7.2.2009
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 32/37
Rikors ippreżentat fit-23 ta' Ottubru 2008 — Toland vs Il-Parlament
(Kawża T-471/08)
(2009/C 32/72)
Lingwa tal-kawża: L-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: Ciarán Toland (Dublin, l-Irlanda) (rappreżentanti: A. Burke, Solicitor, E. Regan, SC)
Konvenut: Il-Parlament Ewropew
Talbiet tar-rikorrenti
—
tannulla Deċiżjoni A(2008) 10636 tal-Viċi-President Dianna Wallis MEP tal-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Awwissu 2008 indirizzata lill-Ciaran Toland sa fejn din irrifjutat lir-rikorrenti l-aċċess għar-Rapport Intern ta' Verifika Nru 06/02 konkluż fid-9 ta' Jannar 2008 tas-Servizz Intern ta' Verifika tal-Parlament Ewropew intitolat “Verifika tal-kumpens għall-assistenza Parlamentarja”;
—
tordna lill-Parlament Ewropew jagħti aċċess lir-rikorrenti għar-Rapport ta' Verifika Interna Nru 06/02 konkluż fid-9 ta' Jannar 2008 tas-Servizz tal-Verifika Interna tal-Parlament Ewropew intitolat “Verifika tal-kumpens għall-assistenza Parlamentarja”;
—
tikkundanna il-Parlament Ewropew għall-ispejjeż tar-rikorrenti.
Motivi u argumenti prinċipali
Fil-11 ta' Ġunju 2008, ir-rikorrenti talbet lill-Parlament Ewropew għal aċċess għar-Rapport Annwali 2006 tas-Servizz tal-Verifika Interna tal-Parlament Ewropew, li jinkludi is-16-il rapport ta' verifika msemmija fil-paragrafu 24 tar-Reżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-22 ta' April 2008. B'ittra tat-23 ta' Ġunju 2008, ir-rikorrenti ngħatat aċċess parzjali għal wieħed mir-rapporti, ir-Rapport Intern ta' Verifika 07/01, u għamel applikazzjoni konfermatorja fuq il-bażi tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament (KE) 1049/2001 (1) għal aċċess sħiħ għas-16-il rapport ta' verifika. B'ittra tal-11 ta' Awwissu 2008, li r-rikorrenti saret taf biha fl-20 ta' Awwissu 2008, il-Viċi President tal-Parlament Ewropew laqa' l-applikazzjoni u ta aċċess għal 13 mir-Rapporti Interni ta' Verifiki mitluba, aċċess parzjali għal 2 mir-rapporti l-oħra, filwaqt li rrifjutat aċċess għal wieħed minnhom.
Fuq il-bażi tal-applikazzjoni tiegħu magħmula skont l-Artikolu 230 KE u skont ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001, ir-rikorrenti titlob l-annullament parzjali tad-Deċiżjoni A (2008) 10636 tal-11 ta' Awwissu 2008, safejn din ċaħdet it-talba tar-rikorrenti sabiex ikollha aċċess għar-Rapport Nru 06/02 tas-Servizz Intern ta' Verifika intitolat “Verifika tal-kumpens għall-assistenza Parlamentarja”.
Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata hija vizzjata minn żbalji manifesti ta' liġi u ta' fatt, hija sproporzjonata u tonqos milli tagħti motivazzjoni, billi:
(a)
ma ressqet l-ebda raġunijiet ammissibbli skont il-liġi għar-rifjut ta' aċċess;
(b)
tuża marġini ta' diskrezzjoni li m'għandhix, billi ma ħaditx inkusiderazzjoni d-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni;
(ċ)
ma ressqet l-ebda raġunijiet leġittimi għar-rifjut tal-aċċess taħt it-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) jew l-Artikolu 4(3) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001;
(d)
naqset milli tikkunsidra jekk kienx hemm interess pubbliku prevalenti fuq ir-raġunijiet għal rifjut bħala sekondarji;
(e)
il-Viċi President naqas milli jistabbilixxi li l-interessi tad-demokrazija, ftuħ u t-trasparenza huma interessi pubbliċi prevalenti fuq ir-raġunijiet għal rifjut;
(f)
hija rrikonnoxxiet li r-Rapport Intern ta' Verifika għamel rakkomandazzjonijiet għall-implimentazzjoni ta' pjanijiet ta' azzjoni fi ħdan il-proċess regolatorju u leġiżlattiv jew naqset milli ssib li l-interessi tad-demokrazija, ftuħ u t-trasparenza fil-proċess regolatorju u leġiżlattiv huma kwistjonijiet ta' parteċipazzjoni taċ-ċittadin li jikkostitwixxu interess pubbliku prelevanti fl-iżvelar.
(1) Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU 2001 L 145, p. 43).
Full & Egal Universal Law Academy