21.3.2009
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 69/40
Appell ippreżentat fid-29 ta' Ottubru 2008 minn Radu Duta mis-sentenza mogħtija fl-4 ta' Settembru 2008 mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-Kawża F-103/07, Duta vs Il-Qorti tal-Ġustizzja
(Kawża T-475/08 P)
(2009/C 69/93)
Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż
Partijiet
Appellant: Radu Duta (Lussemburgu, Lussemburgu) (rappreżentant: F. Krieg, avukat)
Appellata: Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej
Talbiet tal-appellant
—
tilqa' l-appell preżenti bħala ammissibbli proċeduralment;
—
tiddikjarah bħala fondat fil-mertu;
—
għaldaqstant, billi tibdel is-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea tal-4 ta' Settembru 2008, tiddikjara r-rikors tal-appellanti ammissibbli u fondat;
—
sa fejn huwa neċessarju, tirrinvija l-każ tiegħu quddiem l-awtorità kompetenti sabiex tiddeċiedi skont is-sentenza mogħtija;
—
tikkundanna lill-konvenuta għall-ħlas tas-somma ta' EUR 1 100 000 (miljun u mitt elf Euro) bħala kumpens għad-danni;
—
sa fejn huwa neċessarju, tordna l-ħatra ta' espert sabiex jevalwa l-ammont tad-dannu mġarrab mill-appellant;
—
tikkundanna lill-konvenuta għat-totalità tal-ispejjeż tal-istanza;
—
tippermetti lill-appellant jirreferi espressament għat-talbiet tiegħu fl-ewwel istanza li huma annessi mar-rikors tal-appell u meqjusa bħala parti integrali tiegħu;
—
għall-bqija, tippermetti lill-appellant jirriżerva espressament kull dritt, motiv u azzjoni u b'mod partikolari d-dritt li jippreżenta rikors quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.
Aggravji u argumenti prinċipali
Permezz ta' dan l-appell, l-appellant jitlob l-annullament tas-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-4 ta' Settembru 2008, mogħtija fil-kawża Duta vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, F-103/07, li tiċħad bħala inammissibbli r-rikors tal-appellant fl-ewwel istanza intiż, minn naħa, għall-annullament tal-ittra li permezz tagħha ġie mgħarraf li ma kienx se jiġi offrut pożizzjoni ta' référendaire u, min-naħa l-oħra, għall-kumpens tad-danni allegatament imġarrba.
L-appellant jindika li ppreżenta r-rikors tiegħu b'mod kawtelatorju, sabiex jippreżerva d-drittijiet tiegħu quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Huwa ma jinvokax b'mod preċiż l-elementi kkritikati tas-sentenza appellata u lanqas ma jindika l-argumenti ġuridiċi li jsostnu b'mod speċifiku din it-talba.
Full & Egal Universal Law Academy