7.6.2008
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea
C 142/30
Rikors ippreżentat fil-25 ta' Marzu 2008 — CBI u Abisp vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-128/08)
(2008/C 142/55)
Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż
Partijiet
Rikorrenti: Coordination Bruxelloise d'Institutions sociales et de santé (CBI) (Brussell, il-Belġju) u Association Bruxelloise des Institutions de Soins Privées (Abisp) (Brussell, il-Belġju) (rappreżentanti: D. Waelbroeck, avukat, u D. Slater, solicitor)
Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
Talbiet tar-rikorrenti
—
tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni;
—
tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Ir-rikorrenti jitolbu l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, ta' l-10 ta' Jannar 2008, li ċaħdet l-ilment tagħhom ippreżentat fis-7 ta' Settembru u fis-17 ta' Ottubru 2005 kontra l-għajnuna mill-Istat mogħtija mir-Renju tal-Belġju lil sptarijiet pubbliċi tan-netwerk Iris tar-Reġjun ta' Bruxelles-Capitale u li ċaħdet li tiftaħ il-proċedura formali ta' eżami ta' l-għajnuna in kwistjoni skond l-Artikolu 88(2) KE.
Ir-rikorrenti jsostnu, l-ewwel nett, li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minn difetti proċedurali safejn kien imissha ġiet adottata mill-Kummissjoni bħala kulleġġ, indirizzata lill-Istat Membru destinatarju u ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.
Fil-mertu, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni wettqet żbalji manifesti ta' evalwazzjoni u naqset mill-obbligi ta' motivazzjoni tagħha meta qieset li l-miżuri in kwistjoni kienu kompatibbli ma' l-Artikolu 86(2) KE u li ma kienx meħtieġ li tinfetaħ il-proċedura formali ta' eżami skond l-Artikolu 88(2) KE.
Ir-rikorrenti jallegaw li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 86(2) KE mhumiex issodisfati f'dan il-każ, peress li:
—
il-missjoni ta' servizz pubbliku ta' sptarijiet li jibbenefikaw mill-għajnuna mhijiex iddefinita b'mod ċar;
—
il-kriterji ta' kumpens ma ġewx stabbiliti minn qabel;
—
il-kumpens huwa akbar mill-ispejjeż minfuqa; u
—
ma sarx tqabbil bejn l-isptarijiet li jibbenefikaw mill-għajnuna u l-isptarijiet privati simili.
Ir-rikorrenti, barra minn dan, isostnu li d-Direttiva dwar it-trasparenza tar-relazzjonijiet finanzjarji bejn l-Istati Membri u l-impriżi pubbliċi (1) ma kinitx osservata f'dan il-każ.
(1) Direttiva tal-Kummissjoni 2006/111/KE, tas-16 ta' Novembru 2006, dwar it-trasparenza tar-relazzjonijiet finanzjarji bejn l-Istati Membri u l-impriżi pubbliċi kif ukoll dwar it-trasparenza finanzjarja f'ċerti impriżi (ĠU L 318, p. 17).
Full & Egal Universal Law Academy