8.11.2008
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea
C 285/44
Rikors ippreżentat fid-19 ta' Awwissu 2008 — Arkema France vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-343/08)
(2008/C 285/81)
Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż
Partijiet
Rikorrenti: Arkema France (Colombes, Franza) (rappreżentanti: A. Winckler, S. Sorinas Jimeno u H. Kanellopoulos, avukati)
Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
Talbiet tar-rikorrenti
—
tannulla, fuq il-bażi tal-Artikolu 230 KE, id-deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej fil-11 ta' Ġunju 2008 fil-każ COMP/38.695 sa fejn din tikkonċerna lil Arkema;
—
sussidjarjament, tannulla jew tnaqqas, fuq il-bażi tal-Artikolu 229 KE, l-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqha permezz ta' din id-deċiżjoni;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej għall-ispejjeż kollha.
Motivi u argumenti prinċipali
B'dan ir-rikors, ir-rikorrenti qed titlob l-annullament parzjali tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2008) 2626 finali, tal-11 ta' Ġunju 2008, fil-każ COMP/38.695 — Klorat tas-sodju, li permezz tagħha l-Kummissjoni kkonstatat li ċerti impriżi, fosthom ir-rikorrenti, kisru l-Artikolu 81(1) KE u l-Artikolu 53(1) tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea meta qasmu bejniethom volumi ta' bejgħ, iffissaw prezzijiet, għaddew lil xulxin informazzjoni kummerċjali sensittiva dwar il-prezzijiet u l-volumi tal-bejgħ u ssorveljaw l-eżekuzzjoni ta' dawn l-arranġamenti antikompetittivi fis-suq tal-klorat tas-sodju fiż-Żona Ekonomika Ewropea.
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba' motivi bbażati fuq:
—
ksur ta' regoli dwar l-imputabbiltà ta' ksur magħmul minn kumpannija sussidjarja lill-kumpannija parent tagħha, inkwantu l-Kummissjoni allegatament għamlet żbalji ta' fatt meta kkunsidrat li Elf Aquitaine kellha influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali tar-rikorrenti;
—
ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti kif ukoll tal-prinċipji tal-proporzjonalità, tan-ne bis in idem, tat-trattament ugwali u tal-amminstrazzjoni tajba, peress li l-ammont bażiku tal-multa tar-rikorrenti ġie miżjud b'90 % minħabba ksur ripetut;
—
stima baxxa tal-valur tal-informazzjoni mressqa mir-rikorrenti skont l-avviż dwar il-klemenza tal-2002 (1), inkwantu r-rikorrenti setgħet tibbenefika minn tnaqqis tal-ammont tal-multa ta' minn 30 sa 50 %; u
—
żbalji ta' liġi u ta' fatt kif ukoll ksur tal-prinċipji tal-amminstrazzjoni tajba, tal-proporzjonalità u tat-trattament ugwali, peress li l-Kummissjoni ma naqsitx l-ammont tal-multa tar-rikorrenti fuq il-bażi tal-kooperazzjoni tagħha matul il-proċedura amministrattiva.
(1) Avviż tal-Kummissjoni dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f'multi f'każijiet ta' kartell (ĠU 2002, C 45, p. 3).
Full & Egal Universal Law Academy