SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Awla tal-Appell)
18 ta’ Ġunju 2009
Kawża T‑572/08 P
Il‑Kummissjoni tal‑Komunitajiet Ewropej
vs
Amadou Traore
“Appell – Servizz pubbliku – Uffiċjali – Reklutaġġ – Avviż ta’ pożizzjoni vakanti – Ħatra għal pożizzjoni ta’ kap inkarigat mill-operazzjonijiet fid‑delegazzjoni tal-Kummissjoni fit-Tanżanija – L-iffissar tal-livell tal-pożizzjoni li għandha timtela – Prinċipju ta’ separazzjoni tal-grad u tal-funzjoni”
Suġġett: Appell mis-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (It-Tieni Awla) tat-13 ta’ Novembru 2008, Traore vs Il‑Kummissjoni (F‑90/07, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra), u intiż għall-annullament ta’ din is-sentenza.
Deċiżjoni: Is-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea tat-13 ta’ Novembru 2008, Traore vs Il‑Kummissjoni (F‑90/07), hija annullata sa fejn hija tannulla d-deċiżjoni tad-Direttur tar-Riżorsi tal-Uffiċċju għall-Kooperazzjoni EuropeAid tal-Kummissjoni tat-12 ta’ Diċembru 2006 li rrifjutat il-kandidatura ta’ Amadou Traore għall-pożizzjoni ta’ kap inkarigat mill-operazzjonijiet fid-delegazzjoni tal-Kummissjoni fit-Tanżanija u d‑deċiżjoni tal-ħatra ta’ S. għal din il-pożizzjoni. Ir-rikors ippreżentat minn A. Traore quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-Kawża F‑90/07 huwa miċħud. A. Traore u l‑Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej għandhom ibatu l‑ispejjeż tagħhom marbuta kemm mal-ewwel istanza kif ukoll mal-appell. Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Qorti tal-Awdituri tal-Komunitajiet Ewropej, partijiet intervenjenti insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni, għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.
Sommarju
1. Uffiċjali – Organizzazzjoni tad-dipartimenti – L-iffissar tal-livell ta’ pożizzjoni li għandha timtela – Kap inkarigat mill-operazzjonijiet f’delegazzjoni tal-Kummissjoni
(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 5)
2. Uffiċjali – Organizzazzjoni tad-dipartimenti – L-iffissar tal-livell ta’ pożizzjoni li għandha timtela – Obbligu li jiġi ffissat il-grad preċiż fl-avviż ta’ pożizzjoni vakanti – Assenza
(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 5(4), 7(1) u 29; Anness I)
1. Anki jekk il-livell tal-pożizzjoni li għandha timtela għandu jiġi deċiż billi titqies l-importanza tar-responsabbiltajiet mogħtija lill-funzjoni inkwistjoni u fid-dawl biss tal-interess tas-servizz, il-pubblikazzjoni ta’ avviż ta’ pożizzjoni vakanti li jirrigwarda erba’ gradi differenti, jiġifieri l-gradi A* 9 (li sar AD 9) sa A* 12 (li sar AD 12), sabiex timtela l-pożizzjoni ta’ kap inkarigat mill-operazzjonijiet f’delegazzjoni tal-Kummissjoni, hija legali sakemm, minn naħa, il-kuntest ġuridiku applikabbli ma jimponi l-ebda obbligu fuq l-Awtorità tal-Ħatra sabiex tiddetermina, meta jiġi ppubblikat l-avviż ta’ pożizzjoni, il-grad preċiż tal-impjieg li għandu jimtela li għandu jidħol f’din l-iskala ta’ gradi, peress li l-imsemmija awtorità, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha, tista’ tqis li l-interess tas-servizz jitlob li l-livell ta’ impjieg jiġi ffissat b’riferiment għal skala ta’ gradi, b’mod partikolari sabiex tkabbar in-numru ta’ kandidati eliġibbli u, min-naħa l‑oħra, ir-riferiment għall-erba’ gradi inkwistjoni fl-avviż ma jqegħidx f’dubju n‑natura oġġettiva tal-proċedura.
(ara l-punti 38 u 41)
Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza, tat-8 ta’ Lulju 2008, Il‑Kummissjoni vs Economidis, T‑56/07 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 82 sa 86
2. L-Artikolu 29 tar-Regolamenti tal-Persunal, għalkemm jistabbilixxi tliet alternattivi sabiex timtela pożizzjoni vakanti f’istituzzjoni, jiġifieri trasferiment, ħatra skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 45a jew promozzjoni, ma jinkludi l‑ebda indikazzjoni fuq l-iffissar, fl-avviż ta’ pożizzjoni vakanti, tal-grad tal-pożizzjoni li għandha timtela. Għalhekk, minn din id-dispożizzjoni ma jistax jiġi dedott li huwa pprojbit, f’avviż ta’ pożizzjoni vakanti, li l-livell tal-pożizzjoni li għandha timtela jiġi ffissat b’riferiment għal skala ta’ gradi.
Bl-istess mod, l-Artikolu 7(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, li jimponi fuq l‑Awtorità tal-Ħatra l-obbligu li tagħmel il-ħatriet “biss fl-interess tas-servizz”, ma jipprovdi l-ebda obbligu fuq l-imsemmija awtorità sabiex tiffissa, f’avviż ta’ pożizzjoni vakanti, il-grad preċiż tal-pożizzjoni li għandha timtela.
Barra minn hekk, ir-Regolamenti tal-Persunal ma jistabbilixxux korrispondenza fissa bejn funzjoni ddeterminata u grad iddeterminat. Fil-fatt, l-Anness I tar-Regolamenti tal-Persunal, li għalih jirreferi l-Artikolu 5(4) tar-Regolamenti tal-Persunal, jipprovdi, għal kull tip ta’ impjieg li huwa msemmi bħala eżempju, gradi differenti li jikkorrispondu għall-impjieg inkwistjoni.
Għalhekk, il-fatt li l-livell tal-pożizzjoni li għandha timtela għandu jiġi deċiż billi titqies l-importanza tar-responsabbiltajiet mogħtija lill-funzjoni inkwistjoni u fid-dawl biss tal-interess tas-servizz ma jimplikax li l-Awtorità tal-Ħatra hija obbligata li tiffissa, fl-avviż tal-pożizzjoni vakanti, il-grad preċiż tal-pożizzjoni li għandha timtela.
(ara l-punti 59 sa 62)
Referenza: Economidis vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 80
Full & Egal Universal Law Academy