8.11.2008
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea
C 285/48
Appell ippreżentat fis-26 ta' Awwissu 2008 minn Chantal De Fays mis-sentenza mogħtija fis-17 ta' Ġunju 2008 mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-kawża F-97/07, De Fays vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-355/08 P)
(2008/C 285/87)
Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż
Partijiet
Appellanti: Chantal De Fays (Bereldange, il-Lussemburgu) (rappreżentant: F. Moyse, avukat)
Appellata: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
Talbiet tal-appellanti
—
tiddikjara dan l-appell ammissibbli;
—
tannulla s-sentenza appellata;
—
tilqa' t-talbiet għal annullament imressqa mill-appellanti quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi.
Aggravji u argumenti prinċipali
Permezz ta' dan l-appell, l-appellanti titlob l-annullament tas-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku (aktar 'il quddiem it-“TSP”) tas-17 ta' Ġunju 2008, fil-kawża F-97/07, li permezz tagħha t-Tribunal ċaħad ir-rikors tagħha ppreżentat kontra d-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra tal-21 ta' Novembru 2006 li fiha ġie applikat l-Artikolu 60 tar-Regolamenti tal-Persunal.
In sostenn tal-appell tagħha, l-appellanti invokat żewġ aggravji:
Fl-ewwel lok, l-appellanti tqis li t-TSP kkommetta żball ta' liġi fid-definizzjoni tal-portata fiż-żmien tad-deċiżjoni tal-21 ta' Novembru 2006 li permezz tagħha l-amministrazzjoni kienet, minn naħa waħda, ikkonstatat l-assenza irregolari tal-appellanti mid-19 ta' Ottubru 2006, u min-naħa l-oħra, ċaħditha mir-remunerazzjoni tagħha għall-perijodu kollu mhux kopert bil-leave annwali. Fil-fatt, l-appellanti ssostni li t-TSP kkunsidra li l-effetti tad-deċiżjoni kkontestata kienu koprew biss il-perijodu mid-19 ta' Ottubru 2006 sat-13 ta' Diċembru 2006, jiġifieri sakemm l-amministrazzjoni rċeviet ċertifikat mediku li jiġġustifika l-assenza tal-appellanti, filwaqt li fil-fatt, l-effetti kienu baqgħu għaddejjin sa issa. Dan l-iżball ta' liġi huwa l-konsegwenza ta' apprezzament ġuridiku żbaljat tal-fatti li l-ineżattezza tiegħu tirriżulta, skont l-appellanti, mid-dokumenti tal-proċess.
Fit-tieni lok, l-appellanti ssostni li l-fatt li t-TSP ibbaża d-deċiżjoni li s-sospensjoni tal-ħlas tar-remunerazzjoni li kienet dovuta lill-appellanti kellha tkompli fuq l-eżistenza ta' deċiżjoni impliċita, kien żball ta' liġi li jimplika ksur tal-Artikoli 25(2), 59(1) u 60 tar-Regolamenti tal-Persunal kif ukoll tad-dispożizzjonijiet interni tal-Kummissjoni dwar l-eżerċizzju tas-setgħat iddelagati lill-Awtorità tal-Ħatra u tad-drittijiet tad-difiża.
Full & Egal Universal Law Academy