimenti msemmija fil-premessa 349 ta’ din id-deċiżjoni u fuq in-noti ta’ S. (FC) dwar il-laqgħa illeċita tat-28 ta’ Jannar 1998.
157 Sussegwentement, fir-rigward tal-premessa 358 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tirreferi fiha, b’mod astratt u ġenerali, għall-“provi dokumentarji kontemporanji tal-fatti” kollha (imsemmija fis-suddiviżjoni 4.3)” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Issa, minn dawn il-21 avveniment imsemmi fil-punt 117 iktar ’il fuq jirriżulta li, matul il-perijodu ta’ ksur meqjus mill-Kummissjoni kontra r-rikorrenti, kienu biss in-noti ta’ S. (FC) li kienu jikkostitwixxu tali provi kontemporanji li kienu jirreferu, direttament jew indirettament, għar-rikorrenti. Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat li s-siltiet tan-noti ta’ W. (EKA) meqjusa mill-Kummissjoni fil-premessi 162 sa 164 tad-deċiżjoni kkontestata, rigward il-laqgħa ta’ Turku tal-14 ta’ Ottubru 1997, bl-ebda mod ma kienu jirreferu għar-rikorrenti. Għaldaqstant, fid-dawl tal-fatt li r-riferiment għan-noti ta’ S. (FC) li sar fil-premessa 357 tad-deċiżjoni kkontestata, hemm lok li jiġi kkunsidrat li tali riferiment għan-noti ta’ S. (FC), min-natura astratta u ġenerali tiegħu, ma jippermettix li jiġi kkunsidrat, bħalma tallega l-Kummissjoni, li hija kienet għalhekk ikkunsidrat ir-riferimenti kollha meħuda mill-imsemmija noti, inklużi l-15-il riferiment l-ieħor għar-rikorrenti fin-noti ta’ S. (FC) li hija kienet xorta waħda skartat fil-premessa 352 tad-deċiżjoni kkontestata, sabiex tintwera l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur inkwistjoni. F’kull każ, għall-istess raġunijiet bħal dawk sostnuti rigward il-premessa 357 tad-deċiżjoni kkontestata, jekk l-argument tal-Kummissjoni kellu jiġi aċċettat, minn dan tirriżulta inkoerenza li ma tingħelibx bejn il-konklużjonijiet tagħha fil-premessa 352 tad-deċiżjoni kkontestata, u l-motivi l-oħra esposti fil-punt 5.4.1.1 ta’ din id-deċiżjoni.
158 Konsegwentement, għandu jiġi kkunsidrat li r-riferiment, fil-premessa 358 tad-deċiżjoni kkontestata, għall-“provi dokumentati kontemporanji tal-fatti kollha (imsemmija fis-suddiviżjoni 4.3)” [traduzzjoni mhux uffiċjali] kienu jirrigwardaw biss it-tliet riferimenti msemmija fil-premessa 349 ta’ din l-istess deċiżjoni u fuq in-noti ta’ S. (FC) dwar il-laqgħa illeċita tat-28 ta’ Jannar 1998.
159 Fl-aħħar nett, fit-tielet lok, il-Kummissjoni ssostni li jirriżulta mill-ġurisprudenza li l-fatt li l-informazzjoni hija indirettament irrapurtata jew li hija għandha portata sekondarja ma għandu ebda effett dwar il-possibbiltà li tintuża bħala prova. Madankollu, f’dan il-każ, hekk kif jirriżulta kemm mil-kliem ċar tal-premessa 352 tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll mill-atti tal-Kummissjoni stess, din tal-aħħar kienet, fl-istadju tal-fażi kontenzjuża tal-proċedura amministrattiva, iddeċidiet li tiskarta, mingħajr ebda riżerva, dawn il-15-il riferiment l-ieħor għar-rikorrenti fin-noti ta’ S. (FC).
160 Għaldaqstant, sa fejn, fil-premessa 352 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni mhux biss, fl-ewwel żewġ sentenzi ta’ din il-premessa, irrikonoxxiet il-valur probatorju dgħajjef tal-15-il riferiemnt l-ieħor għar-rikorrenti fin-noti ta’ S. (FC), iżda fuq kollox ikkonkludiet, fit-tielet sentenza tal-istess premessa, li hija ma setgħetx tuża dawn ir-riferimenti fin-noti ta’ S. (FC) sabiex turi l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur inkwistjoni, għandu jiġi kkunsidrat li hija għandha l-obbligu li tindika, espliċitament, jekk din kienet ser tkun l-intenzjoni tagħha sussegwentement, li hija madankollu kienet tqis li l-istess riferimenti setgħu jiġu kkunsidrati fil-kuntest tas-serje ta’ indizji.
161 Issa, fl-ebda mument, bejn il-premessi 353 u 356 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma għamlet it-tali reintegrazzjoni, fis-serje ta’ indizji, tal-15-il riferiment l-ieħor għar-rikorrenti fin-noti ta’ S. (FC), sabiex turi l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur inkwistjoni.
162 Jirriżulta minn dawn il-kunsiderazzjonijiet li ntqalu li huwa korrett li jiġi sostnut li, fil-premessa 352 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ddeċidiet li tiskarta l-15-il riferiment l-ieħor għar-rikorrenti fin-noti ta’ S. (FC) mill-elementi kontriha, u dan inkluż fir-rigward tas-serje ta’ indizji invokati mill-Kummissjoni.
– Konklużjoni dwar l-identifikazzjoni tal-provi meqjusa kontra r-rikorrenti, fid-dawl tal-allegata parteċipazzjoni tagħha fil-ksur inkwistjoni
163 Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li fl-ebda punt tad-deċiżjoni kkontestata, ma l-Kummissjoni ssemmi d-data tad-9 ta’ Frar 2000 bħala t-tmiem tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur inkwistjoni. Lanqas ma pproduċiet xi prova rigward id-determinazzjoni tad-data ta’ tmiem il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur inkwistjoni.
164 Fit-tieni lok, bħala tweġiba għall-argumenti tar-rikorrenti dwar dan is-suġġett, il-Kummissjoni ssostni li ftit jimporta li r-rikorrenti ma kinitx semgħet id-dikjarazzjoni ta’ EKA, fil-marġni tal-laqgħa uffiċjali tas-CEFIC tad-9 ta’ Frar 2000, peress li l-akkordju ntemm f’din id-data. F’kull każ, fil-fehma tagħha, il-fatt li r-rikorrenti tindika li ma semgħetx din id-dikjarazzjoni jikkostitwixxi indizju serju tal-parteċipazzjoni tagħha għal-laqgħa illeċita tad-9 ta’ Frar 2000.
165 Madankollu, l-ewwel nett hemm lok li jiġi kkonstatat li dan l-argument tal-Kummissjoni, intiż li jirrelativizza l-importanza tad-determinazzjoni tad-data ta’ tmiem tal-allegat parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur inkwistjoni, ma jistax jiġi aċċettat. Fil-fatt, għandu jitfakkar li t-tul ta’ ksur, li jimplika li tingħaraf id-data finali tiegħu, jikkostitwixxi wieħed mill-elementi essenzjali tal-ksur, fejn l-oneru tal-prova jaqa’ fuq il-Kummissjoni (sentenza Peróxidos Orgánicos vs Il‑Kummissjoni, punt 105 iktar ’il fuq, punt 52).
166 Barra minn hekk, id-determinazzjoni tal-Kummissjoni tad-data finali tal-allegata parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur inkwistjoni kienet għaldaqstant iktar neċessarja f’dan il-każ peress li jirriżulta mill-punti 48 u 49 tal-osservazzjonijiet tar-rikorrenti dwar id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, kif ukoll mill-atti tagħha f’din il-kawża, li r-rikorrenti kienet espressament ikkontestat li kienet ipparteċipat fil-laqgħa illeċita tad-9 ta’ Frar 2000. Għaldaqstant, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni naqset milli tesponi, fil-punt 5.4.1.1, li fih hija kellha tevalwa l-osservazzjonijiet tar-rikorrenti dwar id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u, fl-aħħar nett, tasal għal konklużjonijiet dwar il-proċedura amministrattiva inkwistjoni, ir-raġunijiet li bihom hija fl-aħħar nett qieset, minkejja l-osservazzjonijiet tar-rikorrenti, li din tal-aħħar kienet ipparteċipat fil-laqgħa illeċita tad-9 ta’ Frar 2000.
167 Fit-tielet lok u f’kull każ, għandu jiġi rrilevat li kien biss fl-aħħar nett, hekk kif il-Kummissjoni rrikonoxxiet hija stess, li fil-premessa 488 tad-deċiżjoni kkontestata, li fiha hemm il-parti 7.1, intitolata “Dati ta’ bidu u ta’ tmiem” taħt it-titolu “7. Tul tal-ksur”, li hija ssostni li stabbilixxiet, billi rreferiet b’mod partikolari għall-premessa 283 tad-deċiżjoni kkontestata, li hemm fil-parti 4.3 tal-istorja tal-akkordju, id-data ta’ tmiem tal-parteċipazzjoni tal-membri tal-akkordju fil-ksur u tasal għall-konklużjoni tagħha dwar dan is-suġġett.
168 Kemm fil-premessa 488 tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll fil-premessa 283, li tirreferi għaliha, il-Kummissjoni ssemmi d-data tad-9 ta’ Frar 2000 bħala dik ta’ laqgħa illeċita tal-membri tal-kartell f’marġni tal-laqgħa uffiċjali tas-CEFIC fl-istess jum fi Brussell. Issa, għandha tiġi rrilevata n-natura ambigwa u kontradittorja tar-raġunijiet hekk kif esposti mill-Kummissjoni sabiex tqis id-data tad-9 ta’ Frar 2000 bħala dik li timmarka t-tmiem tal-perijodu ta’ ksur f’dak li jikkonċerna r-rikorrenti.
169 Huwa għalhekk li, fil-premessa 283 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tindika li, fid-9 ta’ Frar 2000, fi Brussell, seħħet laqgħa uffiċjali tas-CEFIC, laqgħa li fiha r-rikorrenti pparteċipat. Mill-istess premessa jirriżulta li fil-marġni ta’ din il-laqgħa S. (EKA) kien informa “il-kontroparti tiegħu li huwa rrifjuta li jipparteċipa f’kull diskussjoni ġdida mal-kompetituri”. Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li, jekk il-Kummissjoni tindika, b’mod ċar, fil-premessa 283 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-parteċipazzjoni għal-laqgħa uffiċjali tas-CEFIC ta’ Eka, ta’ Arkema France u tar-rikorrenti tirriżulta minn punti fil-fajl tagħha, min-naħa l-oħra, hija ma tipproduċi ebda prova tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-laqgħa illeċita tad-9 ta’ Frar 2000, li matulha S. (EKA) kien għamel id-dikjarazzjoni tiegħu f’isem EKA. Barra minn hekk, fil-premessa 283 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma tidentifikax li seħħet laqgħa illeċita uffiċjali fil-marġni tagħha, tas-CEFIC tad-9 ta’ Frar 2000. Fil-fatt, hija sempliċement tirreferi għal dikjarazzjoni f’isem EKS “fil-marġni tal-laqgħa” uffiċjali tas-CEFIC tal-istess jum.
170 Konsegwentement, jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti li l-Kummissjoni kkuntentat ruħha, fil-premessa 283 tad-deċiżjoni kkontestata, li tippreżumi li l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-laqgħa illeċita tad-9 ta’ Frar 2000 kienet tirriżulta mill-parteċipazzjoni tagħha fil-laqgħa uffiċjali tas-CEFIC tad-9 ta’ Frar 2000. Tali preżunzjoni tirriżulta insuffiċjenti, peress li r-rikorrenti kienet espressament ikkontestat, fl-osservazzjonijiet tagħha dwar id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li pparteċipat fil-laqgħa illeċita tad-9 ta’ Frar 2000. Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li l-parteċipanti fil-laqgħat uffiċjali tas-CEFIC ipparteċipaw neċessarjament għal-laqgħat tal-kartell li seħħew fil-marġni tal-laqgħat uffiċjali. Barra minn hekk hija tindika, fil-premessa 76 tad-deċiżjoni kkontestata, li fil-livell ta’ ġerarkija superjuri, id-diskussjonijiet seħħew waqt laqgħat multilaterali, ta’ spiss fil-marġni tal-laqgħat tal-grupp ta’ xogħol dwar il-klorat tas-sodju tas-CEFIC.
171 Din l-amalgamazzjoni, li tirreferi għaliha l-Kummissjoni, tal-laqgħa uffiċjali tas-CEFIC tad-9 ta’ Frar 2000 u l-laqgħa illeċita tal-istess jum, hija rriprodotta fil-premessa 488 tad-deċiżjoni kkontestata, meta hija tafferma, mingħajr ma tirreferi għal prova waħda insostenn tal-pożizzjoni tagħha, u filwaqt li tirreferi biss għall-premessa 283 tad-deċiżjoni kkontestata, li “l-aħħar laqgħa antikompetittiva — li fiha pparteċipaw EKA, Arkema France u [ir-rikorrenti] — seħħet fid-9 ta’ Frar 2000” u li “[ir-rikorrenti] direttament ipparteċipat f’laqgħa tad-9 ta’ Frar 2000”. Għaldaqstant, mill-ġdid, għandu jiġi kkonstatat li, peress li, fl-ebda mument, il-Kummissjoni ma sostniet u lanqas, a fortiori, stabbilixxiet li l-parteċipazzjoni fil-laqgħat uffiċjali tas-CEFIC ma kien jimplika preżenza fil-laqgħat antikompetittivi li seħħew fil-marġni tagħhom, huwa korrett li r-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma pproduċiet ebda prova tal-parteċipazzjoni tagħha fil-laqgħa illeċita tad-9 ta’ Frar 2000, li kienet tikkostitwixxi l-unika laqgħa tal-kartell f’din id-data.
172 Fl-aħħar nett, jirriżulta b’mod espliċitu mill-Anness I tad-deċiżjoni kkontestata li r-rikorrenti ma identifikatx ruħha bħala li pparteċipat f’laqgħa illeċita tad-9 ta’ Frar 2000. Fl-atti tagħha, il-Kummissjoni bbażat ruħha f’dan ir-rigward fuq sempliċi żball materjali. Madankollu, mill-premessa 69 tad-deċiżjoni kkontestata u min-nota ta’ qiegħ il-paġna 114 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Anness I ta’ din id-deċiżjoni fih il-lista tat-72 kuntatt antikompetittiv li fihom ipparteċipaw il-membri tal-akkordju inkwistjoni. Konsegwentement, l-aħħar linja tat-tabella rriprodotta fl-Anness I tad-deċiżjoni kkontestata tirreferi neċessarjament għal-laqgħa illeċita tad-9 ta’ Frar 2000, identifikata mill-Kummissjoni, u mhux il-laqgħa uffiċjali tas-CEFIC tal-istess jum. Issa, fir-rigward tar-raġunijiet tad-deċiżjoni kkontestata u tal-provi fil-fajl, xejn ma jippermetti li jiġi kkonstatat li r-rikorrenti kienet, bħal ma ssostni l-Kummissjoni, ipparteċipat f’din il-laqgħa tal-kartell u, għaldaqstant, li tikkunsidra li l-fatt li r-rikorrenti ma kinitx ġiet identifikata, fl-Anness I tad-deċiżjoni kkontestata, bħala li pparteċipat f’laqgħa illeċita tad-9 ta’ Frar 2000, jirriżulta minn sempliċi żball materjali.
173 Jirriżulta minn dawn il-kunsiderazzjonijiet li ntqali li, fin-nuqqas ta’ kwalunkwe prova prodotta mill-Kummissjoni fuq dan is-suġġett, ikun żbaljat li hija ssostni li l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur intemm fid-9 ta’ Frar 2000. Għaldaqstant, l-argument imressaq mir-rikorrenti għandu jintlaqa’ bħala fondat, peress li l-Kummissjoni ma pproduċietx il-prova li hija pparteċipat fil-laqgħa illeċita tad-9 ta’ Frar 2000. Għalhekk hija ma setgħatx tqis din id-data bħala li timmarka t-tmiem tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur inkwistjoni.
