12.4.2008
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea
C 92/42
Rikors ippreżentat fit-12 ta' Frar 2008 — Il-Polonja vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-69/08)
(2008/C 92/83)
Lingwa tal-kawża: Il-Pollakk
Partijiet
Rikorrenti: Ir-Repubblika tal-Polonja (rappreżentant: M. Dowgielewicz, aġent)
Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
Talbiet tar-rikorrenti
—
tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/62/KE, tat-12 ta' Ottubru 2007 (notifikata bin-numru C(2007)4697), rigward l-Artikoli 111 u 172 ta' l-Abbozz ta' Att Pollakk dwar Organiżmi Modifikati Ġenetikament, innotifikati mir-Repubblika tal-Polonja skond l-Artikolu 95(5) tat-Trattat tal-KE bħala deroga mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta' organiżmi modifikati ġenetikament (1);
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/62/KE tat-12 ta' Ottubru 2007 li tiċħad l-abbozz ta' dispożizzjonijiet nazzjonali safejn jidderogaw mid-Direttiva 2001/18/KE, innotifikat mill-Polonja taħt l-Artikolu 95(5) KE. Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata ġiet innotifikata lilha mill-Kummissjoni fl-4 ta' Diċembru 2007, jiġifieri wara li għadda t-terminu ta' sitt xhur previst fl-Artikolu 95(6) KE, dewmien dan li jimplika, skond ir-rikorrenti, li, fid-dawl ta' l-artikolu msemmi, dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jiġu kkunsidrati bħala approvati fil-mument ta' l-iskadenza tat-terminu ta' sitt xhur.
Ir-rikorrenti ssostni li d-data ta' l-adozzjoni tad-deċiżjoni, jiġifieri t-12 ta' Ottubru 2007, mhijiex importanti fejn tidħol l-osservanza tat-terminu; skond ir-rikorrenti, hija biss id-data tan-notifika tad-deċiżjoni li hija ta' importanza deċiżiva.
Għaldaqstant, ir-rikorrenti tinvoka l-ilmenti segwenti in sostenn tar-rikors tagħha:
—
ksur ta' l-Artikolu 95(6) KE, ikkunsidrat flimkien ma' l-Artikolu 254(3) KE;
—
ksur ta' kundizzjoni proċedurali essenzjali, li teżiġi li d-deċiżjoni tiġi nnotifikata lid-destinatarju tagħha fit-terminu previst mil-liġi b'tali mod li d-destinatarju jkun f'pożizzjoni li jkun jaf il-kontenut tagħha;
—
ksur tal-prinċipju ta' ċertezza legali.
(1) ĠU L 16, p. 17.
Full & Egal Universal Law Academy