21.2.2009
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 44/52
Rikors ippreżentat fl-1 ta' Diċembru 2008 — Poste Italiane vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-525/08)
(2009/C 44/92)
Lingwa tal-kawża: It-Taljan
Partijiet
Rikorrenti: Poste Italiane SpA (Ruma, l-Italja) (rappreżentanti: A. Fratini, avvocato, A. Sandulli, avvocato, F. Filpo, avvocato)
Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
Talbiet tar-rikorrenti
—
tilqa' r-rikors u għaldaqstant tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta' Lulju 2008, dwar l-għajnuna C 42/2006 mogħtija mill-Italja għar-remunerazzjoni tal-kontijiet kurrenti ta' Poste Italiane fit-Teżor tal-Istat, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
—
tikkundanna lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Ir-rikors preżenti huwa intiż kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tas-16 ta' Lulju 2008, dwar l-għajnuna mill-Istat C 42/2006 mogħtija mill-Italja għar-remunerazzjoni tal-kontijiet kurrenti ta' Poste Italiane fit-Teżor tal-Istat. Din id-deċiżjoni ddikjarat lill-iskema ta' għajnuna mill-Istat dwar ir-remunerazzjoni tal-kontijiet kurrenti ta' Poste Italiane fit-Teżor tal-Istat, stabbilita mill-Liġi Nru 266 tat-23 ta' Diċembru 2005, u mill-ftehim bejn il-Ministeru tal-Ekonomija u tal-Finanzi u Poste Italiane, tat-23 ta' Frar 2006, implementata illegalment mill-Italja bi ksur tal-Artikolu 88(3) tat-Trattat, bħala inkompatibbli mas-suq komuni, filwaqt li ordnat l-irkupru tagħha.
Insostenn tat-talbiet tagħha, ir-rikorrenti tinvoka:
—
Il-ksur tal-Artikoli 253 u 87(1) tat-Trattat KE minħabba żball ta' fatt u żball manifest ta' evalwazzjoni, fir-rigward tal-applikazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni tal-kriterju tad-diliġenza ta' min jissellef, li wasslet għall applikazzjoni ta' rata ta' imgħax fil-konfront tal-persuna privata li tissellef.
—
Il-ksur tal-Artikolu 87(1) tat-Trattat KE, minħabba żball manifest ta' evalwazzjoni, fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-investimenti alternattivi. F'dan ir-rigward, ir-rikorrenti tenfasizza li, matul il-proċeduri ammistrattivi, l-awtoritajiet Taljani sostnew li l-parametru stabbilit fil-ftehim, li jorbot il-ġestjoni tal-kreditu li jirriżulta mid-distribuzzjoni tal-posta, jippreġudika lil Poste fir-rigward tal-possibbiltà ta' profitt minn ġestjoni attiva, u għalhekk ma joħloqx “vantaġġ” skont l-Artikolu 87 tat-Trattat.
Dwar dan il-punt, ir-rikorrenti tirreferi wkoll għar-rilevanza tal-istudju RBS u tal-pariri mogħtija minn intermedjarji finanzjarji, kif ukoll għal paragun ma' ġestjonijiet tat-tip trading system, mal-ġestjoni tal-kreditu tal-polzi ta' assigurazzjoni ta' Poste Vita, mal-ġestjoni tal-fondi ta' Efiposte, kumpannija Franċiża li hija kkontrollata minn Poste, u mal-ispejjeż tad-dejn tat-Teżor.
—
Il-ksur tal-Artikoli 253 u 87(1) tat-Trattat minħabba difett ta' motivazzjoni u żball manifest ta' evalwazzjoni, tal-Artikolu 12 tat-Trattat minħabba diskriminazzjoni, kif ukoll tal-prinċipji tal-aspettattivi leġittimi u taċ-ċertezza legali, peress li ma saritx analiżi tal-element ta' vantaġġ u tad-distorsjoni tal-kompetizzjoni fil-kuntest tal-obbligu ta' servizz universali ta' Poste.
—
Il-ksur tal-prinċipji ġenerali tal-aspettattivi leġittimi, taċ-ċertezza legali u ta' proporzjonalità, safejn ġie ordnat l-irkupru tal-allegata għajnuna mingħand il-benefiċjarja.
Full & Egal Universal Law Academy