30.8.2008
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea
C 223/52
Appell ippreżentat fit-23 ta' Ġunju 2008 minn Frantisek Doktor mis-sentenza mogħtija fis-16 ta' April 2008 mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-kawża F-73/07, Doktor vs Il-Kunsill
(Kawża T-248/08 P)
(2008/C 223/91)
Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż
Partijiet
Appellant: Frantisek Doktor (Bratislava, is-Slovakja) (rappreżentant: S. Rodrigues u C. Bernard-Glanz, avukati)
Appellat: Il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea
Talbiet ta' l-appellant
—
tannulla s-sentenza mogħtija mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ta' l-Unjoni Ewropea fis-16 ta' April 2008, fil-kawża F-73/07;
—
tilqa' t-talbiet għall-annullament u għad-danni ppreżentati mill-appellant fl-ewwel istanza;
—
tikkundanna lill-konvenut fl-ewwel istanza għall-ispejjeż kollha marbuta mar-rikors għal annullament u ma' l-appell.
Aggravji u argumenti prinċipali
Permezz ta' dan l-appell, l-appellant qiegħed jitlob l-annullament tas-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku (TSP) tas-16 ta' April 2008, mogħtija fil-kawża Doktor vs Il-Kunsill, F-73/07, li tiċħad ir-rikors li permezz tiegħu l-appellant kien talab, minn naħa, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kunsill dwar it-tkeċċija ta' l-appellant meta ntemm il-perijodu ta' prova tiegħu u, min-naħa l-oħra, kumpens għad-danni professjonali, finanzjarji u morali allegatament imġarrba minnu.
In sostenn ta' l-appell tiegħu, l-appellanti jsostni li t-TSP i) żnatura ċerti elementi ta' prova billi bbaża b'mod partikolari diversi mill-konstatazzjonijiet tiegħu fuq evalwazzjoni materjali ineżatta ta' l-elementi fil-proċess li kienu ppreżentati quddiemu; ii) kiser id-drittijiet tad-difiża ta' l-appellanti billi ma ħax in kunsiderazzjoni jew billi ma weġibx għal diversi elementi jew argumenti esposti quddiemu; u iii) wettaq żewġ żbalji ta' liġi fir-rigward ta' l-interpretazzjoni tiegħu tad-dritt Komunitarju marbuta mad-dritt ta' l-appellanti li jwettaq il-perijodu ta' prova tiegħu f'kundizzjonijiet normali u mal-possibbiltà għall-amministazzjoni li tikkompleta l-motivazzjoni ta' att li jikkawża preġudizzju fl-istadju tal-proċedura bil-miktub quddiem il-qrati Komunitarji.
Full & Egal Universal Law Academy