29.3.2008
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea
C 79/29
Rikors ippreżentat fl-4 ta' Jannar 2008 — Koinotita Grammatikou vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-13/08)
(2008/C 79/57)
Lingwa tal-kawża: Il-Grieg
Partijiet
Rikorrenti: Kinotita Grammatikou (Ateni, il-Greċja) (rappreżentanti: A. Papaconstantínou u M. Chaïntarlís, avukati)
Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Kommunitajiet Ewropej
Talbiet tar-rikorrenti
—
tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2004) 5509 tal-21 ta' Diċembru 2004 dwar l-għoti ta' għajnuna finanzjarja mill-Fond ta' Koeżjoni għall-proġett “Kostruzzjoni ta' Sit ta' Landfill fil-Faċilità ta' mmaniġġjar ta' l-Iskart Integrat fil-grigal ta' Attika f' ‘Mavro Vouno Grammatikou’, fir-Repubblika Ellenika”;
—
fil-każ ta' dubju, tordna l-ispezzjoni fuq il-post tal-proġett u titlob pariri indipendenti ta' natura teknika sabiex jiġu kkonfermati l-argumenti tar-rikorrenti;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tar-rikorrenti.
Motivi u argumenti prinċipali
Fir-rigward ta' l-interess li tieħu azzjoni fil-kuntest ta' l-eżerċizzju ta' rikors għal annullament ibbażat fuq l-Artikolu 230 KE; ir-rikorrenti tqis li d-deċiżjoni kkontestata, li tirrigwarda l-ħolqien ta' sit ta' landfill sanitarju ta' l-iskart fuq art li tagħmel parti mill-konfini tal-Komunità ta' Grammatiko, tikkonċernaha direttament u individwalment safejn din tikkostitwixxi korp pubbliku inkarigat mill-protezzjoni tas-saħħa pubblika u ta' l-ambjent fir-reġjun li fih jinsab il-proġett iffinanzjat.
Ir-rikorrenti tqis li d-deċiżjoni kkontestata, li hija tallega li saret taf biha fid-9 ta' Novembru 2007, tikser kemm sensiela ta' dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju primarju dwar il-protezzjoni tas-saħħa u ta' l-ambjent, kif ukoll dispożizzjonijiet ta' dritt Komunitarju sekondarju li jippreċiżawhom.
B'mod partikolari, ir-rikorrenti issostni li l-finanzjament tal-proġett imur kontra l-għanijiet ta' konservazzjoni, ta' ħarsien u ta' titjib fil-kwalità ta' l-ambjent, tal-protezzjoni tas-saħħa pubblika kif ukoll ta' użu bil-għaqal u razzjonali tar-riżorsi naturali. Barra minn hekk, skond ir-rikorrenti, id-deċiżjoni kkontestata tal-Kummissjoni tikser, l-ewwel u qabel kollox, l-Artikoli 3, 4 u 6 tad-Direttiva 75/442 (1) kif ukoll l-Artikoli 3 u 4 tad-Direttivi 91/156 (2), li jistabbilixxu obbligi speċifiċi fl-oqsma tal-prevenzjoni, tat-tnaqqis tal-produzzjoni ta' l-iskart u tal-ħsara li jistgħu jikkawżaw.
Fl-aħħar nett, skond ir-rikorrenti, jidher b'mod ċar li l-ħolqien ta' installazzjoni ta' mmaniġġjar u tar-rimi ta' l-iskart f'reġjun protett fl-ebda każ ma jista' jiġi kkunsidrat bħala proġett li huwa eliġibbli sabiex jiġi ffinanzjat minn strument finanzjarju bħall-Fond ta' Koeżjoni, li bħala definizzjoni għandu jiffinanzja biss proġetti li huma konformi ma' l-eżiġenzi ta' ħarsien ta' l-ambjent.
(1) Id-Direttiva tal-Kunsill 75/442/KEE, tal-15 ta' Lulju 1975, dwar l-iskart (ĠU L 194, p. 39).
(2) Id-Direttiva tal-Kunsill 91/156/KEE, tat-18 ta' Marzu 1991, li temenda d-Direttiva 75/442/KEE dwar l-iskart (ĠU L 78, p. 32).
Full & Egal Universal Law Academy