29.3.2008
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea
C 79/34
Rikors ippreżentat fl-4 ta' Frar 2008 — Ir-Repubblika ta' Ċipru vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-54/08)
(2008/C 79/65)
Lingwa tal-kawża: Il-Grieg
Partijiet
Rikorrenti: Ir-Repubblika ta' Ċipru (rappreżentant: P. Kliridis, avukat)
Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Kommunitajiet Ewropej
Talbiet tar-rikorrenti
—
tannulla s-sejħa għal offerti EuropeAid/125051/D/SUP/CY għall-għoti ta' kuntratt intitolat “Upgrading the Management of the Energy Sector — Energy Metering and Reactive Power compensation”, li ġie ppubblikat biss fil-lingwa Ingliża fis-sit fl-24 ta' Novembru 2007, u tannulla l-Artikoli 5 u 23 tas-sejħa.
—
tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Ir-rikorrenti ssostni li s-sejħa kkontestata hija illegali għas-segwenti raġunijiet:
—
l-ewwel nett, peress li l-Kummissjoni għamlet sejħa ultra vires u bi ksur tal-bażi legali tagħha, b'mod partikolari tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 389/2006 tas-27 ta' Frar 2006 li jistabbilixxi strument ta' sostenn finanzjarju għall-inkoraġġiment ta' l-iżvilupp ekonomiku tal-komunità Turko-Ċiprijotta u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2667/2000 tal-5 ta' Diċembru 2000 dwar l-Aġenzija Ewropea għar-Rikostruzzjoni (1);
—
it-tieni nett, peress li s-sejħa in kwistjoni tmur kontra u/jew mhijiex konformi ma' l-Artikolu 229 KE, kif emendat bl-Artikolu 19 ta l-Att li jirrigwarda l-kundizzjonijiet ta l-Adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika ta' l-Estonja, ir-Repubblika ta' Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika ta' l-Ungerija, ir-Repubblika ta' Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja u r-Repubblika Slovakka (l-Att ta' Adeżjoni 2003) kif ukoll il-Protokoll Nru 10 fuq Ċipru ta' l-Att ta Adeżjoni ta' l-2003; u
—
It-tielet nett, peress li tmur kontra jew mhijiex konformi ma' l-obbligi li jirriżultaw mir-regoli obbligatorji tad-dritt internazzjonali u mar-Riżoluzzjonijiet 541 (1983) u 550 (1984) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti.
(1) ĠU L 65, p. 5.
Full & Egal Universal Law Academy