174 Fit-tieni lok, fir-rigward, l-ewwel nett, tal-provi miktubin bl-idejn kontemporanji tal-fatt, minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha esposti iktar ’il fuq jirriżulta li, minn naħa, dawn ma kinux riferimenti meħuda min-noti ta’ S. (FC). Min-naħa l-oħra, fost id-19-il riferiment meħud min-noti ta’ S. (FC), iniżjalment meqjusa fi tmiem il-fażi preliminari tal-proċedura amministrattiva, fir-rigward tal-perijodu ta’ ksur inkwistjoni, huma biss it-tliet riferimenti meħudin min-noti ta’ S. (FC), imsemmija fil-premessa 349 tad-deċiżjoni kkontestata, u dik li hija relatata mal-laqgħa illeċita tat-28 ta’ Jannar 1998, li tqiesu espressament mill-Kummissjoni fi tmiem il-fażi kontenzjuża tal-proċedura amministrattiva, fis-serje ta’ indizji intiżi li jipproduċu l-prova tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur inkwistjoni. Fir-rigward tal-15-il riferiment l-ieħor għar-rikorrenti fin-noti ta’ S. (FC), għandu jiġi kkunsidrat li dawn ġew skartati minn din is-serje ta’ indizji, fil-premessa 352 tad-deċiżjoni kkontestata, minħabba nuqqas ta’ natura probatorja.
175 Fit-tieni lok, fir-rigward tad-dikjarazzjonijiet tal-kompetituri tar-rikorrenti inklużi fis-serje ta’ indizji tal-Kummissjoni, peress li huma jippermettu li tiġi prodotta l-prova tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur inkwistjoni, jirriżulta minn dawn il-provi meqjusa mill-Kummissjoni, imsemmija fil-punti 117 u 120 iktar ’il fuq, li dawn kienu, matul il-perijodu ta’ ksur meqjus mill-Kummissjoni kontra r-rikorrenti, dikjarazzjonijiet ta’ EKA u ta’ dawk ta’ FC, bl-esklużjoni ta’ kull kumpannija oħra. Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma qisitx, la tul il-fażi amministrattiva lanqas fi tmiem il-fażi kontenzjuża tal-proċedura amministrattiva, id-dikjarazzjonijiet ta’ Arkema France, kif imsemmija fil-punt 6 iktar ’il fuq u magħquda mal-Anness A.3 tar-rikors, sabiex tiġi stabbilita l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur inkwistjoni.
176 Fit-tielet lok, il-Kummissjoni qieset l-ammissjoni tar-rikorrenti dwar il-parteċipazzjoni tagħha fil-laqgħa illeċita tat-28 ta’ Jannar 1998. Sabiex tiġi stabbilita l-portata ta’ din il-parteċipazzjoni, il-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq in-noti ta’ S. (FC) dwar din il-laqgħa u fuq id-dikjarazzjonijiet ta’ FC u ta’ EKA.
177 Huwa fid-dawl tal-konklużjonijiet esposti fil-punti 163 sa 176 iktar ’il fuq li għandu l-ewwel nett jiġi evalwat il-valur probatorju tal-provi meqjusa mill-Kummissjoni u, sussegwentement, li jiġi evalwat jekk dawn l-elementi jikkostitwixxux provi suffiċjenti li jippermettu li juru l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur inkwistjoni.
Fuq il-valur probatorju tal-provi kkunsidrati kontra r-rikorrenti
– Fir-rigward tal-provi miktubin bl-idejn kontemporanji dwar il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur inkwistjoni
178 L-ewwel nett, għandu jsir riferiment għall-eżami tal-valur probatorju tan-noti ta’ S. (FC) dwar il-laqgħa illeċita tat-28 ta’ Jannar 1998 ma’ dik li tikkonċerna l-ammissjoni tar-rikorrenti dwar il-parteċipazzjoni tagħha għal din il-laqgħa (ara l-punt 216 sa 218 iktar ’il fuq).
179 Prinċipalment, fir-rigward tat-tliet riferimenti magħmula għar-rikorrenti bbażati fuq in-noti ta’ S. (FC), imsemmija fil-premessa 349 tad-deċiżjoni kkontestata, għandu l-ewwel nett jiġi kkonstatat, fid-dawl tal-osservazzjonijiet ifformulati mill-partijiet fl-atti tagħhom kif ukoll mit-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet li l-Qorti Ġenerali għamlitilhom kemm bil-miktub kif ukoll waqt is-seduta, in-noti ta’ S. (FC), hekk kif jidhru fil-fajl tal-Kummissjoni, jiġifieri n-noti ttajpjati, li jirriżultaw kemm mit-traskrizzjoni mill-ġdid f’dan il-format u mit-traduzzjoni mill-Finlandiż għall-Ingliż, minn S. (FC), tan-noti miktubin bl-idejn bil-Finlandiż, li huwa stess kien ħa waħda kull wieħed minn dawn il-fatti li dawn jirrappurtaw u jiddeskrivu. F’dan ir-rigward, minkejja xi aġġustamenti ta’ tip formali, jew terminoloġiku, f’dak li jikkonċerna ċerti siltiet, li fuqhom il-Qorti Ġenerali ġibdet l-attenzjoni tal-Kummissjoni waqt is-seduta, għandu jiġi kkunsidrat li, sakemm dawn in-noti li jinsabu fil-fajl jittraduċu u jittraskrivu fedelment in-noti miktuba bl-idejn meħuda oriġinarjament minn S. (FC), u li dawn in-noti miktubin bl-idejn kienu ttieħdu fiż-żmien tal-fatti minn S. (FC), il-verżjoni traskritta mill-ġdid fil-lingwa Ingliża tagħhom għandha tinftiehem bħala prova miktuba kontemporanja tal-ksur. Għaldaqstant, it-tliet riferimenti għan-noti ta’ S. (FC) kif imsemmija fil-premessa 349 tad-deċiżjoni kkontestata, jikkostitwixxu tali provi.
180 Iktar preċiżament, fir-rigward, l-ewwel nett, tan-noti meħuda minn S. (FC) rigward il-konverżazzjoni telefonika tiegħu tas-16 ta’ Diċembru 1996 ma’ S. (EKA), tal-ewwel kien indika li kellu diskussjonijiet mar-rikorrenti. Fis-silta, meqjusa mill-Kummissjoni fil-premessa 349 tad-deċiżjoni kkontestata, tat-traskrizzjoni mill-ġdid minn S. (FC), fin-noti tiegħu, ta’ din il-konverżazzjoni tas-16 ta’ Diċembru 1996, huwa indikat “[KUNFIDENZJALI]”. Isir ukoll riferiment, f’din il-parti tal-premessa 349 dwar din il-konverżazzjoni, fil-premessa 130 tad-deċiżjoni kkontestata. F’din l-aħħar kunsiderazzjoni, il-Kummissjoni tindika li hija tikkunsidra li din il-prova turi l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fl-akkordju, li hija pparteċipat f’kuntratt illeċitu ma’ kompetitur.
181 Fir-rigward, it-tieni nett, tan-noti meħuda minn S. (FC) rigward il-konverżazzjoni telefonika tiegħu tal-4 ta’ Diċembru 1998 ma’ S. (EKA), it-tieni waħda kienet indikat li Arkema France kellha diskussjoni mar-rikorrenti. Is-silta, meqjusa mill-Kummissjoni fil-premessa 349 tad-deċiżjoni kkontestata, tat-traskrizzjoni mill-ġdid minn S. (FC), fin-noti tagħha, tal-konverżazzjoni tal-4 ta’ Diċembru 1998, tinqara kif ġej: “[KUNFIDENZJALI]”. Isir riferiment ukoll, f’din il-parti tal-premessa 349 dwar din il-konverżazzjoni, għall-premessa 219 tad-deċiżjoni kkontestata, premessa li fuqha l-istess ċitazzjoni hija rriprodotta.
182 Fir-rigward, fit-tielet lok, tan-noti meħuda minn S. (FC) dwar il-konverżazzjoni telefonika tiegħu tad-9 ta’ Diċembru 1999 ma’ L. (Arkema France), waħda minnhom tindika li kien hemm diskussjoni mar-rikorrenti. Fir-rigward ta’ din l-aħħar konverżazzjoni telefonika, il-Kummissjoni tindika, fil-premessa 349 tad-deċiżjoni kkontestata, li hija ma kinitx fil-pożizzjoni li tippreċiża liema miż-żewġ interlokuturi kellhom diskussjoni mar-rikorrenti. Issa, kuntrarjament għal dak li tħalli x’jinftiehem il-Kummissjoni fil-premessa 349 tad-deċiżjoni kkontestata, tali impreċiżjoni ma hijiex negliġibbli. Fil-fatt, il-moltiplikazzjoni tan-numru ta’ intermedjarji għandu bħala konsegwenza tnaqqis tal-kredibbiltà tal-prova rrelatata mal-kuntatti inkwistjoni. Konswegwentement, għall-livell ta’ kredibbiltà ta’ din it-traskrizzjoni mill-ġdid, huwa iktar importanti li S. (FC) effettivament kellu din il-konverżazzjoni mar-rikorrenti milli kieku kien L. (Arkema France) li kellu din il-konverżazzjoni mar-rikorrenti.
183 Minbarra dan, dejjem fir-rigward tal-konverżazzjoni telefonika tad-9 ta’ Diċembru 1999, għandu jiġi rrilevat li s-silta tan-noti ta’ S. (FC) fuq dan is-suġġett, kif irriprodotta mill-Kummissjoni fil-premssa 349 tad-deċiżjoni kkontestata, tinqara kif ġej: “[KUNFIDENZJALI]”. Isir ukoll riferiment, f’din il-parti tal-premessa 349 dwar din il-konverżazzjoni, għall-premessa 258 tad-deċiżjoni kkontestata. F’din l-aħħar premessa, il-Kummissjoni tindika li, f’din l-okkażjoni, iż-żewġ interlokuturi ddiskutew in-neċessità li jinstab ftehim ġenerali ġdid bejn il-kompetituri. Minbarra s-silta msemmija iktar ’il fuq, jidher li n-noti ta’ S. (FC) irriprodotti fil-premessa 258 tad-deċiżjoni kkontestata kienu jippreċiżaw dan li ġej:
“[KUNFIDENZJALI]”
184 Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li, hekk kif jirriżulta mill-premessa 350 tad-deċiżjoni kkontestata, it-tliet riferimenti għar-rikorrenti, meħuda min-noti ta’ S. (FC), imsemmija fil-premessa 349 tad-deċiżjoni kkontestata, jixhdu b’mod ċar, skont il-Kummissjoni, kuntatti telefoniċi diretti kontra r-rikorrenti u jindikaw manifestament li din tal-aħħar ikkontribwixxiet direttament għall-ftehim ġenerali dwar il-prezzijiet. Minbarra dan, mill-atti tal-Kummissjoni u mit-tweġibiet għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali waqt is-seduta jirriżulta, minn naħa, li dawn it-tliet provi huma partikolarment konklużivi, u jikkostitwixxu għalhekk l-elementi prinċipali ta’ akkuża kontra r-rikorrenti sabiex juru li hija kienet ipparteċipat fi ksur uniku, kontinwu u ta’ dimensjoni Ewropea, segwita mill-Kummissjoni, min-naħa l-oħra, li r-rikorrenti ma kinitx ikkontestat dawn id-dikjarazzjonijiet u, fl-aħħar nett, li dawn il-provi kontemporanji tal-fatti jakkużaw b’mod qawwi r-rikorrenti, mingħajr madankollu ma huma l-uniċi provi prodotti mill-Kummissjoni. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti tikkontesta, fir-rigward tal-allegata parteċipazzjoni tagħha fil-ksur inkwistjoni, il-valur probatorju ta’ dawn il-provi kontemporanji tal-fatti.
185 F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, ir-rikorrenti kkontestat, fit-tweġiba tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet (ara, b’mod partikolari, il-punt 76 tat-tweġiba tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet), il-valur probatorju tan-noti ta’ S. (FC) u, b’mod partikolari, dak relatat mal-konverżazzjoni telefonika tas-16 ta’ Diċembru 1996.
186 Fit-tieni lok, b’mod ġenerali, għandu jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, dawn it-tliet riferimenti għar-rikorrenti, meħuda min-noti ta’ S. (FC), kif imsemmija fil-premessa 349 tad-deċiżjoni kkontestata, jikkostitwixxu provi indiretti tal-allegata parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur inkwistjoni.
187 Fil-fatt, dawn it-tliet riferimenti jistabbilixxu li, matul il-konverżazzjonijiet telefoniċi bejn S. (FC) u S. (EKA) (konverżazzjonijiet tas-16 ta’ Diċembru 1996 u tal-4 ta’ Diċembru 1998) jew bejn S. (FC) u L. (Arkema France) (konverżazzjoni tad-9 ta’ Diċembru 1999), kif ukoll ta’ diskussjoni bejn S. (FC) u r-rikorrenti [ara n-noti ta’ S. (FC) dwar il-konverżazzjonijiet tiegħu tas-16 ta’ Diċembru 1996 u tad-9 ta’ Diċembru 1999, sa fejn, fir-rigward tad-dubji tal-Kummissjoni fuq dan is-suġġett, huwa kkunsidrat li din l-aħħar konverżazzjoni telefonika seħħet bejn S. (FC) u r-rikorrenti] kif ukoll ta’ diskussjoni bejn Arkema France u r-rikorrenti [ara n-noti ta’ S. (FC) fuq il-konverżazzjoni tagħha tal-4 ta’ Diċembru 1998].
188 Konsegwentement, hekk kif issostni r-rikorrenti, dawn it-tliet riferimenti msemmija fil-premessa 349 tad-deċiżjoni kkontestata u meħuda min-noti ta’ S. (FC) sempliċement jirrappurtaw, indirettament, allegata diskussjoni, preċedenti għall-avveniment li għalih l-ebda wieħed minn dawn ir-riferimenti huwa relatat direttament, bejn kompetituri tar-rikorrenti u din tal-aħħar. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-valur probatorju ta’ dawn il-provi tnaqqas, peress li ma humiex relatati, magħhom infushom, b’mod dirett, mal-prova tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur inkwistjoni. Sabiex tali noti jkunu jistgħu jikkostitwixxu prova diretta ta’ din il-parteċipazzjoni, tali prova għandha tinkiseb direttament mill-Kummissjoni mingħand ir-rikorrenti (fl-okkażjoni ta’ tfittxija fil-bini tagħha, pereżempju, tfittxija li, f’dan il-każ, ma saritx bir-reqqa) jew, forsi, jekk din hija nota mitkuba bl-idejn kontemporanja tal-fatti [bħal dawk ta’ S. (FC)] li jiddeskrivu dak li ġie diskuss bejn l-awtur ta’ din in-nota u r-rikorrent. Issa, f’dan il-każ, ebda wieħed minn dawn it-tliet riferimenti meħuda min-noti ta’ S. (FC) u kkunsidrati mill-Kummissjoni fil-premessa 349 tad-deċiżjoni kkontestata ma jikkostitwixxi tali prova diretta tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur inkwistjoni.
189 Għalhekk, minkejja t-tliet riferimenti magħmula għar-rikorrenti, ibbażati fuq in-noti ta’ S. (FC), kif imsemmija fil-premessa 349 tad-deċiżjoni kkontestata, jikkostitwixxu provi addizzjonali tal-ksur, u jirreferu għal avvenimenti li jistgħu jikkaratterizzaw dan il-ksur, għandu madankollu jiġi kkonstatat li ma humiex avvenimenti kontemporanji li jimplikaw direttament lir-rikorrenti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, minkejja l-fatt li dawn it-tliet riferimenti jirreferu għal elementi li seħħew matul il-perijodu tal-ksur, hemm lok, sabiex jiġu kklassifikati bħala probatorji, li jiġi vverifikat li huma kkonfermati b’mod suffiċjenti bi provi oħra.
190 It-tielet nett, fir-rigward tal-allegati diskussjonijiet bejn S. (FC) u r-rikorrenti, kif imsemmija fin-noti ta’ S. (FC) rigward konverżazzjonijiet telefoniċi tas-16 ta’ Diċembru 1996, jew tad-9 ta’ Diċembru 1996, u għaldaqstant, għal darb’oħra li, fid-dawl tad-dubji tal-Kummissjoni fuq dan is-suġġett, huwa kkunsidrat li din l-aħħar konverżazzjoni telefonika seħħet bejn S. (FC) u r-rikorrenti, huwa tassew sorprendenti li S. (FC) ma niżżilx it-traskrizzjoni mill-ġdid tan-noti tiegħu.
