12.4.2008
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea
C 92/45
Rikors ippreżentat fl-20 ta' Frar 2008 — Polimeri Europa u Eni vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-103/08)
(2008/C 92/88)
Lingwa tal-kawża: It-Taljan
Partijiet
Rikorrenti: Polimeri Europa SpA (Brindisi, L-Italja), Eni SpA (Ruma, L-Italja) (rappreżentanti: M. Siragusa, G. M. Roberti, F. Moretti, I. Perego, F. Cannizzaro, V. Ruotolo, V. Larocca u D. Durante, avukati)
Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Kommunitajiet Ewropej
Talbiet tar-rikorrenti
—
tannulla d-Deċiżjoni, kompletament jew parzjalment, b'mod partikolari safejn din tirrigwardhom, b'kull konsegwenza fuq l-ammont tal-multa;
—
sussidjarjament, tannulla jew tnaqqas il-multa;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż, ħlasijiet u onorarji.
Motivi u argumenti prinċipali
Permezz tad-deċiżjoni tal-5 ta' Diċembru 2007, C(2007) 5910 finali fil-Kawża CONP/F/38629 — Gomma Chloroprene (“CR”) — (iktar 'il quddiem id-“Deċiżjoni”), il-Kummissjoni qieset lil Polimeri Europa u lil Eni bħala responsabbli in solidum, flimkien ma' impriżi oħra, għal ksur ta' l-Artikolu 81 KE, talli (i) ftehmu fuq it-tqassim u l-istabbilizzazzjoni tas-swieq, ta' l-ishma tas-suq u tal-bejgħ, (ii) stabbilixxew u implimentaw żiediet fil-prezz għall-gomma chloroprene, kif ukoll prezzijiet minimi, (iii) qassmu l-klijentela u (iv) għaddew informazzjoni kummerċjali riżervata lil xulxin.
In sostenn tal-kontestazzjoni tal-ksur tad-dispożizzjoni msemmija, Polimeri Europa u Eni jallegaw li d-Deċiżjoni hija żbaljata fil-mertu minħabba:
—
Ksur ta' l-Artikolu 81 KE u nuqqas ta' motivazzjoni għall-attribuzzjoni inġustifikata ta' responsabbiltà lil Eni għal atti magħmula minn kumpannija sussidjarja. F'dan ir-rigward jiġi osservat li r-responsabbiltà tal-kumpannija prinċipali ma tistax tiġi sostnuta biss abbażi tal-fatt li hija 100 % proprjetarja tal-kapital tal-kumpannija sussidjarja u li l-konvenuta ma evalwatx b'mod korrett l-elementi li kienu juru l-awtonomija effettiva tal-kumpanniji sussidjarji fir-rigward tal-kumpannija prinċipali.
—
Kuntrast ma' l-ittra ta' l-għeluq tal-proċedura amministrattiva fil-konfront ta' l-impriża responsabbli sa l-1 ta' Jannar 2002 mill-attività CR, Syndial S.p.A. (iktar 'il quddiem “Syndial”) u ksur tad-dritt ta' difiża.
—
Ksur ta' l-Artikolu 81 KE u nuqqas ta' motivazzjoni għall-attribuzzjoni inġustifikata ta' responsabbiltà lil Polimeri Europa għal fatti li seħħew f'perijodu li fih mhux hija, iżda kumpannija oħra kienet tmexxi l-attività CR.
—
Nuqqas u kontradizzjoni ta' motivazzjoni, nuqqas ta' investigazzjoni u ksur ta' l-Artikolu 81 KE dwar l-evalwazzjoni tal-fatti u tal-provi.
—
Nuqqas u kontradizzjoni ta' motivazzjoni tad-Deċiżjoni, nuqqas ta' investigazzjoni u ksur ta' l-Artikolu 81 KE f'dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tal-ksur bħala uniku u kontinwat.
—
Komputazzjoni żbaljata tat-tul ta' żmien tal-ksur fid-dawl ta' l-elementi ta' prova għad-dispożizzjoni.
Ir-rikorrenti josservaw ukoll kif il-multa imposta fuqhom hija illegali minħabba li tikser l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 23 tar-Regolament 1/2003 KE, kif ukoll il-Linji Gwida għall-Kalkolu tal-Multi.
F'dan ir-rigward huma jinvokaw kemm il-ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità għaż-żiediet mogħtija minħabba reċidività u għal effett ta' dissważjoni, kif ukoll in-nuqqas ta' motivazzjoni għad-deċiżjoni li ma jiġux konċessi ċirkustanzi attenwanti, fid-dawl tar-rwol passiv jew minuri li kien hemm fil-ksur, tal-parteċipazzjoni limitata fl-aġir illegali, tal-waqfien tal-parteċipazzjoni f'dan l-aġir u tan-nuqqas ta' implimentazzjoni ta' l-akkordji. Barra minn hekk, Polimeri Europa u Eni jinvokaw ukoll in-nuqqas ta' teħid in kunsiderazzjoni tal-kollaborazzjoni ta' Syndial u ta' Polimeri Europa għall-finijiet ta' tnaqqis ta' l-ammont tal-multa skond il-Linji Gwida msemmija.
Fl-aħħar, ir-rikorrenti jinvokaw ksur ta' l-Artikolu 81 KE u tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar in-non impożizzjoni ta' multi jew tnaqqis ta' l-ammont tagħhom fil-kawżi dwar akkordji bejn impriżi minħabba li l-Kummissjoni evalwat b'mod żbaljat il-valur tal-provi pprovduti minn Syndial u minn Polimeri Europa u talli ċaħdet li tikkonċedi tnaqqis ta' l-ammont tal-multa skond l-imsemmija komunikazzjoni.
Full & Egal Universal Law Academy