20.12.2008
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea
C 327/32
Rikors ippreżentat fit-30 ta' Settembru 2008 — KODA vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-425/08)
(2008/C 327/59)
Lingwa tal-kawża: Id-Daniż
Partijiet
Rikorrenti: KODA (Kopenħagen, id-Danimarka) (rappreżentanti: K. Dyekjær u J. Borum, avukati)
Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
Talbiet tar-rikorrent
—
tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta' Lulju 2008, każ COMP/C2/38.698 CISAC, kollha kemm hi, jew
—
sussidjarjament, tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta' Lulju 2008, każ COMP/C2/38.698 CISAC, kollha kemm hi safejn tikkonċerna KODA; jew
—
tannulla l-Artikolu 3 u l-Artikolu 4(2) u (3) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta' Lulju 2008, każ COMP/C2/38.698 CISAC; jew
—
sussidjarjament, tannulla l-Artikolu 3 u l-Artikolu 4(2) u (3) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta' Lulju 2008, każ COMP/C2/38.698 CISAC, safejn tikkonċerna KODA; jew
—
ulterjorment, tannulla l-Artikolu 3 u l-Artikolu 4(2) u (3) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta' Lulju 2008, każ COMP/C2/38.698 CISAC, safejn tikkonċerna t-trażmissjoni bil-kejbil u
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Permezz ta' dan ir-rikors, ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta' Lulju 2008, C(2008) 3435 finali, każ COMP/C2/38.698 — CISAC, li biha l-Kummissjoni kkonstatat li r-rikorrenti kisret l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim taż-ŻEE billi inkludiet fil-ftehim tagħha ta' rappreżentanza reċiproka jew billi inkludiet fl-operat tagħha limitazzjonijiet relatati mas-sħubija (Artikolu 1) u klawżoli ta' esklużività (Artikolu 2) u billi ftehmet dwar limitazzjonijiet territorjali b'mod li llimitat liċenzja konnessa mat-territorju nazzjonali tal-awtorità ta' amministrazzjoni inkwistjoni fil-każ tal-attribuzzjoni ta' liċenzji għal drittijiet għax-xandir pubbliku ta' xogħlijiet mużikali bl-internet, bis-satellita u bil-kejbil (Artikolu 3).
In sostenn tat-talbiet tagħha, ir-rikorrenti ssostni li:
—
id-deċiżjoni kkontestata għandha difett ta' forma, inkwantu, f'parti ċentrali tagħha, id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet hija differenti mid-deċiżjoni finali;
—
id-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minn żball ta' liġi, inkwantu i) ma ġiex ipprovat li l-inklużjoni min-naħa tar-rikorrenti ta' limitazzjonijiet territorjali fil-kuntratti tagħha ta' rappreżentanza reċiproka permezz tax-xandir bl-internet, bis-satellita u bil-kejbil huwa dovut għal prattika miftiehma ma' awtoritajiet oħra ta' amministrazzjoni li joperaw fiż-ŻEE, u inkwantu ii) il-limitazzjonijiet territorjali ma jikkostitiwixxux restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni.
Sussidjarjament ir-rikorrenti ssostni li fid-deċiżjoni kkontestata ma ġiex ipprovat li hemm ksur fir-rigward tal-għoti ta' liċenzji ta' drittijiet ta' xandir bil-kejbil.
Full & Egal Universal Law Academy