191 Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mill-atti tal-proċess, u iktar partikolarment mis-silta tan-noti ta’ S. (FC), dan tal-aħħar kellu manifestament bħala abitudni li jniżżel, fin-noti tiegħu, il-kuntatti tiegħu (telefoniċi jew waqt il-laqgħat tiegħu) mal-kompetituri ta’ FC. Huwa, wara kollox, dak li l-Kummissjoni tħalli x’jifhem fl-aħħar sentenza tal-premessa 352 tad-deċiżjoni kkontestata, meta hija ssostni li “[i]n-noti ta’ S. (FC) huma minuti jew reġistrazzjonijiet tal-laqgħat u ta’ konverżazzjonijiet telefoniċi li huwa kien ipparteċipa fihom”. Għaldastant, għandu jiġi kkonstatati li, f’dawn in-noti, ma jeżistux minuti jew reġistrazzjoni ta’ xi kuntatt telefoniku dirett bejn S. (FC) u r-rikorrenti.
192 Fir-raba’ lok, hemm lok li jiġi kkonstatat li mit-traskrizzjoni tas-seduta ta’ S. (FC) mill-Kummissjoni jirriżulta li, f’din l-okkażjoni, huwa ma għamilx riferiment, u għalhekk ma kkonfermax, dawn iż-żewġ konverżazzjonijiet mar-rikorrenti, hekk kif imsemmija fin-noti tiegħu li jikkonċernaw il-konverżazzjonijiet tiegħu tas-16 ta’ Diċembru 1996 u tad-9 ta’ Diċembru 1999. Bl-istess mod, il-Qorti Ġenerali tosserva li l-Kummissjoni wkoll ma kkunsidratx neċessarju, matul din l-istess seduta, li titlob lil S. (FC) jiċċaralha la rigward in-nuqqas ta’ reġistrazzjoni tan-noti tiegħu ta’ allegati konversazzjonijiet telefoniċi mar-rikorrenti u lanqas rigward is-suġġett ta’ dawn id-diskussjonijiet u lanqas rigward it-tifsira li għandha tingħata lil dawn it-tliet riferimenti magħmula għar-rikorrenti, meħuda min-noti tiegħu u msemmija fil-premessa 349 tad-deċiżjoni kkontestata.
193 Fit-tielet lok, għandu jiġi evalwat, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 184 sa 192 iktar ’il fuq, il-valur probatorju li jista’ jingħata lil kull wieħed mit-tliet riferimenti msemmija fil-premessa 349 tad-deċiżjoni kkontestata.
194 Fl-ewwel lok, fir-rigward tan-noti ta’ S. (FC) li jikkonċernaw il-konverżazzjoni telefonika tas-16 ta’ Diċembru 1996, ċertament wieħed jista’ jirrikonoxxi li l-indikazzjoni f’din in-nota, kif enfasizzat il-Kummissjoni fil-premessa 349 tad-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri “[KUNFIDENZJALI]” tista’ tikkostitwixxi bidu tal-prova fir-rigward tal-eżistenza ta’ kuntatti diretti bejn membru tal-kartell u r-rikorrenti.
195 Madankollu, hekk kif ġie rrilevat fil-kunsiderazzjonijiet ġenerali esposti fil-punti 186 sa 192 iktar ’il fuq, hemm lok li jiġi kkonstatat li ma jeżistux noti ta’ S. (FC) li jirreferu direttament għall-allegata diskussjoni tiegħu mar-rikorrenti li fiha jsir riferiment fin-noti tiegħu għall-konverżazzjoni telefonika tas-16 ta’ Diċembru 1996. Lanqas ma nstabet, fit-traskrizzjoni tas-seduta tiegħu, informazzjoni kemm tal-konverżazzjoni telefonika tas-16 ta’ Diċembru 1996 u kemm ta’ din l-allegata diskussjoni preċedenti mar-rikorrenti. Barra minn hekk, fil-premessa 130 tad-deċiżjoni kkontestata, li tirreferi għal din il-konverżazzjoni telefonika, il-Kummissjoni ma rreferiet għal ebda prova oħra li tista’ tagħti lin-noti ta’ S. (C) valur probatorju suffiċjenti dwar dan is-suġġett. Wara kollox, għandu jiġi kkonstatat li mid-dikjarazzjonjiet ta’ EKA ma tirriżultax xi prova li tista’ tikkonferma l-kontenut tal-konverżazzjoni telefonika tas-16 ta’ Jannar 1996, kif irrpapurtata fin-nota ta’ S. (FC).
196 Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li, fin-nuqqas ta’ kwalunkwe prova li tikkonferma l-kliem tan-noti ta’ S. (FC) fir-rigward tal-konverżazzjoni telefonika tas-16 ta’ Diċembru 1996, li fl-okkażjoni tagħha isem ir-rikorrenti kien issemma, iżda li ma implikahx direttament, ir-riferiment magħmul għar-rikorrenti f’dawn in-noti ma jikkostitwixxix prova suffiċjentement affidabbli fir-rigward tal-prova tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur inkwistjoni.
197 It-tieni nett, fir-rigward tan-noti ta’ S. (FC) dwar il-konverżazzjoni telefonika tal-4 ta’ Diċembru 1998 bejn S. (FC) u S. (EKA), minkejja n-natura vaga tal-kliem użati mill-Kummissjoni sabiex tirrapporta l-allegata diskussjoni bejn Arkema France u r-rikorrenti, jista’ jiġi konkluż li l-indikazzjoni f’din in-nota, kif murija mill-Kummissjoni fil-premessa 349 tad-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri “[KUNFIDENZJALI]”, tista’ wkoll tikkostitwixxi bidu ta’ prova rigward l-eżistenza ta’ kuntatti diretti bejn membru tal-kartell u r-rikorrenti.
198 Madankollu, għandu l-ewwel nett jiġi rrilevat li din in-nota ma tirreferix għal diskussjoni bejn wieħed mill-interlokuturi ta’ din il-konverżazzjoni telefonika tal-4 ta Diċembru 1998 u r-rikorrenti, iżda tagħmel riferiment għal diskussjoni bejn terzi, Arkema France, u r-rikorrenti. Sussegwentement, hemm lok li jiġi kkonstatat li ma jirriżultax mit-traskrizzjoni tas-seduta ta’ S. (FC) mill-Kummissjoni ta’ kwalunkwe informazzjoni li tagħti iktar kjarifiki fuq il-kliem tal-konverżazzjoni tal-4 ta’ Diċembru 1998, bħat-traskrizzjonijiet mill-ġdid tan-noti tiegħu. Barra minn hekk, hemm lok li jiġi rrilevat li, fil-premessa 219 tad-deċiżjoni kkontestata, li tirreferi għal din il-konverżazzjoni telefonika, il-Kummissjoni ma tipproduċi ebda prova li tista’ tagħti lin-noti ta’ S. (FC) valur probatorju suffiċjenti dwar dan is-suġġett. Bl-istess mod, għandu mill-ġdid jiġi kkonstatat li ma jirriżultax mid-dikjarazzjonijiet ta’ EKA xi element li jista’ jikkonferma l-kontenut tal-konverżazzjoni telefonika tal-4 ta’ Diċembru 1998, kif irrapurtata fin-nota ta’ S. (FC). Fl-aħħar nett, għandu jiġi osservat li ma jirriżultax mid-dikjarazzjonijiet ta’ Arkema France [M.L. (Arkema France)] matul is-seduta tagħha mill-Kummissjoni, fl-24 ta’ Settembru 2004, xi element li jista’ jikkorrabora l-kontenut tal-konverżazzjoni telefonika tal-4 ta’ Diċembru 1998, kif irrappurtata fin-noti ta’ S. (FC), jiġifieri li Arkema France kellha diskussjonijiet mar-rikorrenti. Din l-aħħar konstatazzjoni ma hijiex, barra minn hekk, sorprendenti, peress li, hekk kif issostni r-rikorrenti, jirriżulta mit-traskrizzjoni ta’ din l-istess seduta ta’ Arkema France li hija kienet identifikat lir-rikorrenti bħala membru tal-akkordju, unikament fuq l-ewwel perijodu mix-xahar ta’ Ottubru 1994 sa nofs 1998, u mhux matul it-tieni perijodu, li kien minn nofs is-sena 998 sax-xahar ta’ Mejju 2000.
199 Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li, fin-nuqqas ta’ kwalunkwe prova li tikkonferma l-kontenut tan-noti ta’ S. (FC) fir-rigward tal-konverżazzjoni telefonika tal-4 ta’ Diċembru 1998, ir-riferiment magħmul fir-rigward tar-rikorrenti f’dawn in-noti ma jikkostitwixxix prova suffiċjentement affidabbli dwar il-prova tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur inkwistjoni.
200 It-tielet nett, fir-rigward tan-noti ta’ S. (FC) dwar il-konverżazzjoni telefonika tad-9 ta’ Diċembru 1999 bejn S. (FC) u L. (Arkema France), jista’ mill-ġdid jiġi rrikonoxxut li l-indikazzjoni f’din in-nota, hekk kif tiġbed l-attenzjoni għaliha l-Kummissjoni fil-premessa 349 tad-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri “[KUNFIDENZJALI]”, tista’ tikkostitwixxi bidu ta’ prova rigward l-eżistenza ta’ kuntatti diretti bejn membru tal-kartell u r-rikorrenti.
201 Madankollu, minn naħa, jekk jiġi preżunt li kien S. (FC) li ddiskuta mar-rikorrenti, hekk kif diġà ġie rrilevat fil-kunsiderazzjonijiet ġenerali esposti fil-punti 186 sa 192 iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li ma teżistix nota ta’ S. (FC) li tirreferi direttament għall-allegata diskussjoni tiegħu mar-rikorrenti, li għaliha sar riferiment fin-noti tiegħu. Minbarra dan, ebda informazzjoni ma nstabet fit-traskrizzjoni tas-seduta tiegħu dwar din l-allegata diskussjoni mar-rikorrenti. Barra minn hekk, fil-premessa 258 tad-deċiżjoni kkontestata, li tirreferi għal din il-konverżazzjoni telefonika, il-Kummissjoni ma pproduċiet ebda prova li tista’ tagħti lin-noti ta’ S. (FC) valur probatorju suffiċjenti rigward il-konverżazzjoni telefonika tad-9 ta’ Diċembru 1999. Fl-aħħar nett, fid-dawl tal-fatt li din kienet il-konverżazzjoni telefonika tal-4 ta’ Diċembru 1998, ma jirriżulta, mid-dikjarazzjonijiet ta’ Arkema France [L. (Arkema France)], matul is-seduta tagħha mal-Kummissjoni, l-ebda element li jista’ jikkjarifika lill-Qorti Ġenerali dwar in-noti meħuda minn S. (FC) matul il-konverżazzjoni telefonika tiegħu tad-9 ta’ Diċembru 1999.
202 Min-naħa l-oħra, anki jekk jiġi preżunt li kien L. (Arkema France) li kellu konversazzjoni mar-rikorrenti, għalhekk għandu jiġi kkonstatat li teżisti inkoerenza bejn il-kliem ta’ din il-konverżazzjoni, kif traskritta minn S. (FC) fin-noti tiegħu, u d-dikjarazzjonijiet ta’ L. (Arkema France), matul is-seduta tiegħu tal-24 ta’ Settembru 2004. Fil-fatt, mhux biss ma jirriżulta mid-dikjarazzjonijiet ta’ Arkema France, matul din is-seduta, xi kuntatt bejnha u r-rikorrenti, iżda fuq kollox, u mill-ġdid, hekk kif issostni r-rikorrenti, jidher li, filwaqt li Arkema France identifikat ir-rikorrenti bħala membru tal-akkordju fuq l-ewwel perijodu mix-xahar ta’ Ottubru 1994 sa nofs is-sena 1998, dan ma kienx il-każ fir-rigward tal-perijodu minn nofs l-1998 sax-xahar ta’ Mejju 2000.
203 Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li, fin-nuqqas ta’ kwalunkwe prova li tista’ tikkonferma l-kontenut tan-noti ta’ S. (FC) fir-rigward tal-konverżazzjoni telefonika tad-9 ta’ Diċembru 1999, ir-riferiment magħmul għar-rikorrenti f’dawn in-noti ma jikkostitwixxix prova suffiċjentement affidabbli fir-rigward tal-prova tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur inkwistjoni.
204 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha esposti fil-punti 178 sa 203 iktar ’il fuq, fin-nuqqas ta’ kwalunkwe prova li tista’ tikkonferma l-kontenut tat-tliet riferimenti magħmula għar-rikorrenti, meħuda min-noti ta’ S. (FC) u msemmija fil-premessa 349 tad-deċiżjoni kkontestata, hemm lok li jiġi kkusidrat li dawn it-tliet provi kkunsidrati mill-Kummissjoni ma humiex suffiċjentement affidabbli sabiex ikunu jistgħu, inkwantu tali, iservu bħala provi li jistabbilixxu aġir li jikkostitwixxi ksur tar-rikorrenti.
– Fuq id-dikjarazzjonijiet ta’ FC u ta’ EKA
205 Fir-rigward tad-dikjarazzjonijiet tal-kompetituri tar-rikorrenti, hekk kif ġie rrilevat fil-punt 175 iktar ’il fuq, l-eżami tal-valur probatorju tagħhom jikkonċerna biss id-dikjarazzjonijiet ta’ EKA u ta’ FC.
206 Fl-ewwel lok, għandu jiġi eżaminat l-argument imqajjem mir-rikorrenti sabiex tikkontesta l-affidabbiltà tad-dikjarazzjonijiet tal-kompetituri sabiex jibbenefikaw mill-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni. Fid-dawl ta’ dan, huwa suffiċjenti li jitfakkar li, hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza esposta fil-punti 100 u 106 iktar ’il fuq, l-ebda dispożizzjoni u l-ebda prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni ma jipprekludu lill-Kummissjoni milli tibbaża ruħha, kontra impriża, fuq dikjarazzjonijiet ta’ impriżi imputati oħra, anki jekk dawn kienu nġabru mill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ talba intiża favur il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni sabiex tinkiseb immunità jew tnaqqis mill-multa. Madankollu, jirriżulta minn dawn l-istess punti li d-dikjarazzjoni ta’ impriża akkużata li ħadet sehem f’akkordju, li l-eżattezza tagħha hija kkontestata minn diversi impriżi oħra akkużati, ma tistax titqies li tikkostitwixxi prova suffiċjenti tal-eżistenza ta’ ksur imwettaq minn dawn tal-aħħar mingħajr ma tiġi sostnuta minn provi oħra, għalkemm il-livell meħtieġ ta’ korroborazzjoni jista’ jkun inqas mill-fatt tal-affidabbiltà tad-dikjarazzjonijiet inkwistjoni. Tali kundizzjoni ta’ korroborazzjoni tad-dikjarazzjoni ta’ impriża għandha tiġi osservata wkoll fil-każ ta’ kontestazzjoni ta’ din id-dikjarazzjoni minn impriża oħra akkużata. Issa, huwa paċifiku li, f’dan il-każ, ir-rikorrenti tikkontesta l-eżattezza tad-dikjarazzjonijiet ta’ EKA u ta’ FC.
207 Fit-tieni lok, għandha tiġi evalwata l-affidabbiltà tad-dikjarazzjonijiet ta’ EKA u ta’ FC.
208 L-ewwel nett, fir-rigward tad-dikjarazzjonijiet ta’ EKA, dawn id-dikjarazzjonijiet jissemmew mill-Kummissjoni fil-parti 4.3, fir-rigward tal-laqgħa f’Turku tal-14 ta’ Ottubru 1997 u l-laqgħa illeċita tat-28 ta’ Jannar 1998.
209 F’dak li jikkonċerna d-dikjarazzjonijiet ta’ EKA dwar il-laqgħa f’Turku tal-14 ta’ Ottubru 1997, bejn FC u EKA, dawn huma ċċitati fil-premessa 162 tad-deċiżjoni kkontestata, fil-parti 4.3. F’din is-silta tad-dikjarazzjonijiet ta’ EKA, riprodotta fil-premessa 162, huwa indikat li FC żiedet konstantement il-kunsinni tagħha fi Spanja u l-Portugall, u li r-riskju kien li dan kellu bħala konsegwenza li l-produtturi Spanjoli jittrasferixxu ruħhom fi Franza. EKA kienet sussegwentement iddikjarat: “KUNFIDENZJALI”.
210 Sussegwentement, fil-premessi 163 u 164 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tiċċita n-noti ta’ S. (FC) u dawk ta’ W. (EKA). Madankollu, għandu jiġi rrilevat li, jekk dawn in-noti jistabbilixxu l-preokupazzjonijiet ta’ Arkema France u ta’ EKA rigward il-prospettivi fis-suq Spanjol, fl-ebda mument ma jidher isem ir-rikorrenti, direttament jew indirettament.
