26.4.2008
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea
C 107/29
Rikors ippreżentat fil-5 ta' Frar 2008 — IEA et vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-56/08)
(2008/C 107/49)
Lingwa tal-kawża: L-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: Stichting IEA Secretariaat Nederland (IEA) (Amsterdam, l-Olanda), Educational Testing Service Global BV (ETS-Europe) (Amsterdam, l-Olanda), Deutsches Institut für Internationale Pädagogische Forschung (DIPF) (Frankfurt am Main, il-Ġermanja), Institut zur Qualitätsentwicklung im Bildungswesen (IQB) (Berlin, il-Ġermanja) (rappreżentanti: E. Morgan de Rivery u S. Thibault-Liger, avukati)
Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
Talbiet tar-rikorrenti
—
tannulla kompletament id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta' Novembru 2007 li tiċħad l-offerta tar-rikorrenti għas-sejħa għal offerti Nru EAC/21/2007 “Stħarriġ Ewropew dwar il-kompetenza lingwistika”, safejn tikser il-liġi ta' l-Unjoni Ewropea u hija bbażata fuq żbalji manifesti ta' evalwazzjoni;
—
tannulla kompletament id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tagħti l-kuntratt relatat ma' din is-sejħa għal offerti lil SurveyLang Consortium, safejn din tikser il-liġi ta' l-Unjoni Ewropea u hija bbażata fuq żbalji manifesti ta' evalwazzjoni; u
—
tikkundanna l-Kummissjoni għall-ispejjeż tar-rikorrenti skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza.
Motivi u argumenti prinċipali
Ir-rikorrenti ssottomettew offerta b'risposta għas-sejħa għal offerti tal-konvenuta rigward l-“Istħarriġ Ewropew dwar il-kompetenza lingwistika” (ĠU 2007/S 61-074161), skond ir-rettifika (ĠU 2007/S 109-133727). Ir-rikorrenti jikkontestaw id-deċiżjoni tal-konvenuta tat-23 ta' Novembru 2007 li tiċħad l-offerta tagħhom u tagħti l-kuntratt lil offerenti ieħor.
In sostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jallegaw li d-deċiżjoni kkontestata tikser il-prinċipju ta' trattament ugwali, l-Artikolu 100(1) tar-Regolament Finanzjarju (1) u l-ispeċifikazzjonijiet ta' l-offerta.
Barra minn hekk, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta' evalwazzjoni tal-kriterji kwalitattivi stabbiliti fl-ispeċifikazzjonijiet ta' l-offerta, li b'konsegwenza wassal għal żball manifest ta' evalwazzjoni meta fasslet ir-riżultati rispettivi ta' l-offerenti.
Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti jallegaw li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta' amministrazzjoni tajba billi naqset milli teżerċita l-attenzjoni dovuta matul il-proċedura tas-sejħa għal offerti.
(1) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanazjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 248, 2002, p. 1), kif irrettifikat (ĠU L 25, 2003, p. 43).
Full & Egal Universal Law Academy