25.10.2008
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea
C 272/27
Rikors ippreżentat fit-2 ta' Lulju 2008 — Global Digital Disc vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-259/08)
(2008/C 272/53)
Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż
Partijiet
Rikorrenti: Global Digital Disc GmbH & Co. KG (Ottendorf-Okrilla, il-Ġermanja) (rappreżentant: D. Ehle, avukat)
Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
Talbiet tar-rikorrenti
—
tikkundanna lill-konvenuta tħallas lir-rikorrenti bħala danni l-ammont ta' EUR 8 025 495,25 bl-imgħax ta' 8 % mill-1 ta' Jannar 2008;
—
tikkonstata li l-konvenuta hija obbligata li tikkumpensa wkoll id-dannu mġarrab mir-rikorrenti mill-1 ta' Jannar 2008 u li għadha ġġarrab, bl-imgħaxijiet;
—
tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Ir-rikorrenti titlob il-kumpens għad-dannu mġarrab mill-fatt li l-Kummissjoni ma imponietx dazji kontra d-dumping provviżorji u definittivi fuq l-importazzjonijiet ta' diski kumpatti reġistrabbli (“CD-R”) li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, minn Hong Kong u mill-Malasja u li hija għalqet il-proċedura kontra d-dumping fir-rigward ta' dawn l-importazzjonijiet permezz ta' deċiżjoni tat-3 ta' Novembru 2006 (1).
Ir-rikorrenti hija impriża stabbilita fil-Ġermanja li tipproduċi CD-R u DVD-R.
Ir-rikorrenti ssostni fil-motivazzjoni tar-rikors tagħha, li l-aġir amministrattiv u regolamentari tal-konvenuta matul, sa u wara l-għeluq tal-proċedura kontra d-dumping dwar l-importazzjoni ta' CD-R li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, minn Hong Kong u mill-Malasja, kisret minn diversi aspetti u b'mod suffiċjentement gravi regoli, li huma prinċipalment applikabbli fid-dritt kontra d-dumping, u li għandhom jagħtu drittijiet lir-rikorrenti. Hija tiddikjara barra minn hekk li dan il-ksur suffiċjentement gravi tad-dritt mill-Kummissjoni wassal għal dannu kbir għar-rikorrenti. Hija ssostni fl-aħħarnett li hemm rabta ta' kawżalità bejn il-ksur serju tad-dritt u d-dannu mġarrab s'issa u fil-futur.
(1) Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Novembru 2006 li tagħlaq il-proċedura kontra d-dumping dwar l-importazzjonijiet ta' diski kumpatti reġistrabbli (CD+/-R) li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, minn Hong Kong u mill-Malasja (ĠU L 305, p. 15).
Full & Egal Universal Law Academy