211 Fl-aħħar nett, fil-konklużjoni tagħha fil-premessa 165 tad-deċiżjoni kkontestata, rigward il-laqgħa ta’ Turku tal-14 ta’ Ottubru 1997, il-Kummissjoni kkonstatat dan li ġej:
“Il-kwistjoni tan-nuqqas ta’ osservanza minn [FC] tal-ishma mis-suq fil-Portugall, fi Spanja u fi Franza ġiet indirizzata. EKA u [FC] ftehmu wkoll fuq żieda fil-prezzijiet f’dawn il-pajjiżi, bil-kundizzjoni tas-sostenn ta’ kompetituri oħra” [traduzzjoni mhux uffiċjali].
212 Din l-aħħar interpretazzjoni kkunsidrata mill-Kummissjoni rigward id-dikjarazzjonijiet ta’ EKA ċċitati fil-premessa 162 tad-deċiżjoni kkontestata ma tistax tiġi aċċettata. Fil-fatt, jirriżulta b’mod partikolari mill-kontenut ta’ din id-dikjarazzjoni li EKA u FC kienu qablu bejniethom sabiex josservaw ir-reazzjonijiet tal-kompetituri l-oħra fil-każ fejn huma jżidu l-prezzijiet tagħhom. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-provi fil-fajl, u kuntrarjament għal dak li l-Kummissjoni tqis fil-premessa 165 tad-deċiżjoni kkontestata, ma jistax jiġi dedott li s-sostenn ta’ kompetituri bħar-rikorrenti kellu jintlaqa’ sabiex ikun hemm żieda fil-prezzijiet. Minbarra dan, hekk kif diġà ġie rrilevat iktar ’il fuq, jekk in-noti ta’ S. (FC) u W. (EKA), iċċitati rispettivament fil-premessi 163 u 164 tad-deċiżjoni kkontestata, juru tensjonijiet fis-suq Spanjol u dak Portugiż, flimkien ma’ riskji ta’ riperkussjonijiet fis-suq Franċiż, dawn in-noti ma jsemmu l-ebda implikazzjoni tar-rikorrenti u lanqas ma jikkonfermaw id-dikjarazzjoni ta’ EKA dwar l-eżistenza ta’ ftehim fuq iż-żieda fil-prezzijiet, ikkundizzjonata minn sostenn ta’ kompetituri bħar-rikorrenti.
213 Fl-aħħar nett, f’kull każ, hekk kif issostni r-rikorrenti, ma jistax jiġi eskluż li, skont aġir tal-atturi f’suq kompetittiv, jekk wieħed minnhom kellu, minħabba l-penetrazzjoni ta’ kompetitur f’dan is-suq, jitlef ishma mis-suq, ikun naturali li huwa jipprova jsib klijenti fi swieq relatati. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, il-fatt li FC u EKA setgħu jindikaw, matul il-laqgħa f’Turku tal-14 ta’ Ottubru 1997, li seta’ kien hemm riskju ta’ riperkussjonijiet fis-suq Franċiż biż-żieda tal-kunsinni ta’ FC fis-suq Spanjol ma jistax, mingħajr provi oħra ta’ sostenn, jiġi interpretat li jipprova l-parteċipazzjoni ta’ kompetitur bħar-rikorrenti fi ksur fis-sens tal-Artikolu 81 KE. Għalhekk, fin-nuqqas ta’ provi oħra li jikkorroboraw id-dikjarazzjoni ta’ EKA, hemm lok li jiġi kkunsidrat korrettament li r-rikorrenti tikkontesta l-affidabbiltà ta’ din id-dikjarazzjoni.
214 F’dak li jikkonċerna d-dikjarazzjonijiet ta’ EKA dwar il-laqgħa illeċita tat-28 ta’ Jannar 1998, dawn jissemmew mill-Kummissjoni fil-parti 4.3 tad-deċiżjoni kkontestata. Iktar preċiżament, huwa fil-premessa 182 tad-deċiżjoni kkontestata li l-Kummissjoni tiddikjara li, “fid-dikjarazzjonijiet tagħhom, EKA, FC u r-rikorrenti indikaw li S. (EKA), L. (Arkema France), A. (Aragonesas) u S. (FC) kienu pparteċipaw f’din il-laqgħa” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Konsegwentement, sa fejn, hekk kif ġie indikat iktar ’il fuq, it-tielet tip ta’ prova li għandha l-Kummissjoni tinsab fl-ammissjoni tar-rikorrenti rigward il-parteċipazzjoni tagħha għal-laqgħa illeċita tat-28 ta’ Jannar 1998, hemm lok li jiġi rriżervat l-eżami tal-affidabbiltà tad-dikjarazzjonijiet ta’ EKA, fir-rigward ta’ din il-laqgħa, sabiex issir l-analiżi tagħha fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-valur probatorju ta’ din l-ammissjoni.
215 Fit-tieni lok, fir-rigward tad-dikjarazzjonijiet ta’ FC, dawn id-dikjarazzjonijiet jissemmew mill-Kummissjoni fil-parti 4.3 unikament f’dak li jikkonċerna l-laqgħa illeċita tat-28 ta’ Jannar 1998. Iktar preċiżament, kien ukoll fil-premessa 182 tad-deċiżjoni kkontestata li l-Kummissjoni tiddikjara li “fid-dikjarazzjonijiet tagħhom, EKA, FC u [ir-rikorrenti] indikaw li [S. (EKA), L. (Arkema France), A. (Aragonesas) u S. (FC)] kienu pparteċipaw f’din il-laqgħa” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Konsegwentement, għall-istess raġunijiet bħal dawk sostnuti fil-punt 214 iktar ’il fuq, fir-rigward tad-dikjarazzjonijiet ta’ EKA dwar il-laqgħa illeċita tat-28 ta’ Jannar 1998, hemm lok li jiġi rriżervat l-eżami tal-affidabbiltà tad-dikjarazzjonijiet ta’ FC dwar din il-laqgħa, sabiex dan isir fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-valur probatorju ta’ din l-ammissjoni.
– Fir-rigward tal-ammissjoni tar-rikorrenti dwar il-parteċipazzjoni tagħha fil-laqgħa illeċita tat-28 ta’ Jannar 1998
216 Ir-rikorrenti ma tikkontestax li pparteċipat fil-laqgħa illeċita tat-28 ta’ Jannar 1998. Min-naħa l-oħra, hija ssostni li, hekk kif jirriżulta min-noti ta’ S. (FC), din il-parteċipazzjoni kienet parzjali u li tali parteċipazzjoni waħedha minn 72 kuntatt antikompetittiv elenkati fl-Anness I tad-deċiżjoni kkontestata hija insuffiċjenti biex tistabbilixxi l-prova tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur inkwistjoni.
217 Għandu jitfakkar, f’dak li jikkonċerna l-ammissjoni tar-rikorrenti rigward il-parteċipazzjoni tagħha fil-laqgħa illeċita tat-28 ta’ Jannar 1998, li mill-ġurisprudenza jirriżulta li r-rikonoxximent espliċitu jew impliċitu tal-punti ta’ fatt jew ta’ liġi minn impriża matul il-proċedura amministrattiva quddiem il-Kummissjoni jista’ jikkostitwixxi prova addizzjonali matul l-evalwazzjoni tal-fondatezza ta’ azzjoni ġudizzjarja (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-1 ta’ Lulju 2010, Knauf Gips vs Il‑Kummissjoni, C‑407/08 P, Ġabra p. I‑6375, punt 90).
218 Għaldaqstant, sabiex tali ammissjoni tiġi aċċettata bħala prova affidabbli, fl-istadju tal-evalwazzjoni tal-fondatezza ta’ azzjoni ġudizzjarja għandu jsir stħarriġ dwar jekk il-kontenut ta’ din l-ammissjoni jikkompletax provi oħra prodotti mill-Kummissjoni.
219 Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti għal-laqgħa illeċita tat-28 ta’ Jannar 1998, huwa mal-ewwel paċifiku li r-rikorrenti espliċitament irrikonoxxiet, matul il-proċedura amministrattiva quddiem il-Kummissjoni, li pparteċipat fiha.
220 Sussegwentement, għandu jiġi rrilevat li, kuntrarjament għal dak li l-Kummissjoni sostniet fl-atti tagħha u hekk kif hija espressament irrikonoxxiet fl-osservazzjonijiet tagħha tat-3 ta’ Settembru 2010, dwar ir-rapport tas-seduta, il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-laqgħa illeċita tat-28 ta’ Jannar 1998 tikkostitwixxi l-ewwel parteċipazzjoni tar-rikorrenti f’laqgħa tal-akkordju inkwistjoni. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li din il-konstatazzjoni tirriżulta b’mod espliċitu mid-dikjarazzjonijiet ta’ FC hekk kif jidhru fil-fajl tal-Kummissjoni. Skont dawn id-dikjarazzjonijiet, jirriżulta li, fir-rigward tal-laqgħa illeċita tat-28 ta’ Jannar 1998, din il-laqgħa tal-kartell kienet paragunabbli mal-preċedenti “bid-differenza li din kienet timplika wkoll [ir-rikorrenti].”
221 Fit-tieni lok, jirriżulta mill-premessi 182 sa 186 tad-deċiżjoni kkontestata li l-Kummissjoni espressament irriferiet, barra minn dan ir-rikonoxximent espliċitu tar-rikorrenti fir-rigward tal-parteċipazzjoni tagħha għal-laqgħa illeċita tat-28 ta’ Jannar 1998, għal provi oħra li jippermettu li tiġi kkonstatata din il-parteċipazzjoni. Huwa għalhekk li hija rreferiet, minn naħa, għan-noti ta’ S. (FC) bħala li jirreferu għal din il-laqgħa, hekk kif riprodotti fl-paġni 1159 u 1160 tal-fajl tal-Kummissjoni, u, min-naħa l-oħra, għad-dikjarazzjonijiet ta’ EKA.
222 Fir-rigward ta’ dawn il-paġni tal-fajl, li fihom noti ta’ S. (FC), il-Qorti Ġenerali tikkonstata li, bħala tweġiba għal mistoqsija magħmula lir-rikorrenti waqt is-seduta, din tal-aħħar indikat li hija ma kinitx iktar ċerta li n-noti li jirriproduċu dawn il-paġni tal-fajl kienu jirreferu effettivament għal-laqgħa illeċita tat-28 ta’ Jannar 1998 u li, jekk dan kien il-każ, huma kienu qed jiddeskrivu laqgħa li A. (Aragonesas) ma kienx ipparteċipa fiha.
223 F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali tosserva li jirriżulta mill-ewwel ċar mill-punt 24 tat-tweġiba tar-rikorrenti għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonjiet li hija ċċitat verbatim ċerti siltiet meħuda min-noti ta’ S. (FC) u, iktar preċiżament, dawk meħuda mill-inċiżi 14 sa 22 u mill-inċiżi 24 sa 32 ta’ dawn in-noti. Minbarra dan, dejjem fil-punt 24 tat-tweġiba tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, ir-rikorrenti tidentifika espressament il-punt 163 ta’ din id-dikjarazzjoni bħala li jipproduċi l-kontenut tan-noti ta’ S. (FC) dwar il-laqgħa illeċita tat-28 ta’ Jannar 1998. Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li, fil-punt 25 tat-tweġiba tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, ir-rikorrenti tifformula osservazzjonjiet dwar il-kontenut tan-noti ċċitati fil-punt 163 ta’ din id-dikjarazzjoni, iżda, fl-ebda mument ma tikkontesta li dawn in-noti jirrigwardaw skambju li seħħ matul il-laqgħa illeċita tat-28 ta’ Jannar 1998, fil-preżenza ta’ A. (Aragonesas).
224 Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li jirriżulta mit-tieni paragrafu introduttiv tan-noti ta’ S. (FC) li jirreferu għal-laqgħa illeċita tat-28 ta’ Jannar 1998, hekk kif jingħad fil-parti ta’ fuq tal-paġna 1159, li l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti għal din il-laqgħa kienet ġiet ipprogrammata minn S. (FC) u L. (Arkema France).
225 Fit-tielet lok, min-noti ta’ S. (FC) meħuda waqt il-laqgħa illeċita tat-28 ta’ Jannar 1998, kif riprodotti fil-paġni 1159 u 1160 tal-fajl tal-Kummissjoni, jirriżulta li, mingħajr ma dan ġie kkontestat mir-rikorrenti fl-atti tagħha jew waqt is-seduta, isimha jidher kemm impliċitament fil-forma mqassra, jiġifieri “Arag.” Jew “Ara” jew indirettament taħt isem tar-rappreżentant tagħha, A. (Aragonesas), fl-iskambji li seħħew bejn il-parteċipanti matul din il-laqgħa.
226 Konsegwentement, għandu l-ewwel nett jiġi kkunsidrat li n-noti ta’ S. (FC) li jinsabu fil-paġni 1159 u 1160 tal-fajl tal-Kummissjoni jirreferu, kuntrarjament għal dak li tallega preżentement il-Kummissjoni, għal-laqgħa illeċita tat-28 ta’ Jannar 2008 li fiha hija rrikonoxxiet li pparteċipat. Għalhekk, dawn in-noti huma kontemporanji ta’ avveniment li għalih ir-rikorrenti pparteċipat direttament.
227 Sussegwentement, l-ammissjoni tar-rikorrenti fir-rigward tal-parteċipazzjoni tagħha għal-laqgħa illeċita tat-28 ta’ Jannar 1998 tikkompleta, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 217 iktar ’il fuq, in-noti ta’ S. (FC) u d-dikjarazzjonijiet ta’ EKA u ta’ FC f’dak li jikkonċerna l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti f’din il-laqgħa (ara l-punti 214 u 215 iktar ’il fuq), din l-ammissjoni, kif ukoll dawn in-noti u dikjarazzjonijiet, jikkostitwixxu provi suffiċjentement affidabbli sabiex ikunu leġittimament akkużatorji fir-rigward tar-rikorrenti.
Fuq in-natura preċiża u konkordanti tas-serje ta’ indizji invokati mill-Kummissjoni sabiex turi l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur inkwistjoni.
228 Fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 95 u 96 iktar ’il fuq ukoll fir-rigward tal-konklużjonijiet li ssemmew preċedement fir-rigward tal-provi miġbura mill-Kummissjoni u fir-rigward tal-valur probatorju rispettiv tagħhom, għandu preżentement jiġi evalwat globalment jekk is-serje ta’ indizji invokati mill-Kummissjoni, sabiex tipproduċi l-prova tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur inkwistjoni, iwieġbux għar-rekwiżiti ta’ preċiżjoni u ta’ konkordanza li jippermettu li tiġi stabbilita l-konvinzjoni soda li r-rikorrenti pparteċipat fil-ksur inkwistjoni.
229 Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li, fir-rigward tal-laqgħa illeċita tat-28 ta’ Jannar 1998, laqgħa li fiha r-rikorrenti rrikonoxxiet li pparteċipat, jirriżulta kemm min-noti ta’ S. (FC) kif ukoll mid-dikjarazzjonijiet ta’ FC u ta’ EKA li l-parteċipanti għal din il-laqgħa, f’din l-okkażjoni, skambjaw informazzjoni sensittiva fuq l-attivitajiet tagħhom fit-territorju kollu taż-ŻEE u, min-naħa l-oħra, innegozjaw bejniethom ishma mis-suq tagħhom u l-prezzijiet ta’ bejgħ tagħhom.
230 F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, hekk kif il-Kummissjoni ġustament irrilevat fil-premessi 183 sa 186 tad-deċiżjoni kkontestata, il-parteċipanti eżaminaw fil-fond is-swieq tal-klorat tas-sodju fi Spanja, fi Franza, fil-Portugall, filwaqt li ddiskutew is-sitwazzjoni tagħhom fis-suq Belġjan.
231 Huwa għalhekk li, l-ewwel nett, fir-rigward ta’ dawn is-swieq, jirriżulta mill-inċiżi 9 sa 32 tan-noti ta’ S. (FC) li l-parteċipanti skambjaw data relatata mal-volumi ta’ produzzjoni tagħhom, mal-prezzijiet ta’ bejgħ tagħhom u mal-ishma fis-suq tagħhom, u dan fir-rigward, b’mod partikolari, tas-snin 1996 u 1997. Ċertament, ir-rikorrenti tikkontesta l-ammont li jikkonċernaha, kif riprodott fl-inċiżi 14 u 19 tan-noti ta’ S. (FC) fir-rigward tal-laqgħa illeċita tat-28 ta’ Jannar 1998. Madankollu għandu jiġi kkonstatat li, min-naħa, ir-rikorrenti rrikonoxxiet li pparteċipat f’din il-laqgħa, min-naħa l-oħra, hija ma tikkontestax is-suġġett tad-diskussjonjiet riprodotti fl-inċiżi 9 sa 28 ta’ dawn in-noti, barra minn hekk, hija ma tikkontestax li pparteċipat fl-iskambji rriprodotti fl-inċiżi 14 u 19 ta’ dawn in-noti, iżda unikament l-ammonti tad-data li tikkonċernaha u li jidhru fihom u, fl-aħħar nett, hija lanqas ma tikkontesta, hekk kif ġie riprodott fl-inċiż 21, “KUNFIDENZJALI” u, fl-inċiż 22, “KUNFIDENZJALI”.
