19.7.2008
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea
C 183/23
Rikors ippreżentat fis-6 ta' Mejju 2008 — Ivanov vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-166/08)
(2008/C 183/46)
Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż
Partijiet
Rikorrent: Vladimir Ivanov (Boulogne Billancourt, Franza) (rappreżentant: F. Rollinger, avukat)
Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
Talbiet tar-rikorrenti
—
tikkonstata r-responsabbiltà tal-Kummissjoni għal ksur tal-prinċipji ta' trasparenza, amministrazzjoni tajba, non-diskriminazzjoni u trattament ugwali fil-kuntest tal-proċedura ta' reklutaġġ li saret wara l-avviz ta' post battal għal kariga ta' “Kunsillier għall-fażi ta' qabel it-tkabbir u relatur politiku” ibbażat f'Sofia, f'Mejju 2203;
—
tikkundanna l-Kummissjoni tagħmel tajjeb għad-danni subiti mir-rikorrent fuq il-bażi tat-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 288 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea;
—
għaldaqstant tikkundanna lill-kontroparti tħallas lir-rikorrent l-ammont ta' EUR 180 000 bħala kumpens għal danni subiti;
—
kif ukoll l-ammont ta' EUR 10 000 għad-danni morali subiti mir-rikorrent;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Fl-2003, ir-rikorrent kien ippreżenta l-kandidatura tiegħu għal kariga ta' aġent lokali bħala “Kunsillier għall-fażi ta' qabel it-tkabbir” f'Sofia. Il-kandidatura tiegħu kienet ġiet miċħuda matul il-fażi preliminari ta' l-għażla minħabba ċ-ċittadinanza doppja Franċiża u Bulgara tiegħu, billi l-kandidati li għandhom iċ-ċittadinanza ta' Stat Membru wieħed biss kienu eliġibbli għal kariga li kellha timtela.
Waqt il-proċedura ta' reklutaġġ u wara ċ-ċaħda tal-kandidatura tiegħu, ir-rikorrent kien talab bla suċċess lill-Kummissjoni għal informazzjoni iktar dettaljata dwar il-proċedura u l-ġustifikazzjonijiet taċ-ċaħda tal-kandidatura tiegħu. Sussegwentement, huwa kien ressaq il-każ tiegħu quddiem l-Ombudsman Ewropew, li kien ikkonkluda li hemm hemm amministrazzjoni ħażina u ksur tal-prinċipju ta' non-diskriminazzjoni jew ta' trattament ugwali min-naħa tal-Kummissjoni.
Permezz ta' dan ir-rikors, ir-rikorrent jitlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex tikkonstata r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Kummissjoni għal ksur tal-prinċipji ta' trasparenza, ta' amministrazzjoni tajba, ta' non-diskriminazzjoni u ta' trattament ugwali fil-kuntest tal-proċedura ta' reklutaġġ in kwistjoni.
Full & Egal Universal Law Academy