12.4.2008
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea
C 92/32
Rikors ippreżentat fit-18 ta' Jannar 2008 — Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-32/08)
(2008/C 92/66)
Lingwa tal-kawża: L-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: Evropaïki Dynamiki — Proigmena Systimata Tilepikoinonion Pliroforikis kai Tilematikis AE (Ateni, il-Greċja) (rappreżentant: N. Korogiannakis, avukat)
Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
Talbiet tar-rikorrenti
—
tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiċħad l-offerta tar-rikorrenti u tagħti l-kuntratt lill-offerent magħżul;
—
tordna lill-Kummissjoni tħallas kumpens għad-dannu mġarrab mir-rikorrenti b'riżultat tal-proċedura tas-sejħa għal offerti in kwistjoni, fl-ammont ta' EUR 65 565;
—
tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż kollha tar-rikorrenti marbuta ma' dan ir-rikors, anke jekk dan jiġi miċħud.
Motivi u argumenti prinċipali
In sostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti ssostni li, fil-kuntest tal-proċedura tas-sejħa għal offerti ENV.A.1/SER/2007/0032 għal “Analiżi tas-suq bil-għan li jiġi żviluppat approċċ ġdid għas-sit ta' l-internet ‘Ambjent għal Żgħażagħ Ewropej’” (ĠU 2007/S 83-100898), il-Kummissjoni Ewropea naqset milli tikkonforma ruħha ma' l-obbligi tagħha previsti fir-Regolament Finanzjarju (1), fir-Regoli ta' Implementazzjoni tiegħu u fid-Direttiva 2004/18/KE (2).
Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li l-awtorità kontraenti wettqet diversi żbalji manifesti ta' evalwazzjoni li wasslu sabiex tiġi rrifjutata l-offerta tagħha. Barra minn dan, l-awtorità kontraenti allegatament kisret l-obbligu tagħha li timmotiva d-deċiżjoni tagħha u, b'mod partikolari, li tinforma lir-rikorrenti dwar il-merti ta' l-offerent magħżul.
Għaldaqstant, ir-rikorrenti titlob li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tiċħad l-offerta tagħha u li tagħti l-kuntratt lill-offerent magħżul tiġi annullata u li l-konvenuta tiġi ordnata tbati l-ispejjeż kollha relattivi għal dan ir-rikors, anke jekk dan jiġi miċħud. Sussidjarjament, peress li wisq probabbli l-kuntratt ikun diġà ġie eżegwit kompletament sakemm il-Qorti tal-Ġustizzja tagħti s-sentenza tagħha jew jekk ma jkunx iktar possibbli li d-deċiżjoni tiġi annullata, ir-rikorrenti titlob kumpens finanzjarju (danni) skond l-Artikoli 235 u 288 KE.
(1) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 248, p. 1).
(2) Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/18/KE tal-31 ta' Marzu 2004, fuq kordinazzjoni ta' proċeduri għall-għoti ta' kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi (ĠU L 134, p. 114).
Full & Egal Universal Law Academy