232 Sussegwentement, hekk kif jirriżulta min-noti ta’ S. (FC) dwar il-laqgħa illeċita tat-28 ta’ Jannar 2008, mid-dikjarazzjonijiet tiegħu u mid-dikjarazzjonijiet ta’ EKA tal-2003, il-parteċipanti, u b’mod partikolari r-rikorrenti, daħlu wkoll f’negozjati sabiex jallokaw l-ishma tas-suq, jew sabiex jiffissaw prezzijiet. Huwa għalhekk li huwa indikat fl-inċiż 23 tan-noti ta’ S. (FC) dwar il-laqgħa illeċita tat-28 ta’ Jannar 1998 li, fir-rigward tas-suq Spanjol, [KUNFIDENZJALI]. Bl-istess mod, jirriżulta mill-inċiżi 29 u 30 ta’ dawn in-noti ta’ S. li, fir-rigward ta’ din id-darba tas-suq Franċiż, [KUNFIDENZJALI].
233 Konsegwentement, jirriżulta minn dawn in-noti li, hekk kif ġie kkonfermat fid-dikjarazzjonijiet ta’ FC u ta’ EKA, l-għan tal-laqgħa illeċita tat-28 ta’ Jannar 1998 kien antikompetittiv u li n-negozjati rrigwardaw diversi swieq tat-territorju taż-ŻEE. Għalhekk, fir-rigward tal-parteċipazzjoni sostanzjali tar-rikorrenti f’din il-laqgħa, u dan, b’mod partikolari, fir-rigward tal-espressjoni tal-allegazzjonijiet tagħha fir-rigward ta’ volumi fis-suq Spanjol u Franċiż, u tal-konferma rigward iż-żamma tal-prezzijiet tagħha fis-suq Franċiż, hija ma tistax tallega li hija ma kinitx taf jew ma kinitx fil-pożizzjoni li tikkonstata l-għan antikompetittiv ta’ din il-laqgħa. Fl-aħħar nett, waqt il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti għal-laqgħa illeċita tat-28 ta’ Jannar 1998, hemm lok li jiġi kkonstatat li, minn naħa, il-perspettiva tagħha kienet manifestament li hija tipparteċipa fiha u li, min-naħa l-oħra, xejn ma jħalli x’juri li hija kienet pubblikament iddistakkat ruħha mill-għan antikompetittiv ta’ din il-laqgħa.
234 Fit-tieni lok, il-konstatazzjonijiet li ssemmew preċedement ma jistgħux jiġu kkontestati mill-allegazzjoni tar-rikorrenti fir-rigward tan-natura allegatament parzjali tal-parteċipazzjoni tagħha fil-laqgħa illeċita tat-28 ta’ Jannar 1998. Fil-fatt, bħala tweġiba għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali waqt is-seduta fir-rigward tal-għan tal-parteċipazzjoni tagħha u tan-natura kompleta jew parzjali tagħha, ir-rikorrenti la wriet li l-parteċipazzjoni tagħha kellha għan differenti minn dak tal-parteċipanti l-oħra f’din il-laqgħa, u lanqas ma pproduċiet prova li tista’ tistabbilixxi b’ċertu livell ta’ ċertezza li, hekk kif hija tallega, hija kienet ipparteċipat parzjalment f’din il-laqgħa.
235 L-iktar l-iktar, fir-rigward tan-natura allegatament parzjali tal-parteċipazzjoni tagħha fil-laqgħa illeċita tat-28 ta’ Jannar 1998, ir-rikorrenti minn naħa, tinsisti fuq in-natura għal kollox informali u mgħaġġla ħafna ta’ din il-laqgħa, min-naħa l-oħra, tibbaża ruħha fuq il-kliem tat-tieni paragrafu introduttiv li jinsab fil-parti ta’ fuq tal-paġna 1159 tal-fajl u, fl-aħħar nett, sostniet, waqt is-seduta, li A. (Aragonesas), li kien jirrappreżenta lir-rikorrenti f’din il-laqgħa, kien telaq mil-laqgħa sabiex imur Madrid.
236 Fir-rigward tan-natura informali tal-laqgħa illeċita tat-28 ta’ Jannar 1998, huwa suffiċjenti li jiġi rrilevat li, hekk kif jirriżulta mill-konstatazzjonijiet esposti fil-punti 230 sa 233 iktar ’il fuq, indipendentement mill-forma li ħadet din il-laqgħa, l-għan tagħha kien antikompetittiv u li r-rikorrenti ma setgħatx ma tkunx taf la s-suġġett u lanqas id-dimensjoni ġeografika tal-ksur inkwistjoni.
237 Fir-rigward tal-kliem tat-tieni paragrafu introduttiv, għandu l-ewwel nett jiġi rrilevat li, hekk kif ammettiet il-Kummissjoni waqt is-seduta, dan il-paragrafu ma tniżżilx fin-noti oriġinali miktubin bl-idejn ta’ S. (FC), iżda żdied minnu meta huwa wettaq it-traskrizzjoni mill-ġdid fl-Ingliż ta’ dawn in-noti. Sussegwentement, jirriżulta b’mod ċar minn dan il-kontenut li S., f’dan it-tieni paragrafu introduttiv, irrapporta l-kontenut ta’ konverżazzjoni telefonika li kellu ma’ S. (FC) u L. (Arkema France), fl-14 ta’ Jannar 1998.
238 Ċertament, jirriżulta kemm minn dan il-paragrafu kif ukoll min-noti ta’ S. (FC), meħuda waqt din il-konverżazzjoni telefonika tal-14 ta’ Jannar 1998, li huma riprodotti fil-paġna 1147 tal-fajl tal-Kummissjoni, li, f’din l-okkażjoni, S. (FC) u L. (Arkema France) kienu semmew il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-laqgħa illeċita tat-28 ta’ Jannar 1998 u ppjanifikaw li din il-parteċipazzjoni kienet ser tkun limitata għad-diskussjonijiet li jikkonċernaw is-suq Spanjol, Franċiż u Portugiż. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li ma jirriżulta la min-noti ta’ S. (FC) u lanqas mid-dikjarazzjonijiet ta’ EKA li l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti effettivament kienet parzjali.
239 Fir-rigward tal-affermazzjoni tar-rikorrenti, mogħtija waqt is-seduta, bħala tweġiba għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali, li A. (Aragonesas) kien telaq malajr ħafna mil-laqgħa illeċita tat-28 ta’ Jannar 1998, peress li huwa kellu jaqbad ajruplan sabiex imur Madrid, din ma tistax tiġi aċċettata sabiex turi n-natura parzjali tal-parteċipazzjoni tiegħu f’din il-laqgħa. Fil-fatt, hekk kif il-Kummissjoni osservat waqt is-seduta, u mingħajr ma ġie kkontestat mir-rikorrenti f’din l-okkażjoni, jirriżulta mit-tweġibiet bil-miktub tar-rikorrenti għall-mistoqsijiet tal-Kummissjoni rigward il-laqgħa illeċita tat-28 ta’ Jannar 1998, tweġibiet li huma rriprodotti b’mod partikolari fil-paġni 12856 u 12857 tal-fajl tal-Kummissjoni (ara l-Anness E.1), li r-rikorrenti espressament indikat li jirriżulta minn naħa, minn dikjarazzjoni tal-bank ta’ A. (Aragonesas), li dan baqa’ fix- Sheraton Hôtel ta’ Brussell filgħaxija fit-28 ta’ Jannar 1998 u, min-naħa l-oħra, minn annotazzjonijiet ta’ din id-dikjarazzjoni, l-ewwel nett, li l-għan tal-moviment tiegħu fi Brussell kien il-parteċipazzjoni tiegħu fil-laqgħa uffiċjali tas-CEFIC fl-istess lukanda u, it-tieni nett, li huwa kien ipparteċipa f’laqgħa fil-marġni ta’ din il-laqgħa uffiċjali, li d-data tagħha kellha tkun identika għal-laqgħa uffiċjali. Għaldaqstant, huwa żbaljat li r-rikorrenti ssostni li A. (Aragonesas) kien telaq minn din l-aħħar laqgħa sabiex jaqbad ajruplan sabiex jidħol filgħaxija stess lura Madrid.
240 Fl-aħħar nett, huwa għaldaqstant żbaljat li r-rikorrenti, fit-tweġibiet tagħha għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali, sostniet li kien jirriżulta mill-inċiż 40 tan-noti ta’ S. (FC) dwar il-laqgħa illeċita tat-28 ta’ Jannar 1998 li A. (Aragonesas) kien assenti mil-laqgħa. Skont dan l-inċiż, huwa indikat dan li ġej: “[KUNFIDENZJALI]”. Fil-fatt, jekk dawn in-noti riprodotti f’dan l-inċiż effettivament jirreferu għal evalwazzjoni minn terzi tal-kapaċitajiet tar-rikorrenti, għandu madankollu jiġi kkonstatat li dawn ma jippermettux għaldaqstant li jiġi konkluż li A. (Aragonesas) kien għalhekk telaq mil-laqgħa, u dan terġa’ inqas meta l-uniku element miġjub mir-rikorrenti sabiex turi n-natura allegatament parzjali tal-parteċipazzjoni tagħha, hekk kif ġie kkonstatat fil-punt 239 iktar ’il fuq, huwa manifestament nieqes mill-fatt.
241 Għalhekk, l-argument tar-rikorrenti li l-parteċipazzjoni tagħha fil-laqgħa illeċita tat-28 ta’ Jannar 1998 kienet parzjali għandu jiġi miċħud.
242 Fit-tielet lok, sa fejn ir-rikorrenti pparteċipat fil-laqgħa illeċita kollha tat-28 ta’ Jannar 1998, għandu jiġi kkunsidrat li, peress li l-parteċipanti f’din il-laqgħa kienu, f’din l-okkażjoni u minħabba l-preżenza tagħhom fis-swieq inkwistjoni, skambjaw informazzjoni mhux biss fuq l-attivitajiet tagħhom barra miż-ŻEE [ara l-inċiżi 1 sa 7, 33 sa 38 tan-noti ta’ S. (FC) dwar il-laqgħa illeċita tat-28 ta’ Jananr 1998], iżda wkoll fuq diversi swieq fiż-ŻEE, jiġifieri l-Belġju, Spanja, Franza u l-Portugall [ara l-inċiżi 9 sa 32 tan-noti ta’ S. (FC) dwar il-laqgħa illeċita tat-28 ta’ Jannar 1998)] kif ukoll il-Finlandja, l-Isvezja, ir-Renju Unit u n-Norveġja [ara l-inċiżi 26 u 42 sa 48 tan-noti ta’ S. (FC) dwar il-laqgħa illeċita tat-28 ta’ Jannar 1998)], ir-rikorrenti ma setgħetx ma tkunx taf, hekk kif sostniet il-Kummissjoni, b’mod partikolari fil-premessa 347 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-akkordju li kienet ipparteċipat fih li kien ikopri parti sostanzjali taż-ŻEE.
243 Mill-kunsiderazzjonjiet esposti iktar ’il fuq jirriżulta fl-ewwel lok li fir-rigward, minn naħa, tal-provi miġbura mill-Kummissjoni rigward il-kontenut tad-diskussjonijiet matul il-laqgħa illeċita tat-28 ta’ Jannar 1998 li fiha pparteċipat ir-rikorrenti u, min-naħa l-oħra, l-ammissjoni tagħha fir-rigward ta’ din il-laqgħa, il-Kummissjoni rappurtat suffiċjentement fid-dritt il-prova tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-laqgħa illeċita tat-28 ta’ Jannar 1998. Peress li, hekk kif jirriżulta mill-premessa 78 tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 19 iktar ’il fuq), u mingħajr ma dan ġie kkontestat waqt il-proċedura amministrattiva jew quddiem il-Qorti Ġenerali, il-kuntatti intiżi sabiex jiddeterminaw l-aġir tal-membri tal-akkordju fis-suq bħala previżjoni tan-negozjar annwali tal-kuntatti bejn il-produtturi tal-klorat tas-sodju u l-klijenti tagħhom żdied ġeneralment fi tmiem is-sena preċedenti, jew li kompla ġustament sal-bidu tas-sena kkonċernata, għandu jiġi kkunsidrat li l-prova prodotta tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-laqgħa illeċita tat-28 ta’ Jannar 1998 kienet suffiċjenti sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tikkonkludi li r-rikorrenti kienet ipparteċipat fl-akkordju matul is-sena 1998.
244 Fit-tieni lok, fir-rigward tal-provi l-oħra li jikkomponu s-serje ta’ indizji, jiġifieri t-tliet riferimenti magħmula għar-rikorrenti, imsemmija fil-premessa 349 tad-deċiżjoni kkontestata, u d-dikjarazzjonijiet ta’ EKA, għandu jiġi rrilevat li, hekk kif jirriżulta mill-premessa 78 tad-deċiżjoni kkontestata, il-kuntatti bejn il-membri tal-akkordju, minn naħa, iseħħu ġeneralment fi tmiem kull sena, jew fil-bidu tas-sena li tkun is-suġġett tad-diskussjonijiet, u, min-naħa l-oħra, li għandhom bħala għan it-tqassim tas-swieq inkwistjoni fuq bażi annwali. Minn din il-kunsiderazzjoni jirriżulta, li ma hijiex ikkontestata mir-rikorrenti, lil l-provi l-oħra li jikkomponu s-serje ta’ indizji jirreferu għal kuntatti iżolati u rispettivament estiżi (jiġifieri, minn naħa, il-konverżazzjonijiet telefoniċi tas-16 ta’ Diċembru 1996, tal-4 ta’ Diċembru 1998 u tad-9 ta’ Diċembru 1999 u, min-naħa l-oħra, il-laqgħa tal-14 ta’ Ottubru 1997), li setgħu kienu relatati ma’ snin differenti tal-ksur inkwistjoni (jiġifieri, fir-rigward tal-konverżazzjonijiet telefoniċi msemmija iktar ’il fuq, għas-snin 1997, 1999 u 2000, jew, fir-rigward tal-laqgħa tal-14 ta’ Ottubru 1997, għas-sena 1998).
245 Għaldaqstant, minbarra l-fatt li, hekk kif ġie kkonstatat fil-punti 204, 212 u 213 iktar ’il fuq, il-provi l-oħra ma humiex affidabbli, u minkejja l-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punt 243 iktar ’il fuq rigward il-provi relatati mas-sena 1998, dawn il-provi għandhom natura eċċessivament sporadika u frammentata.
246 Konsegwentement, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 96 u 97 iktar ’il fuq, hemm lok li jiġi kkonstatat li s-serje ta’ indizji invokati mill-Kummissjoni, evalwati globalment, ma humiex suffiċjentement preċiżi u konkordanti u, b’mod partikolari, ma jippermettux li jiġu stabbiliti koinċidenzi u lanqas indizji, sabiex tiġi stabbilita l-konvinzjoni soda, anki jekk isir użu minn deduzzjonijiet, li r-rikorrenti pparteċipat fil-ksur kollu inkwistjoni, jiġifieri mis-16 ta’ Diċembru 1996 sad-9 ta’ Frar 2000. Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni pprovat il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fl-akkordju matul is-sena 1998 biss.
247 Għalhekk, l-ewwel parti tal-ewwel motiv għandha tintlaqa’ bħala parzjalment fondata, peress li l-Kummissjoni wettqet żball meta kkonkludiet, fid-deċiżjoni kkontestata, li r-rikorrenti kienet ipparteċipat fil-ksur inkwistjoni, minn naħa, bejn is-16 ta’ Diċembru 1996 u s-27 ta’ Jannar 1998 u, min-naħa l-oħra, bejn l-1 ta’ Jannar 1999 u d-9 ta’ Frar 2000.
