25.10.2008
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea
C 272/31
Rikors ippreżentat fil-11 ta' Awwissu 2008 — L-Italja vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-305/08)
(2008/C 272/58)
Lingwa tal-kawża: It-Taljan
Partijiet
Rikorrenti: Ir-Repubblika Taljana (rappreżentant: F. Arena, avvocato dello Stato)
Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
Talbiet tar-rikorrenti
—
tannulla l-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 530/2008 tat-12 ta' Ġunju 2008 li jistabbilixxi miżuri ta' emerġenza fir-rigward ta' bastimenti bil-purse seines li jistadu għat-tonn fl-Oċean Atlantiku, fil-Lvant tal-lonġitudni 45° W, u fil-Baħar Mediterran, ippubblikat fil-ĠU L 155, 13 ta' Ġunju 2008, fil-parti li fiha tipprojbixxi mis-16 ta' Ġunju 2008, is-sajd għat-tonn fl-Oċean Atlantiku, fil-Lvant tal-lonġitudni 45° W, u fil-Baħar Mediterran minn bastimenti li jtajru l-bandiera Taljana u fil-parti li fiha tipprojbixxi ż-żamma abbord, it-tqegħid f'gaġeġ għat-tismin jew għat-trobbija, it-trażbord jew il-ħatt l-art ta' stokk ta' tonn minn dawn l-istess bastimenti.
—
tikkundanna lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Il-Gvern Taljan ikkontesta quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza tal-Komunitajiet Ewropej l-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 530/2008 tat-12 ta' Ġunju 2008 li jistabbilixxi miżuri ta' emerġenza fir-rigward ta' bastimenti bil-purse seines li jistadu għat-tonn fl-Oċean Atlantiku, fil-Lvant tal-lonġitudni 45° W, u fil-Baħar Mediterran, ippubblikat fil-ĠU L 155, 13 ta' Ġunju 2008.
Din il-kontestazzjoni hija bbażata fuq ħames motivi.
Permezz tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti ssostni li r-regolament ikkontestat huwa nieqes minn motivazzjoni, peress li l-allegazzjoni li ġew eżawriti l-opportunitajiet ta' sajd tal-flotta Taljana fis-16 ta' Ġunju 2008 ma hija sostnuta minn ebda argument għajr is-sempliċi referenza għall-eżistenza ta' ċertu data mhux speċifikata fil-pussess tal-Kummissjoni u għall-kontenut (anki dawn mhux magħrufa) tar-rapporti tal-ispetturi tagħhom stess.
Permezz tat-tieni motiv, ir-rikorrenti tilmenta l-eżistenza ta' abbuż ta' poter, billi ssostni li l-Kummissjoni adottat il-miżura ta' urġenza skont l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 mhux minħabba s-sussistenza tal-fatti previsti minn din id-dispożizzjoni, iżda minħabba l-għan differenti li tintervjeni fil-konfront ta' allegat nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu skont ir-Regolament tal-Kunsill Nru 1559/2007.
Permezz tat-tielet motiv, qed jiġi indikat il-ksur tal-Artikoli 7 u 26 tar-Regolament Nru 2371/2002, inkwantu, skont ir-rikorrenti, il-preżupposti fattwali indikati mill-Kummissjoni taw lok, l-iktar, għall-adozzjoni ta' miżuri skont l-Artikolu 26 iċċitat (fl-osservanza tal-proċedura prevista minn din id-dispożizzjoni) u mhux skont l-Artikolu 7.
Permezz tar-raba' motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-att ikkontestat huwa vvizzjat minn interpretazzjoni żbaljata tal-fatti, inkwantu mill-informazzjoni tal-awtoritajiet Taljani, trażmessa lill-Kummisssjoni, jirriżulta li, anki wara li ġie adottat ir-regolament ikkontestat, l-istock ta' tonn maqbud minn bastimenti li jtajru l-bandiera Taljana huwa inqas mill-50 % tal-kwota assenjata, fejn għaldaqstant l-allegazzjoni li fuqha hija bbażata l-miżura kkontestata (eżawriment tal-opportunitajiet ta' sajd tal-flotta Taljana) hija infondata.
Permezz tal-ħames u l-aħħar motiv, ir-rikorrenti tilmenta li hemm nuqqas ta' motivazzjoni fir-rigward tal-eżistenza tal-ksur tar-Regolament Nru 1559/2007, liema ksur jissemma wkoll b'mod ġeneriku fir-regolament ikkontestat, mingħajr indikazzjoni tan-natura tiegħu jew tal-provi li fuqhom ġiet ibbażata l-allegazzjoni li l-Istat Membru rikorrenti naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt dan ir-regolament.
Full & Egal Universal Law Academy