25.10.2008
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea
C 272/28
Appell imressaq fis-16 ta' Lulju 2008 minn Pavlos Longinidis mis-sentenza mogħtija fl-24 ta' April 2008 mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-kawża F-74/06, Pavlos Longinidis vs Cedefop
(Kawża T-283/08 P)
(2008/C 272/54)
Lingwa tal-kawża: Il-Grieg
Partijiet
Appellant: Pavlos Longinidis (il-Greċja) (rappreżentanti: P. Giatagantzidis u S. Stavropoulou, avukati)
Appellata: Cedefop
Talbiet tal-appellant
—
Tannulla s-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-24 April 2008 fil-kawża F-74/06, Pavlos Longinidis vs Cedefop;
—
Tannulla d-deċiżjoni tat-30 ta' Novembru 2005 tad-direttriċi ta' Cedefop li ttemm il-kuntratt ta' impjieg għal żmien indefinit ta' l-appellant fl-appell tal-4 ta' Marzu 2003 u kull att amministrattiv konness ieħor;
—
Tannulla d-deċiżjoni tal-11 ta' Novembru 2005 tad-direttriċi ta' Cedefop li temenda l-kompożizzjoni tal-bord tal-appell ta' Cedefop u kull att aministrattiv konness ieħor;
—
Tannulla d-deċiżjoni tal-24 ta' Mejju 2006 tal-bord tal-appell ta' Cedefop li ċaħdet l-ilment tal-appellant fl-appell tat-28 ta' Frar 2006 u kull att amministrattiv konness ieħor;
—
Tilqa' r-rikors tad-19 ta' Ġunju 2006 imressaq mill-appellant;
—
Tikkundanna lil Cedefop għall-ispejjeż tal-ewwel istanza u tal-appell.
Aggravji u argumenti prinċipali
Fir-rikors tiegħu, l-appellant talab, b'mod partikolari, l-annullament tad-deċiżjoni tad-direttriċi ta' Cedefop li ttemm il-kuntratt għal żmien indefinit tiegħu. Ir-rikors tiegħu ġie miċħud b'sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-24 ta' April 2008.
L-appellant iqis li s-sentenza appellata ngħatat bi ksur tar-regoli dwar l-amministrazzjoni tal-provi peress li hija bbażata fuq elementi li ma nġabitx il-prova tagħhom. B'mod partikolari, meta t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku eżamina l-argument ta' l-appellant li l-motivi tat-tkeċċija tiegħu ġew ikkomunikati lilu verbalment waqt il-laqgħa tat-23 ta' Novembru 2005, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku wettaq żball ta' liġi meta emenda s-suġġett tal-prova.
Barra dan, l-appellant isostni li s-sentenza appellata hija vvizzjata b'insuffiċjenza ta' motivi. B'mod aktar preċiż, huwa jsostni li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma mmotivax biżżejjed l-evalwazzjoni tiegħu dwar il-fatt li l-appellant kien ġie informat suffiċjentement u kif xieraq dwar il-motivi tat-tkeċċija tiegħu u li ma speċifikax il-fatti kollha li, fil-fehma tiegħu, wasslu għat-tkeċċija tiegħu.
Fl-aħħarnett, l-appellant iqis li l-ilment tiegħu tat-28 ta' Frar 2006 kontra d-deċiżjoni ta' tkeċċija ma ġiex deċiż b'mod oġġettiv u imparzjali mill-bord tal-appell ta' Cedefop.
Full & Egal Universal Law Academy