248 Bħala konklużjoni, mingħajr ma hemm lok li jiġi eżaminat il-mertu tal-argumenti esposti mir-rikorrenti insostenn tat-tieni parti tal-ewwel motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ prova suffiċjenti rigward l-allegata parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur inkwistjoni, bħala ksur uniku u kontinwu, li jkopri ż-ŻEE kollu, peress li din il-parti tilfet is-suġġett tagħha, għandu jintlaqa’ parzjalment l-ewwel motiv imqajjem mill-Kummissjoni, peress li l-Kummissjoni kkonkludiet li r-rikorrenti kienet ipparteċipat fil-ksur, minn naħa, mis-16 ta’ Diċembru 1996 sas-27 ta’ Jannar 1998 u, min-naħa l-oħra, mill-1 ta’ Jannar 1999 sad-9 ta’ Frar 2000. Għall-kumplament, u fir-rigward għalhekk tal-konklużjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-parteċipazzjoni fil-ksur mit-28 ta’ Jannar 1998 sal-31 ta’ Diċembru 1998, dan il-motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.
249 Għalhekk l-Artikolu 1(ġ) tad-deċiżjoni kkontestata għandu jiġi annullat parzjalment sa fejn il-Kummissjoni ddeċidiet li r-rikorrenti pparteċipat fil-ksur inkwistjoni, il-perijodi inklużi, minn naħa, bejn is-16 ta’ Diċembru 1996 u s-27 ta’ Jannar 1998 u, min-naħa l-oħra, bejn l-1 ta’ Jannar 1999 u d-9 ta’ Frar 2000.
2. Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq żbalji ta’ liġi u ta’ evalwazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni fl-istadju tal-kalkolu tal-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti
a) L-argumenti tal-partijiet
250 Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet żbalji ta’ liġi u ta’ evalwazzjoni fl-istadju tal-kalkolu tal-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqha. Dan it-tieni motiv jinqasam fi tliet partijiet ibbażati, rispettivament, minn naħa, fuq in-natura sproporzjonata u diskriminatorja tal-multa imposta, min-naħa l-oħra, fuq żball fil-kalkolu tat-tul tal-ksur inkwistjoni u, fl-aħħar nett, fuq in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ ċirkustanzi attenwanti speċifiċi għar-rikorrenti.
251 Fl-ewwel lok, fir-rigward tan-natura allegatament sproporzjonata u diskriminatorja tal-multa li ġiet imposta fuqha, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni, l-ewwel nett, wettqet żball ta’ evalwazzjoni fid-dawl tad-determinazzjoni tal-gravità tal-ksur li hija wettqet, billi applikatilha l-istess livell ta’ gravità bħal kapijiet destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, in-natura tal-ksur imwettaq mir-rikorrenti ma hijiex paragunabbli ma’ dik imwettqa mill-parteċipanti l-oħra fl-akkordju inkwistjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni ma kinitx ħadet kunsiderazzjoni l-fatt li l-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur ma kienx dam, skont il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni, iktar minn tliet snin u nofs, li hija kienet tkopri biss tliet swieq ġeografiċi nazzjonali taż-ZEE, li s-sehem mis-suq tagħha kien biss ta’ 5 %, li hija kienet ipparteċipat fi ksur uniku u kontinwu, u li diversi indizji juru li hija ma kinitx effettivament segwiet il-ftehim allegati.
252 It-tieni nett, abbażi tal-istess kunsiderazzjonijiet bħal dawk sostnuti fil-punt 251 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ma kellhiex tinkludi fl-ammont bażiku tal-multa tagħha dritt ta’ dħul abbażi tal-punt 25 tal-linji gwida tal-2006 jew, tal-inqas, dritt ta’ dħul identiku għal dak applikat għad-destinatarji l-oħra kollha tad-deċiżjoni kkontestata.
253 Għalhekk, meta qieset, minn naħa, l-istess livell ta’ gravità tal-ksur imwettaq mir-rikorrenti u, min-naħa l-oħra, l-istess dritt ta’ dħul bħal dawk meqjusa kontra parteċipanti oħra għall-akkordju inkwistjoni sabiex tiffissa l-ammont bażiku tal-multa li ġiet imposta fuqhom, il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi speċifiċi tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur meta pparagunata ma’ dik tal-parteċipanti l-oħra. Għalhekk, hija kisret il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni.
254 Fit-tieni lok, fir-rigward tal-allegat żball imwettaq mill-Kummissjoni fil-kalkolu tat-tul tal-ksur inkwistjoni, ir-rikorrenti tikkwota l-argumenti li hija esponiet fuq l-istess suġġett fil-kuntest tal-ewwel motiv imqajjem. Hija żżid li, fl-ipoteżi fejn il-Qorti Ġenerali tikkonkludi li kien hemm parteċipazzjoni tar-rikorrenti fl-akkordju inkwistjoni, minn naħa, id-data ta’ bidu ta’ din il-parteċipazzjoni hija ddeterminata fir-rigward ta’ dik tal-ewwel u l-unika parteċipazzjoni tagħha fil-laqgħa mal-kompetituri, jiġifieri l-laqgħa illeċita tat-28 ta’ Jannar 1998 u, min-naħa l-oħra, dik tat-tmiem ta’ din il-parteċipazzjoni li tikkorrispondi max-xahar ta’ Diċembru 1998.
255 Fit-tielet lok, ir-rikorrenti takkuża lill-Kummissjoni li ma ħaditx inkunsiderazzjoni, skont id-dispożizzjonijiet tal-punt 2 B, tal-linji gwida tal-2006, taċ-ċirkustanzi attenwanti favuriha li ġġustifikaw tnaqqis tal-ammont bażiku tal-multa li ġiet imposta fuqha.
256 B’mod partikolari, jirriżulta minn diversi siltiet tal-elementi prodotti mill-kumpanniji li bbenefikaw mill-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni li hija fil-verità ma segwietx il-ftehim allegati konklużi mill-kapijiet tal-akkordju. Barra minn hekk, hija tosserva li ċerta informazzjoni ppreżentata minn dawn il-kumpanniji dwar il-livelli tal-prezzijiet u tal-volumi li kienu attribwewlha ma kinux jikkorrispondu mal-aġir tagħha fis-suq.
257 Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti kollha esposti mir-rikorrenti insostenn tat-tieni motiv.
c) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
258 Fid-dawl tal-konklużjonijiet ibbażati fuq il-punt 247 iktar ’il fuq, hemm lok, l-ewwel nett, li t-tieni parti tat-tieni motiv tintlaqa’ bħala fondata, peress li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-kalkolu tat-tul tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur.
Fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ nondiskriminazzjoni fl-istadju tal-kalkolu tal-ammont bażiku tal-multa
259 Fid-dawl tal-ewwel parti tat-tieni motiv, ir-rikorrenti tibbaża ruħha fuq ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ nondiskriminazzjoni, fl-istadju tad-determinazzjoni tal-ammont bażiku tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti, meta pparagunat mal-ammonti bażiċi tal-multi imposti fuq il-parteċipanti l-oħra fl-akkordju inkwistjoni.
260 L-ewwel nett, hemm lok li jitfakkar li, skont il-punti 9 sa 11 tal-linji gwida, il-metodoloġija użata mill-Kummissjoni sabiex tiffissa l-multi tinkludi żewġ stadji. Fl-ewwel stadju, il-Kummissjoni tistabbilixxi ammont bażiku għal kull impriża jew assoċjazzjoni ta’ impriżi. Fit-tieni stadju, hija tista’ taġġusta dan l-ammont bażiku l-fuq jew l-isfel, u dan fid-dawl taċ-ċirkustanzi aggaravanti jew attenwanti li jikkaratterizzaw il-parteċipazjoni ta’ kull waħda mill-impriżi kkonċernati.
261 Fir-rigward iktar preċiżament tal-ewwel fażi tal-metodu għall-iffissar tal-multa, jirriżulta b’mod partikolari mill-punti 13 sa 25 tal-linji gwida tal-2006 li l-ammont bażiku tal-multa huwa marbut ma’ proporzjon tal-valur tal-bejgħ ta’ beni jew servizzi mwettqa mill-impriża, matul l-aħħar sena kompleta tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur, b’relazzjoni diretta jew indiretta mal-ksur, fis-settur ġeografiku kkonċernat fit-territorju taż-ŻEE, stabbilit skont il-livell ta’ gravità tal-ksur, immoltiplikat bin-numru ta’ snin tal-ksur. Dan il-proporzjon tal-valur tal-bejgħ, li jirrifletti l-gravità tal-ksur, jista’ jiġi ffissat, ġeneralment, b’livell li jista’ jasal sa 30 % u dan fid-dawl ta’ fatturi bħan-natura tal-ksur, il-parti mis-suq akkumulata tal-partijiet ikkonċernati kollha, il-portata ġeografika tal-ksur u l-implementazzjoni jew le tal-ksur. Huwa ppreċiżat fil-punt 23 tal-linji gwida tal-2006 li l-ftehim orizzontali ta’ ffissar tal-prezz, tat-tqassim tas-suq u tal-limitazzjoni ta’ produzzjoni, li huma ġeneralment sigrieti, huma inklużi, min-natura tagħhom stess, fost ir-restrizzjonjiet ta’ kompetizzjoni l-iktar gravi, b’mod li l-proporzjon tal-bejgħ ikkunsidrat għal tali ksur huwa ġeneralment qrib it-30 %. Fl-aħħar nett, skont dispożizzjonijiet tal-punt 25 tal-linji gwida tal-2006, indipendentement mit-tul tal-parteċipazzjoni ta’ impriża fil-ksur, ammont addizzjonali jew “entry right” (iktar ’il quddiem id-“dritt ta’ dħul”), li s-somma tiegħu tkun bejn 15 % u 25 % tal-valur tal-bejgħ, huwa jew jista’ jiġi inkluż mill-Kummissjoni fl-ammont bażiku tal-multa. Dan id-dritt huwa inkluż fil-każ ta’ ftehim orizzontali ta’ ffissar ta’ prezz, ta’ tqassim tas-suq u ta’ limitazzjoni ta’ produzzjoni, u dan sabiex jiddisswadi lill-impriżi milli jipparteċipaw f’tali ftehim. Min-naħa l-oħra, jista’ jiġi inkluż, mill-Kummissjoni, fil-każ ta’ ksur ieħor. Skont id-dispożizzjonijiet tal-istess punt 25 tal-linji gwida tal-2006, il-proporzjon tad-dritt ta’ dħul, kemm jekk dan huwa dak impost fil-każ ta’ ftehim orizzontali ta’ ffissar ta’ prezz, ta’ tqassim tas-suq u ta’ limitazzjoni ta’ produzzjoni, jew ta’ dak li jista’ jiġi impost f’każijiet oħra, huwa ddeterminat billi jittieħdu inkunsiderazzjoni ċertu numru ta’ fatturi, fosthom dawk identifikati fil-punt 22 tal-istess linji gwida.
262 Id-dispożizzjonijiet tal-punt 24 tal-linji gwida tal-2006 jistabbilixxu dan li ġej:
“Sabiex jittieħed kompletament inkunsiderazzjoni t-tul tal-parteċipazzjoni ta’ kull impriża fil-ksur l-ammont iddeterminat skont il-valur tal-bejgħ (ara l-punti 20 sa 23 iktar ’il fuq) ser jiġi mmoltiplikat bin-numru ta’ snin ta’ parteċipazzjoni fil-ksur. Il-perijodi ta’ inqas minn semestru ser jiġu kkalkolati bħala nofs sena; il-perijodi ta’ iktar minn sitt xhur iżda ta’ inqas minn sena ser jiġu kkalkolati bħala sena kompleta”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]
263 Fit-tieni lok, f’dan il-każ, ir-rikorrenti takkuża lill-Kummissjoni, essenzjalment, filwaqt li tibbaża ruħha fuq diversi karattersitiċi li jikkonċernawha, li ffissat l-ammont bażiku tal-multa tagħha billi applikat, minn naħa, l-istess koeffiċjent ta’ evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur, jiġifieri 19 % (ara l-premessa 521 tad-deċiżjoni kkontestata), u, min-naħa l-oħra, l-istess dritt ta’ dħul ta’ 19 % bħal dawk applikati fir-rigward tal-ammont bażiku tal-multi imposti fuq il-kompetituri l-oħra (ara l-premessa 523 tad-deċiżjoni kkontestata).
264 F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata kif ukoll mil-linji gwida tal-2006 li l-prinċipji tagħhom huma applikati fiha u fl-aħħar nett mill-ġurisprudenza li, jekk il-gravità tal-ksur hija, fl-ewwel lok, evalwata skont elementi relatati mal-ksur, bħan-natura tiegħu, il-parti mis-suq akkumulata tal-partijiet ikkonċernati kollha, il-portata ġeografika tal-ksur u l-implementazzjoni jew le tiegħu, fit-tieni lok din l-evalwazzjoni hija rregolata skont ċirkustanzi aggravanti jew attenwanti li huma karatteristiċi ta’ kull impriża li pparteċipat fil-ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Lulju 2001, Tate & Lyle et vs Il‑Kummissjoni, T‑202/98, T‑204/98 u T‑207/98, Ġabra p. II‑2035, punt 109; tad-19 ta’ Marzu 2003, CMA CGM et vs Il‑Kummissjoni, T‑213/00, Ġabra p. II‑913, punt 401, u tat-30 ta’ Settembru 2003, Atlantic Container Line et vs Il‑Kummissjoni, T‑191/98, T‑212/98 sa T‑214/98, Ġabra p. II‑3275, punt 1530).
265 Għalhekk, fir-rigward tat-tfakkir li sar fil-punti 261 u 264 iktar ’il fuq, l-ewwel fażi tal-metodu ta’ ffissar tal-multa mill-Kummissjoni għandha bħala għan li tistabbilixxi l-ammont bażiku tal-multa imposta fuq kull impriża kkonċernata, u dan billi tapplika fuq il-valur tal-bejgħ ta’ prodotti jew servizzi inkwistjoni fis-suq ġeografiku kkonċernat ta’ kull waħda minnhom l-ewwel koeffiċjent ta’ moltiplikazzjoni li jirrifletti l-gravità tal-ksur, kif ukoll it-tieni koeffiċjent ta’ moltiplikazzjoni intiż sabiex jiddisswadihom milli jibdew mill-ġdid tali aġir illegali. Issa, hekk kif jirriżulta mil-linji gwida tal-2006, kull wieħed minn dawn iż-żewġ koeffiċjenti ta’ moltiplikazzjoni huwa ddeterminat fid-dawl tal-fatturi li jirriflettu l-karatteristiċi tal-ksur meħud fl-intier tiegħu, jiġifieri li dan jiġbor l-aġir antikompetttiv kollu tal-parteċipanti kollha tiegħu.
266 Għalhekk, kuntrarjament għal dak li tħalli x’tifhem ir-rikorrenti, ma hemmx lok, waqt id-determinazzjoni tal-ammont ta’ dawn iż-żewġ koeffiċjenti ta’ moltiplikazzjoni, li jittieħdu inkunsiderazzjoni karatteristiċi speċifiċi marbuta mal-ksur imwettaq minn kull wieħed mill-parteċipanti meħuda individwalment. Din il-konstatazzjoni hija barra minn hekk sostnuta mill-għan stess tat-tieni fażi tal-metodu ta’ ffissar tal-multi, li hija intiża, preċiżament, sabiex tieħu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi aggravanti jew attenwanti li jikkaratterizzaw, individwalment, l-aġir antikompetittiv ta’ kull wieħed mill-parteċipanti tal-ksur inkwistjoni. Għalhekk, l-interpretazzjoni magħmula mir-rikorrenti tal-kriterji sabiex jiġu stabbiliti ż-żewġ koeffiċjenti ta’ moltiplikazzjoni, bħal dawk stabbiliti matul l-ewwel fażi tal-metodu għall-iffissar tal-multi, hija manifestament żbaljata peress li hija tieħu inkunsiderazzjoni, matul iż-żewġ fażijiet tal-metodu ta’ ffissar tal-multi, l-istess karatteristiċi speċifiċi għal kull wieħed mill-parteċipanti.
267 Konsegwentement, il-fatturi elenkati fil-punt 22 tal-linji gwida tal-2006, sabiex jiġu stabbiliti kemm il-koeffiċjent ta’ moltiplikazzjoni “gravità tal-ksur” (punt 21 tal-linji gwida tal-2006) u l-koeffiċjent ta’ moltiplikazzjoni “dritt ta’ dħul” (punt 25 tal-linji gwida tal-2006), għandhom dejjem bħala għan li jevalwaw il-ksur għar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, meħuda flimkien.
