21.3.2009
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 69/39
Appell ippreżentat fit-12 ta' Jannar 2009 minn Georgi Kerelov mis-sentenza mogħtija fid-29 ta' Novembru 2008 mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-Kawża F-19/07, Kerelov vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-60/08 P)
(2009/C 69/91)
Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż
Partijiet
Appellant: Georgi Kerelov (Pazardzhik, il-Bulgarija) (rappreżentant: A. Kerelov, avukat)
Appellata: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
Talbiet tal-appellant
—
tannulla s-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea tad-29 ta' Novembru 2007, fil-Kawża F-19/07, Kerelov vs Il-Kummissjoni;
—
tilqa' t-talbiet tal-appellant mressqa fl-ewwel istanza;
—
tikkundanna lill-appellata għall-ispejjeż kollha.
Aggravji u argumenti prinċipali
Permezz ta' dan l-appell, l-appellant jitlob l-annullament tas-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, tad-29 ta' Novembru 2007, mogħtija fil-Kawża F-19/07, Kerelov vs Il-Kummissjoni, li tiċħad ir-rikors tal-appellant, minn naħa, għall-annullament tad-deċiżjonijiet tal-bord tal-għażla tal-kompetizzjoni ġenerali EPSO/AD/43/06 li ma jiġix inkluż fil-lista ta' riżerva tal-imsemmija kompetizzjoni u jiġi eskluż minnha, kif ukoll, min-naħa l-oħra, għad-danni bħala kumpens għall-preġudizzju li huwa allegatament ġarrab.
Insostenn tal-appell tiegħu, l-appellant isostni għaxar aggravji bbażati fuq jew marbuta ma':
—
ksur tal-prinċipji li jirregolaw il-proċedura amministrattiva fil-qasam tal-provi, peress li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku qaleb l-oneru tal-prova;
—
ksur tal-prinċipju tal-kontradittorju, peress li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma tax lill-appellant żmien suffiċjenti sabiex jesprimi ruħu dwar dokumenti ġodda li ddaħħlu fil-proċess;
—
ksur tal-prinċipju tan-natura pubblika tal-proċedura, peress li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma żammx seduta oħra wara li ġew ippreżentati dokumenti ġodda;
—
ksur tad-dmir ta' imparzjalità, peress li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma adottax il-miżuri neċessarji għat-tħejjija tal-proċess;
—
żball ta' liġi, peress li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku qies li huwa l-bord tal-għażla li għandu s-setgħa ta' esklużjoni ta' kandidat, u mhux id-direttur tal-Uffiċċju tal-Għażla tal-Persunal tal-Komunitajiet Ewropej (EPSO);
—
żball ta' liġi, peress li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku qies li l-projbizzjoni ta' kuntatti bejn il-kandidati ta' kompetizzjoni u l-membri tal-bord tal-għażla tintemm mal-pubblikazzjoni tal-lista ta' riżerva fil-Ġurnal Uffiċċjali tal-Unjoni Ewropea u mhux fi tmiem ix-xogħol tal-bord tal-għażla;
—
ksur tal-prinċipji tad-dritt amministrattiv sostanzjali bil-konferma tad-deċiżjoni tal-bord tal-għażla tat-2 ta' Frar 2007 li l-appellant jiġi eskluż mill-kompetizzjoni, inkwantu:
—
l-imsemmija deċiżjoni mhijiex ibbażata fuq il-proċess fil-verżjoni oriġinali tiegħu;
—
l-imsemmija deċiżjoni ma tinkludix motivi ta' fatt preċiżi biżżejjed sabiex jippermettu lid-destinatarju tagħha jieħu konjizzjoni tal-fatti eżatti li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni; u
—
il-bord tal-għażla ma stedinx lill-appellant jispjega ruħu fir-rigward tal-fatti li bihom huwa ġie akkużat, jiġifieri l-fatt li bagħat żewġ ittri lill-bord tal-għażla;
—
verifika ex officio ta' kull ksur ieħor tar-regoli applikabbli li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku seta' wettaq.
Full & Egal Universal Law Academy