12.4.2008
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea
C 92/34
Appell ippreżentat fl-1 ta' Frar 2008 — Vakakis vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-41/08)
(2008/C 92/70)
Lingwa tal-kawża: L-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: Vakakis International — Symvouli gia Agrotiki Anaptixi AE (Ateni, il-Greċja) (rappreżentant: B. O'Connor, solicitor)
Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
Talbiet tar-rikorrenti
—
tiddikjara r-rikors bħala ammissibbli;
—
tannulla d-deċiżjoni mhux motivata tal-Kummissjoni Ewropea tas-6 ta' Diċembru 2007 (Referenza Nru A3 TF TCC(2007)106233) li ma tistedinx lill-grupp dirett minn Vakakis International SA sabiex jesprimi ruħu verbalment fuq il-proċedura ta' sejħa għal offerti ta' provvista ta' servizzi “assistenza teknika in sostenn tal-politika ta' żvilupp rurali” Numru EuropeAid/125241/C/SER/CY;
—
tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tal-21 ta' Diċembru 2007 (Referenza Nru A3 TF TCC(2007)106667) li tiċħad l-offerta magħmula minn Vakakis International SA għar-raġuni li ma ssodisfatx il-kundizzjonijiet tekniċi;
—
tordna lill-Kummissjoni, skond l-Artikolu 65(b), tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza, biex tipprovdi ċerti dokumenti rigward l-attivitajiet tal-kumitat ta' evalwazzjoni inkarigat biex jeżamina l-offerti magħmula fil-kuntest tal-proċedura ta' sejħa għal offerti EuropeAid/125241/C/SER/CY u biex tistabbilixxi l-lista ristretta ta' l-offerenti;
—
tordna kull miżura oħra li l-Qorti tal-Prim'Istanza tqis bħala xierqa;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Ir-rikorrenti ssostni li l-ittra tas-6 ta' Diċembru 2007 li permezz tagħha l-Kummissjoni informatha li ma kinitx se tiġi mistiedna għal intervista hija deċiżjoni inkompatibbli ma' l-Artikolu 253 KE inkwantu mhijiex suffiċjentement motivata. Barra minn hekk, hija tikkunsidra li din l-intervista hija element essenzjali tal-proċedura ta' sejħa għal offerti u li kull applikant, anki dawk li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet tekniċi, għandhom jiġu mistiedna, sabiex ikun assigurat ambjent kompetittiv. Minbarra dan, hija ssostni li din id-deċiżjoni hija vvizzjata minn difett ġuridiku peress li hija bbażata fuq nuqqas ta' osservanza tal-kriterji amministrattivi u mhux fuq in-nuqqas ta' osservanza tal-kundizzjonijiet tekniċi tas-sejħa għal offerti. Fl-opinjoni tagħha, il-Kummissjoni kienet b'hekk wettqet abbuż ta' poter fl-eżerċizzju tal-kompetenza li hija għandha fil-kuntest tal-proċedura ta' sejħa għal offerti.
F'dak li jirrigwarda kemm id-deċiżjoni tas-6 ta' Diċembru 2007 u kemm id-deċiżjoni tal-21 ta' Diċembru 2007, ir-rikorrenti tqis barra minn hekk, li dawn mhumiex kompatibbli mal-Practical Guide to Contract Procedures for EC External actions (Gwida Prattika għall-proċeduri kuntrattwali ffinanzjati mill-baġit ġenerali tal-KE). Fl-aħħar nett, hija tafferma li d-deċiżjoni tal-21 ta' Diċembru 2007 kellha bħala għan li tiġġustifika deċiżjoni preċedenti mhux motivata li eskludiet lir-rikorrenti mis-sejħa għal offerti u li għaldaqstant kienet ivvizzjata b'difett ġuridiku.
Full & Egal Universal Law Academy