268 Huwa għalhekk li, f’dan il-każ, l-ewwel nett, fid-dawl tal-fattur marbut man-natura tal-ksur imwettaq mill-kompetituri kollha, il-Kummissjoni, fil-premessa 512 tad-deċiżjoni kkontestata, ikkonstatat li huma kienu kkonkludew ftehim fil-qasam ta’ tqassim tas-swieq u ta’ ffissar tal-prezzijiet, ftehim li jikkostitwixxu r-restrizzjonijiet għall-kompetizzjoni l-iktar gravi. Sussegwentement, fir-rigward tal-fattur marbut mal-parti mis-suq akkumulata tal-partijiet ikkonċernati kollha, il-Kummissjoni, fil-premessa 513 tad-deċiżjoni kkontestata, ikkonstatat li din il-parti tas-suq għoliet sa 90 % fi ħdan iż-ŻEE. Barra minn hekk, fir-rigward tal-fattur marbut mal-portata ġeografika tal-ksur, il-Kummissjoni, fil-premessa 514 tad-deċiżjoni kkontestata, fakkret li l-effetti tiegħu nħassu fuq parti sostanzjali tat-territorju taż-ŻEE. Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-fattur marbut mal-implementazzjoni jew mhux tal-ksur, il-Kummissjoni, fil-premessa 515 tad-deċiżjoni kkontestata, ikkonstatat li, minkejja li r-riżultati mixtieqa mhux dejjem intlaħqu, il-ftehim dejjem ġew implementati u li din l-implementazzjoni kienet issorveljata fi ħdan l-akkordju.
269 Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li ċerti parametri ta’ kalkolu tal-ammont bażiku tal-multa, meqjusa fl-istadju tal-ewwel fażi tal-metodu għall-iffissar tal-multi, jieħdu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni speċifika individwali ta’ kull waħda mill-partijiet ikkonċernati. Dawn huma żewġ parametri oġġettivi li huma relatati, minn naħa, mal-valur tal-bejgħ, tal-prodotti jew servizzi, imwettqa mill-impriża, f’relazzjoni diretta jew indiretta mal-ksur, fis-settur ġeografiku kkonċentrat fit-territorju taż-ŻEE u, min-naħa l-oħra, mat-tul tal-parteċipazzjoni ta’ kull impriża fil-ksur globali inkwistjoni. Għalhekk, hekk kif jirriżulta mid-dispożizzjonijiet tal-punt 6 tal-linji gwida tal-2006, l-għaqda tal-valur tal-bejgħ, f’relazzjoni mal-ksur, ta’ kull waħda mill-impriżi inkwistjoni u tat-tul tal-parteċipazzjoni rispettiva tagħhom tippermetti sa mill-ewwel fażi tal-metodu ta’ ffissar tal-multa li jiġu riflessi kemm l-importanza ekonomika tal-ksur, meħud waħdu, u l-piż relatat ma’ kull impriża li tipparteċipa fil-ksur.
270 Fit-tielet lok, fid-dawl tal-kunsiderazzonijiet preċedenti, għandu jiġi evalwat il-mertu tal-ilmenti fformulati mir-rikorrenti rigward in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni, waqt l-ewwel fażi tal-metodu ta’ ffissar tal-multa li ġiet imposta fuqha, ta’ diversi partikolaritajiet li jikkaratterizzaw il-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur inkwistjoni.
271 L-ewwel nett, fir-rigward tat-tul tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur u tal-piż ekonomiku tagħha fis-suq ikkonċernat skont ishma mis-suq u l-preżenza fuq biss tliet swieq nazzjonali taż-ŻEE, għandu jiġi kkonstatat li, billi jiġi mmoltiplikat il-valur tal-bejgħ tal-prodotti mwettaq mir-rikorrenti fl-1999 fiż-ŻEE, u għaldaqstant fit-tliet swieq nazzjonali taż-ŻEE li fihom hija biegħet il-klorat tas-sodju, bit-tul tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur inkwistjoni, hekk kif ikkunsidrat mill-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, skont id-dispożizzjonijiet tal-punt 24 tal-linji gwida tal-2006, jiġifieri tliet snin u nofs, il-Kummissjoni, sa mill-ewwel fażi tal-metodu għall-iffisar tal-multi, ħadet inkunsiderazzjoni l-piż rilevanti tar-rikorrenti, skont l-ishma mis-suq, il-preżenza fit-territorju taż-ŻEE u t-tul tal-parteċipazzjoni fil-ksur, fil-ksur meħud kollu kemm hu. Għall-kumplament u fir-rigward tal-konklużjonijiet ibbażati fuq il-punt 247 iktar ’il fuq, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, fl-istadju tal-eżami tat-talba għal emenda fid-deċiżjoni kkontestata, tal-iżball ta’ evalwazzjoni mwettaq mill-Kummissjoni fir-rigward tal-iffissar tat-tul tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur inkwistjoni.
272 Konsegwentement, l-argument espost mir-rikorrenti, li essenzjalment il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni, waqt l-ewwel fażi tal-metodu għall-iffissar tal-multa li imponiet fuqha, tal-piż relattiv tar-rikorrenti fil-ksur meħud kollu kemm hu, għandu jiġi miċħud bħala infondat.
273 Konsegwentement, l-imsemmija dokumenti għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli. It-tieni nett, fir-rigward tal-ilmenti fformulati mir-rikorrenti rigward in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni, fl-istadju tal-ewwel fażi tal-metodu ta’ ffissar tal-multa, tal-fatt, minn naħa, li hija pparteċipat biss f’wieħed mit-72 kuntatt antikompetittiv u, min-naħa l-oħra, li hija ma implementatx il-ftehim konklużi bejn il-kapijiet tal-akkordju inkwistjoni, huwa suffiċjenti, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punt 264 iktar ’il fuq, li jiġi kkonstatat li ma jirriżultax mid-dispożizzjonijiet tal-linji gwida tal-2006 li l-Kummissjoni għandha l-obbligu li tieħu inkunsiderazzjoni elementi speċifiċi għal parteċipant fi ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni Ewropea, f’dan l-ewwel stadju tal-metodu għall-iffissar tal-multi. Fil-fatt, tali elementi ma jittieħdux inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni ħlief fl-istadju tat-tieni fażi ta’ dan il-metodu, u dan bħala ċirkustanzi aggravanti jew attenwanti proprji għal kull waħda mill-impriżi li pparteċipat fil-ksur. Konsegwentment, dawn l-ilmenti għandhom jiġu skartati bħala irrilevanti.
274 Fl-aħħar nett, f’kull każ, għandu jiġi rrilevat li, peress li l-Kummissjoni, fl-istadju tad-determinazzjoni tal-ammont bażiku ta’ kull wieħed mill-multi, applikat l-istess koeffiċjenti ta’ moltiplikazzjoni, fid-dawl tal-gravità tal-ksur u tad-dritt ta’ dħul, għal kull waħda mill-impriżi destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata, l-allegazzjoni tar-rikorrenti rigward l-allegat ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament hija mingħajr bażi fattwali.
275 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet msemmija preċedentement, għandhom jiġu miċħuda l-argumenti esposti mir-rikorrenti insostenn tal-ewwel parti tat-tieni motiv, li huma bbażati fuq ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ nondiskriminazzjoni, bħala, parzjalment mingħajr rilevanza u, min-naħa l-oħra, mingħajr bażi.
Fuq iċ-ċirkustanzi attenwanti
276 Għandu jiġi eżaminat il-mertu tat-tielet parti tat-tieni motiv, li jsostni li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi attenwanti favur ir-rikorrenti.
277 Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza, meta ksur ikun sar minn bosta impriżi, għandha tiġi eżaminata l-gravità relattiva tal-parteċipazzjoni fil-ksur ta’ kull waħda minnhom (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Diċembru 1975, Suiker Unie et vs Il‑Kummissjoni, 40/73 sa 48/73, 50/73, 54/73 sa 56/73, 111/73, 113/73 u 114/73, Ġabra p. 1663, punt 623, u Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 90 iktar ’il fuq, punt 150), sabiex jiġi ddeterminat jekk jeżistux, fir-rigward tagħhom, ċirkustanzi aggravanti jew attenwanti (sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Lulju 2003, Cheil Jedang vs Il‑Kummissjoni, T‑220/00, Ġabra p. II‑2473, punt 165).
278 Din il-konklużjoni tikkostitwixxi l-konsegwenza loġika tal-prinċipju ta’ individwalità tal-pieni u tas-sanzjonijiet li jipprovdi li impriża ma għandhiex tiġi ssanzjonata ħlief għall-fatti li tkun akkużata bihom individwalment, prinċipju li japplika f’kull proċedura amministrattiva li tista’ tagħti lok għal sanzjonijiet skont ir-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni (sentenza Cheil Jedang vs Il‑Kummissjoni, punt 227 iktar ’il fuq, punt 185; ara, f’dak li jikkonċerna l-imputazzjoni ta’ multa, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Diċembru 2001, Krupp Thyssen Stainless u Acciai speciali Terni vs Il‑Kummissjoni, T‑45/98 u T‑47/98, Ġabra p. II‑3757, punt 63).
279 F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-punti 28 u 29 tal-linji gwida tal-2006 jipprovdu aġġustament tal-ammont bażiku tal-multa skont ċerti ċirkustanzi aggravanti u attenwanti, li huma proprji għal kull impriża kkonċernata.
280 B’mod partikolari, il-punt 29 tal-linji gwida tal-2006 jistabbilixxi lista mhux eżawrjenti ta’ ċirkustanzi attenwanti li jistgħu jwasslu, taħt ċerti ċirkustanzi, għal tnaqqis tal-ammont bażiku tal-multa.
281 Ċertament, din il-lista ma tagħmilx iktar riferiment, fid-dawl taċ-ċirkustanzi attenwanti li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni, għar-rwol passiv ta’ impriża. Madankollu, peress li l-lista stabbilita fil-punt 29 tal-linji gwida tal-2006 ma hijiex eżawrjenti, tali ipoteżi ma tistax, fil-prinċipju tagħha, tiġi eskluża miċ-ċirkustanzi li jistgħu jwasslu għal tnaqqis tal-ammont bażiku tal-multa.
282 F’dan il-każ, għandu jitfakkar l-ewwel nett li l-Kummissjoni ġustament ikkonkludiet li r-rikorrenti pparteċipat fil-ksur bejn it-28 ta’ Jannar 1998 u l-31 ta’ Diċembru 1998.
283 Sussegwentement, ir-rikorrenti essenzjalment tibbaża ruħha, fid-dawl ta’ ċirkustanzi attenwanti li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni, minn naħa, fuq il-karatteristika tagħha ta’ attur minuri u għaldaqstant tar-rwol passiv tagħha fil-kuntest tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur u, min-naħa l-oħra, fuq il-fatt li hija fil-verità ma implementatx il-ftehim antikompetittivi konklużi mill-kapijiet tal-akkordju.
– Fuq ir-rwol passiv tar-rikorrenti
284 Mill-ġurisprudenza jirriżulta li r-rwol passiv ta’ impriża fit-twettiq tal-ksur jimpika l-adozzjoni ta’ “profil baxx” mill-impriża kkonċernata, jiġifieri assenza ta’ parteċipazzjoni attiva fit-tfassil tal-elaborazzjoni ta’ ftehim antikompetittivi (sentenza Cheil Jedang vs Il‑Kummissjoni, punt 277 iktar ’il fuq, punt 167).
285 Madankollu skont il-ġurisprudenza, fost l-elementi li jistgħu jiżvelaw ir-rwol passiv ta’ impriża fi ħdan akkordju, jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni n-natura sostanzjalment iktar sporadika tal-parteċipazzjoni tagħha fil-laqgħat meta pparagunata mal-membri ordinarji tal-akkordju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Mejju 1998, BPB de Eendracht vs Il‑Kummissjoni, T‑311/94, Ġabra p. II-1129, punt 343) kif ukoll id-dħul tardiv tagħha fis-suq li kien is-suġġett tal-ksur, indipendentement mit-tul tal-parteċipazzjoni tagħha f’dan il-ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Diċembru 1985, Stichting Sigarettenindustrie et vs Il‑Kummissjoni, 240/82 sa 242/82, 261/82, 262/82, 268/82 u 269/82, Ġabra p. 3831, punt 100) jew ukoll l-eżistenza tad-dikjarazzjonijiet espressi f’dan is-sens magħmula minn rappreżentanti ta’ impriżi terzi li jkunu pparteċipaw fil-ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Mejju 1998, Weig vs Il‑Kummissjoni, T‑317/94, Ġabra p. II‑1235, punt 264).
286 Ċertament, f’dan il-każ, l-ewwel nett għandu jiġi rrilevat li jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata li kuntatti li ma jimplikawx lir-rikorrenti seħħew bejn membri differenti tal-akkordju, qabel u wara l-laqgħa illeċita tat-28 ta’ Jannar 1998, sabiex jiġu kkoordinati l-isforzi ta’ negozjar tagħhom rigward is-sena 1998, u dan fir-rigward tas-suq Spanjol, Portugiż u Franċiż.
287 Huwa għalhekk li, fil-premessa 172 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni b’mod partikolari kkonkludiet li “[...] fit-tmiem is-sena 1997, EKA, Finnish Chemicals u Atochem eżaminaw mill-ġdid il-volumi ta’ bejgħ tagħhom u l-ishma fis-suq tagħhom fil-Portugall, fi Spanja u fi Franża. [...]”. Bl-istess mod, fil-premessi 177 sa 180 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tirrapporta, filwaqt li tibbaża ruħhafuq in-noti ta’ S. (FC), il-kontenut ta’ erba’ konverżazzjonijiet telefoniċi matul ix-xhur ta’ Jannar, Frar u Marzu 1998, bejn S. (EKA) u S. (FC) jew bejn L. (Arkema France) u S. (FC), konverżazzjonijiet li matulhom, hekk kif il-Kummissjoni kkonkludiet fil-premessa 181 tad-deċiżjoni kkontestata, minn naħa, “[KUNFIDENZJALI]” u, min-naħa l-oħra, “[KUNFIDENZJALI]”.
288 Madankollu, huwa korrett li l-Kummissjoni ssostni li, matul il-laqgħa illeċita tat-28 ta’ Jannar 2008, il-parteċipanti, fosthom ir-rikorrenti, skambjaw informazzjoni sensittiva u f’kull każ ippruvaw jiffissaw il-prezzijiet tal-prodotti u li jqassmu bejniethom l-ishma tas-suq fis-swieq differenti taż-ŻEE u li, għaldaqstant, l-għan ta’ din il-laqgħa jikkostitwixxi restrizzjoni ta’ kompetizzjoni partikolarment gravi.
289 Fil-fatt, jirriżulta kemm mid-deċiżjoni kkontestata kif ukoll mill-elementi tal-fajl tal-Kummissjoni li, fir-rigward tas-sena 1998, kienu d-diskussjonijiet matul il-laqgħa illeċita tat-28 ta’ Jannar 1998 li kellhom rwol determinanti fil-kuntest tan-negozjati bejn il-membri tal-akkordju preżenti fis-suq Spanjol, Portugiż u Franċiż, fosthom b’mod partikolari Aragonesas, rigward it-tqassim tal-volumi ta’ bejgħ tagħhom f’dawn is-swieq u rigward il-politika ta’ prezz tagħhom fis-suq Spanjol u Portugiż.
290 Minbarra dan, min-noti ta’ S. (FC) jirriżulta li, jekk il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-laqgħa illeċita tat-28 ta’ Jannar 1998 kienet tikkostitwixxi l-ewwel parteċipazzjoni min-naħa tagħha f’laqgħa tal-akkordju, avveniment ġdid, xorta jibqa’ l-fatt li din il-parteċipazzjoni kienet attiva fis-sens li A. (Aragonesas) huwa, hekk kif dan jirriżulta mill-konstatazzjonijiet esposti fil-punti 230 sa 233 iktar ’il fuq, u f’kull każ fuq livell paragunabbli ma’ dak tal-parteċipanti l-oħra fil-laqgħa, fin-negozjati intiżi sabiex ifasslu ftehim antikompetittivi li jikkonċernaw kull wieħed mit-tlett iswieq, dak Spanjol, Portugiż u Franċiż. Għaldaqstant, minkejja li r-rikorrenti ma pparteċipatx direttament f’kuntatti oħra mal-membri tal-akkordju fid-dawl tas-sena 1998, għandu jiġi kkonstatat li l-karatteristiċi ta’ din il-parteċipazzjoni ma humiex manifestament ta’ natura li jiżvelaw xi rwol passiv li pparteċipat fih ir-rikorrenti f’din l-okkażjoni.
