26.4.2008
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea
C 107/40
Rikors ippreżentat fid-29 ta' Frar 2008 — Spanja vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-113/08)
(2008/C 107/68)
Lingwa tal-kawża: L-Ispanjol
Partijiet
Rikorrent: Ir-Renju ta' Spanja (rappreżentant: M. Muñoz Pérez)
Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
Talbiet tar-rikorrent
—
tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/68/KE, ta' l-20 ta' Diċembru 2007, li teskludi mill-finanzjament Komunitarju ċerti nefqiet magħmula mill-Istati Membri taħt it-Taqsima Garanzija tal-FAEGG, fil-parti li hija s-suġġett ta' dan ir-rikors, u
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, huma esklużi mill-finanzjament Komunitarju xi korrezzjonijiet, fosthom, għall-finijiet ta' dan ir-rikors, dawk dwar l-għajnuna għall-produzzjoni taż-żejt taż-żebbuġa għas-sena ta' kummerċjalizzazzjoni 1998/1999, 1999/2000 u 2000/2001, għal ammont totali ta' EUR 183 965 185,54 u dawk dwar il-ħlasijiet diretti għal raba' li jinħarat, mitluba fis-snin 2003 u 2004, għal ammont totali ta' EUR 16 591 528,35.
B'mod partikolari, din it-talba tirreferi għall-korrezzjoni finanzjarja mogħtija fir-rigward ta' l-għajnuna għall-produzzjoni taż-żejt taż-żebbuġa, minbarra l-parti li tikkorrispondi għas-sena ta' kummerċjalizzazzjoni 1999/2000 fl-Andalusija, u l-ħlasijiet għar-raba' li jinħarat, mitluba fis-snin 2003 u 2004.
In sostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent isostni essenzjalment:
—
fir-rigward ta' l-għajnuna għall-produzzjoni taż-żejt taż-żebbuġa:
—
ksur ta' l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1663/95 (1), peress li l-korrezzjoni finanzjarja mhijiex ibbażata fuq l-osservazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni fir-rigward tar-riżultati għall-istħarriġ effettwat, iżda fuq data meħuda minn osservazzjonijiet li jirriżultaw minn stħarriġ ieħor;
—
ksur ta' l-Artikoli 2 u 3 tar-Regolament Nru 729/70 (2) u ta' l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1258/1999 (3), peress li d-deċiżjoni kkontestata tapplikhom b'mod mhux konformi, minħabba l-insuffiċjenza ta' l-allegati irregolaritajiet invokati mill-Kummissjoni sabiex tiġġustifika l-korrezzjoni finanzjarja effettwata;
—
ksur tat-terminu ta' erba' u għoxrin xahar qabel il-komunikazzjoni bil-miktub tar-riżultati tal-kontrolli, skond l-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 1258/99.
—
Fir-rigward tal-ħlasijiet għal għajnuna għar-raba' li jinħarat:
—
ksur tal-proċedura skond l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1663/95, peress li ma indikatx ir-raġunijiet tal-korrezzjoni finanzjarja fid-dokument li bih ġew ikkomunikati r-riżultati ta' l-ispezzjonijiet lill-Istat Membru u, sussidjarjament, ksur ta' terminu ta' erba' u għoxrin xahar skond l-Artikolu 1258/1999;
—
ksur ta' l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1258/1999, peress li d-deċiżjoni kkontestata tapplikah b'mod mhux konformi, minħabba l-insuffiċjenza ta' l-irregolarità li sabet il-Kummissjoni;
—
ksur ta' l-Artikolu 2 ta' l-istess regolament, kif ukoll tal-linji gwida għall-kalkolu tal-konsegwenzi finanzjarji fil-kuntest tal-preparazzjoni tad-deċiżjoni dwar il-likwidazzjoni tal-kontijiet tat-taqsima “Garanzija” tal-FAEGG.
(1) Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1663/95 tas-7 ta' Lulju 1995 li jistabbilixxi regoli ddettaljati sabiex jiġi applikat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 729/70 li jirrigwarda l-proċedura għall-verifikar tal-kontijiet tat-Taqsima Garanziji tal-FAEGG (ĠU L 158, 8.7.1995, p. 6).
(2) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 729/70, tal-21 ta' April 1970, dwar il-finanzjament tal-politika komuni agrikola (ĠU L 94, 28.4.1970, p. 13).
(3) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1258/1999 tas-17 ta' Mejju 1999 dwar il-finanzjamnet tal-politika komuni agrikola (ĠU L 160, 26.6.1999, p. 103).
Full & Egal Universal Law Academy