291 Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li ma tirriżulta la mid-dokumenti tal-fajl tal-Kummissjoni u lanqas mid-deċiżjoni kkontestata l-ebda dikjarazzjoni espressa li ġiet minn rappreżentanti ta’ impriżi terzi li pparteċipaw fil-ksur li hija ta’ natura li tiżvela r-rwol passiv tar-rikorrenti fi ħdan l-akkordju, matul is-sena 1998.
292 Minbarra dan, anki jekk jiġi preżunt li r-rikorrenti kienet allegat li bbażat ruħha fuq iċ-ċirkustanza attenwanti li tirriżulta minn dħul tardiv, fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 285 iktar ’il fuq, ta’ waħda mill-impriżi kkonċernati fis-suq milquta mill-ksur, tali argument, f’dan il-każ, huwa manifestament irrilevanti. Fil-fatt, jekk, hekk kif ġie konkluż iktar ’il fuq, il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur beda biss fid-data tat-28 ta’ Jannar 1998, filwaqt li dik tad-destinatarji l-oħra tad-deċiżjoni kkontestata tmur lura, skont id-deċiżjoni kkontestata, sal-21 ta’ Settembru 1994, min-naħa l-oħra, ma jirriżultax mid-dokumenti tal-fajl u lanqas mid-deċiżjoni kkontestata li hija daħlet tardivament fis-suq tal-klorat tas-sodju. Bil-kontra, mill-premessi 25 sa 33 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li Aragonesas, waqt il-ħolqien tagħha fl-1992, kienet tappartjenti għad-diviżjoni tal-prodotti kimiċi tal-grupp Uralita, diviżjoni li taħtha kien jaqa’ l-klorat tas-sodju.
293 Bl-istess mod, l-invokazzjoni tal-prassi deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni minn Aragonesas ma tistax tiġi aċċettata. Fil-fatt, jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li l-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni fl-iffissar tal-ammont tal-multi sabiex torjenta l-aġir tal-impriżi lejn l-osservanza tar-regoli tal-kompetizzjoni (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ April 1995, Martinelli vs Il‑Kummissjoni, T‑150/89, Ġabra p. II‑1165, punt 59; tal-11 ta’ Diċembru 1996, Van Megen Sports vs Il‑Kummissjoni, T‑49/95, Ġabra p. II‑1799, punt 53, u tal-21 ta’ Ottubru 1997, Deutsche Bahn vs Il‑Kummissjoni, T‑229/94, Ġabra p. II‑1689, punt 127). Il-fatt li l-Kummissjoni applikat, fil-passat, multi ta’ ċertu livell għal ċertu tip ta’ ksur ma jistax għaldaqstant iċaħħadha mill-possibbiltà li tgħolli dan il-livell fil-limiti indikati fir-Regolament Nru 1/2003, jekk dan ikun neċessarju sabiex tiġi żgurata l-implementazzjoni tal-politika Komunitarja tal-kompetizzjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ġunju 1983, Musique diffusion française et vs Il Kummissjoni, 100/80 sa 103/80, Ġabra p. 1825, punt 109; sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-10 ta’ Marzu 1992, Solvay vs Il‑Kummissjoni, T‑12/89, Ġabra p. II‑907, punt 309, u tal-14 ta’ Mejju 1998, Europa Carton vs Il‑Kummissjoni, T-304/94, Ġabra p. II‑869, punt 89). L-applikazzjoni effettiva tar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni teżiġi għall-kuntrarju li l-Kummissjoni tkun tista’ fi kwalunkwe mument tadatta l-livell tal-multi għall-bżonnijiet ta’ din il-politika (sentenza Musique Diffusion française et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 109, sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Marzu 2002, LR AF 1998 vs Il‑Kummissjoni, T‑23/99, Ġabra p. II‑1705, punt 237).
294 F’kull każ, għandu jitfakkar li, f’dan il-każ u kuntrarjament għal impriżi oħra msemmija mir-rikorrenti bħala li setgħu, fil-fehma tagħha, ipparteċipaw fl-akkordju, hija espliċitament irrikonoxxiet li pparteċipat fil-laqgħa illeċita tat-28 ta’ Jannar 1998 u ma pproduċiet l-ebda prova tad-distakkar tagħha rigward l-għan antikompetittiv ta’ din il-laqgħa.
295 Konsegwentement, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrent li hija kienet ipparteċipat, bħala attur minuri, fi rwol passiv fi ħdan l-akkordju matul is-sena 1998.
– Fuq in-nuqqas ta’ implementazzjoni tal-ftehim
296 Għandu jiġi vverifkat jekk iċ-ċirkustanzi mressqa mir-rikorrenti humiex tali li jistabbilixxu li, matul il-perijodu li fih hija aderiet mal-ftehim antikompetittivi, jiġifieri matul il-perijodu inkluż bejn it-28 ta’ Jannar 1998 u l-31 ta’ Diċembru 1998, hija kinitx effettivament evitat li tapplikahom billi adottat aġir kompetittiv fis-suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Cimenteries CBR et vs Il‑Kummissjoni, punt 103 iktar ’il fuq, punti 4872 sa 4874, u Cheil Jedang vs Il‑Kummissjoni, punt 227 iktar ’il fuq, punt 192).
297 Skont ġurisprudenza stabbilita, il-fatt li impriża, li l-parteċipazzjoni tagħha fi prattika miftiehma mal-kompetituri tagħha fir-rigward tal-prezzijiet hija stabbilita, ma tkunx ġabet ruħha fis-suq b’mod konformi ma’ dak li jkun ġie miftiehem mal-kompetituri tagħha ma jikkostitwixxix neċessarjament element li għandu jiġi kkunsidrat, bħala ċirkustanza attenwanti, meta jiġi stabbilit l-ammont tal-multa li għandha tiġi imposta. Fil-fatt, impriża li ssegwi, minkejja l-prattika miftiehma mal-kompetituri tagħha, politika ftit jew wisq indipendenti fis-suq tista’ sempliċement tipprova tuża l-akkordju għall-vantaġġ tagħha (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Mejju 1998, Cascades vs Il‑Kummissjoni, T‑308/94, Ġabra p. II‑925, punt 230, u Cheil Jedang vs Il‑Kummissjoni, punt 277 iktar ’il fuq, punt 190).
298 F’dan il-każ, huwa suffiċjenti li jiġi rrilevat li l-elementi pprovduti mir-rikorrenti ma jippermettux li jiġi kkunsidrat li l-aġir reali tagħha fis-suq jista’ jmur kontra l-effetti antikompetittivi tal-ksur ikkonstatat. B’mod partikolari, ir-rikorrenti ssostni, insostenn ta’ dan l-ilment, li jirriżulta minn diversi siltiet tad-dikjarazzjonijiet tal-kumpanniji li talbu li jibbenefikaw mill-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni li r-rikkorrenti fil-verità ma segwietx il-ftehim allegati konklużi bejn il-kapijiet tas-suq.
299 Issa, l-unika silta ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet, iċċitata mir-rikorrenti, li tista’ ssostni l-kontenut ta’ kuntratt li setgħa kellu effett fir-rigward tas-sena 1998 hija bbażata fuq id-dikjarazzjonijiet ta’ EKA tal-2006 u tikkonċerna l-laqgħa f’Turku fl-14 ta’ Ottubru 1997 bejn EKA u FC, li matulha kien inftiehem bejn il-parteċipanti “[KUNFIDENZJALI]”. Madankollu, hekk kif diġà ġie kkonstatat fil-punti 209 sa 213 iktar ’il fuq, minn naħa, jirriżulta biss mill-kliem ta’ din id-dikjarazzjoni li EKA u FC kienu ftiehmu li josservaw ir-reazzjonijiet tal-kompetituri l-oħra fil-każ ta’ żieda fil-prezzijiet tal-ewwel tnejn u, min-naħa l-oħra, li ma jistax jiġi eskluż li, skont aġir tal-atturi f’suq kompetittiv, jekk wieħed minnhom kellu, minħabba l-penetrazzjoni ta’ kompetitur f’dan is-suq, jitlef ishma tas-suq minn dan is-suq, ikun naturali li huwa jipprova jsib klijenti fi swieq relatati.
300 Minbarra dan, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti espliċitament indikat, fl-atti tagħha, hekk kif ġie rrapurtat fil-punt 254 iktar ’il fuq, li, jekk il-Qorti Ġenerali kellha tikkonkludi li hija kienet ipparteċipat fl-akkordju, il-parteċipazzjoni tagħha ma setgħetx bdiet biss fit-28 ta’ Jannar u kienet intemmet f’Diċembru 1998. Madankollu, hija ma kkomunikatx lill-Qorti Ġenerali prova li tista’ turi li, matul il-perijodu bejn it-28 ta’ Jannar 1998 u l-31 ta’ Diċembru 1998, hija kienet effettivament evitat l-applikazzjoni tagħhom billi adottat aġir kompetittiv fis-suq. L-uniċi elementi pprovduti għal dan il-għan mir-rikorrenti jirrigwardaw biss il-volumi ta’ bejgħ tagħha lill-klijenti tagħha fi Franza, fil-Portugall, u fi Spanja fl-1999 u l-2000 u fuq dawn il-prezzijiet ipprattikati fir-rigward tal-klijenti differenti tagħha fi Spanja u fil-Portugall matul l-istess snin.
301 Għaldaqstant, l-argument ibbażat fuq in-nuqqas ta’ implementazzjoni tal-ftehim matul il-perijodu li matulu r-rikorrenti pparteċipat fil-ksur għandu jiġi miċħud.
302 Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li t-tieni motiv għandu jintlaqa’ parzjalment, peress li t-tul tal-ksur imwettaq mir-rikorrenti, kif sostnut mill-Kummissjoni għall-finijiet tal-kalkolu tal-multa li imponiet fuqha, huwa żbaljat. Għall-kumplament, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud.
303 Bħala konklużjoni, it-talba għal annullament tad-deċiżjoni kkontestata għandha tintlaqa’ parzjalment sa fejn, minn naħa, il-Kummissjoni kkonkludiet fiha, fl-Artikolu 1 tagħha, il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur bejn is-16 ta’ Diċembru 1996 u s-27 ta’ Jannar 1998 u bejn l-1 ta’ Jannar 1999 u d-9 ta’ Frar 2000 u, min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ffissat fiha, fl-Artikolu 2 tagħha, l-ammont tal-multa għal EUR 9 900 000.
B – Fuq it-talba għal emenda tal-Artikoli 1 u 2 tad-deċiżjoni kkontestata
1. L-argumenti tal-partijiet
304 Sussidjarjament, fit-tieni kap tat-talbiet, ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali, jekk hija ma tilqax it-talba għal annullament fl-intier tagħha, li tbiddel l-Artikoli 1 u 2 tad-deċiżjoni kkontestata, sabiex tnaqqas sostanzjalment l-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqha.
305 Il-Kummissjoni topponi t-talbiet tar-rikorrenti.
2. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
306 Mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-fatt li l-eżami tal-motivi mqajma kontra l-legalità ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li timponi multa għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni tiżvela illegalità ma jeżentax lill-Qorti Ġenerali milli teżamina jekk għandhiex, fid-dawl tal-konsegwenzi ta’ din l-illegalità u billi tapplika l-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, tirriforma d-deċiżjoni kkontestata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Settembru 2006, Archer Daniels Midland vs Il‑Kummissjoni, T‑59/02, Ġabra p. II‑3627, punt 443).
307 Fid-dawl, minn naħa, tal-illegalità li ġiet ikkonstatata fir-rigward tat-tul tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fl-akkordju inkwistjoni u, għaldaqstant, tal-konklużjonijiet tal-Qorti Ġenerali fil-punt 303 iktar ’il fuq fir-rigward tal-annullament parzjali tad-deċiżjonijiet ikkontestati, liema konklużjonijiet għandhom jinsiltu mill-Kummissjoni fl-eżekuzzjoni ta’ din is-sentenza, ma hemmx lok, f’dan il-każ, li jintlaqgħu t-talbiet tar-rikorrenti sabiex id-deċiżjoni kkontestata tiġi emendata.
308 Konsegwentement, ma hemmx lok li tiġi eżerċitata s-setgħa ta’ ġurisdizzjoni sħiħa tal-Qorti Ġenerali billi temenda l-Artikolu 2(f) tad-deċiżjoni kkontestata.
Fuq l-ispejjeż
309 Skont l-Artikolu 87(3) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, il-Qorti Ġenerali tista’ taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fuq kap jew iktar.
310 F’dan il-każ, peress li r-rikorrenti kisbet l-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata, li joqrob għal dak li fittxet fir-rikors tagħha, għandu jiġi konkluż li dan ir-rikors ġie sostanzjalment milqugħ mill-Qorti Ġenerali.
311 Għalhekk, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, hemm lok li jiġi deċiż li l-Kummissjoni tbati żewġ terzi mill-ispejjeż tar-rikorrenti u nofs l-ispejjeż tagħha. Ir-rikorrenti għandha fir-rigward tagħha tbati terz tal-ispejjeż tagħha u nofs l-ispejjeż tal-Kummissjoni.
Għal dawn il-motivi,
IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)
taqta’ u tiddeċiedi:
1) L-Artikolu 1(ġ) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2008) 2626 finali, tal-11 ta’ Ġunju 2008, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/38.695 – Klorat tas-sodju), huwa annullat sa fejn il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej ikkonstatat ksur fih, min-naħa ta’ Aragonesas Industrias y Energía, SAU, għall-perijodi inklużi, minn naħa, bejn is-16 ta’ Diċembru 1996 u s-27 ta’ Jannar 1998 u, min-naħa l-oħra, bejn l-1 ta’ Jannar 1999 u d-9 ta’ Frar 2000.
2) L-Artikolu 2(f) tad-Deċiżjoni C (2008) 2626 finali huwa annullat sa fejn jiffissa l-ammont tal-multa għal EUR 9 900 000.
3) Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.
4) Aragonesas Industrias y Energía hija kkundannata tbati terz tal-ispejjeż tagħha u nofs l-ispejjeż tal-Kummissjoni.
5) Il-Kummissjoni hija kkundannata tbati nofs l-ispejjeż tagħha u żewġ terzi l-ispejjeż ta’ Aragonesas Industrias y Energía.
Pelikánová
Jürimäe
Soldevila Fragoso
Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-25 ta’ Ottubru 2011.
Werrej
Il-fatti li wasslu għall-kawża
Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet
Id-dritt
A – Fuq it-talba għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata
1. Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq żbalji ta’ liġi u ta’ evalwazzjoni peress li l-Kummissjoni stabbilixxiet il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur bejn is-16 ta’ Diċembru 1996 u d-9 ta’ Frar 2000
a) L-argumenti tal-partijiet
b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
Kunsiderazzjonijiet ġenerali relatati mal-prova
Provi meqjusa fid-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur inkwistjoni
– Osservazzjonijiet preliminari
– Provi inizjalment meqjusa mill-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, fl-istadju tal-fażi preliminari tal-proċedura amministrattiva
– Provi espressament meqjusa mill-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, fi tmiem il-fażi kontenzjuża tal-proċedura amministrattiva
– Interpretazzjoni tal-premessa 352 tad-deċiżjoni kkontestata
– Konklużjoni dwar l-identifikazzjoni tal-provi meqjusa kontra r-rikorrenti, fid-dawl tal-allegata parteċipazzjoni tagħha fil-ksur inkwistjoni
Fuq il-valur probatorju tal-provi kkunsidrati kontra r-rikorrenti
– Fir-rigward tal-provi miktubin bl-idejn kontemporanji dwar il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur inkwistjoni
– Fuq id-dikjarazzjonijiet ta’ FC u ta’ EKA
– Fir-rigward tal-ammissjoni tar-rikorrenti dwar il-parteċipazzjoni tagħha fil-laqgħa illeċita tat-28 ta’ Jannar 1998
Fuq in-natura preċiża u konkordanti tas-serje ta’ indizji invokati mill-Kummissjoni sabiex turi l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur inkwistjoni.
2. Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq żbalji ta’ liġi u ta’ evalwazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni fl-istadju tal-kalkolu tal-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti
a) L-argumenti tal-partijiet
c) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
Fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ nondiskriminazzjoni fl-istadju tal-kalkolu tal-ammont bażiku tal-multa
Fuq iċ-ċirkustanzi attenwanti
– Fuq ir-rwol passiv tar-rikorrenti
– Fuq in-nuqqas ta’ implementazzjoni tal-ftehim
B – Fuq it-talba għal emenda tal-Artikoli 1 u 2 tad-deċiżjoni kkontestata
1. L-argumenti tal-partijiet
2. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
Fuq l-ispejjeż
* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.
1 – Data kunfidenzjali moħbija
Full & Egal Universal Law Academy