21.2.2009
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 44/56
Rikors ippreżentat fit-12 ta' Diċembru 2008 — Esso et vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-540/08)
(2009/C 44/98)
Lingwa tal-kawża: L-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: Esso Société Anonyme Française (Courbevoie, Franza), Esso Deutschland GmbH (Hamburg, il-Ġermanja), ExxonMobil Petroleum and Chemical BVBA (Antwerpen, il-Belġju), Exxon Mobil Corp. (Irving, l-Istati Uniti) (rappreżentanti: R. Snelders, R. Subiotto, L.-P. Rudolf, M. Piergiovanni, avukati)
Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
Talbiet tar-rikorrenti
—
tannulla parzjalment id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-1 ta' Ottubru 2008, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 KE (Każ KOMP/39.181 — Xemgħa bajda);
—
tnaqqas il-multa imposta fuq ir-rikorrenti bl-imsemmija deċiżjoni, u
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż ta' dawn il-proċedimenti.
Motivi u argumenti prinċipali
Ir-rikorrenti jixtiequ jiksbu l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2008) 5476 finali tal-1 ta' Ottubru 2008, fil-Każ KOMP/39.181 — Xemgħa bajda (paraffin wax) (iktar 'il quddiem “id-deċiżjoni kkontestata”) u tnaqqis fil-multi imposti fuq ir-rikorrenti.
In sostenn tat-talbiet tagħhom, ir-rikorrenti jressqu ż-żewġ motivi li ġejjin:
Permezz tal-ewwel motiv, ir-rikorenti jsostnu li d-deċiżjoni hija żbaljata fil-liġi peress li tibbaża l-kalkolu tal-multa ta' Esso Société Anonyme Française (iktar 'il quddiem “Esso”) fuq metodoloġija li ma tirriflettix il-fatt mhux ikkontestat li, qabel l-għaqda bejn Exxon u Mobil, in-negozju ta' xemgħa bajda (paraffin wax) ta' Exxon ma kienx ipparteċipa fil-ksur. Ir-rikorrenti jsostnu li skont id-deċiżjoni kkontestata, Esso hija mmultata bħallikieku Exxon kienet ipparteċipat fil-ksur għal seba' snin qabel l-għaqda, minkejja li d-deċiżjoni kkontestata tammetti li ma kinitx ipparteċipat. Għalhekk, id-deċiżjoni kkontestata tkabbar iżżejjed l-importanza ta' Esson fil-ksur u tikser il-prinċipji ta' ugwaljanza u proporzjonalità, u kif ukoll l-Artikolu 23(3) tar-Regolament (KE) 1/2003 (1) u l-Linji gwida tal-2006 (2).
Permezz tat-tieni motiv tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata hija żbaljata fil-liġi sa fejn tikkonstata li l-parteċipazzjoni tal-applikanti fil-parti tal-ksur marbuta max-xemgħa bajda spiċċat biss f'Novembru 2003. B'mod partikolari, ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata ma tissodisfax il-piż tal-prova tal-Kummissjoni dwar it-tul tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-parti tal-ksur marbuta max-xemgħa bajda. Barra minn hekk, l-allegazzjoni tar-rikorrenti li d-deċiżjoni kkontestata ma tiġbidx il-konklużjonijiet adegwati mill-fatt mhux ikkontestat li r-rikorrenti ma pparteċipawx fi — u ma kinux informati bil-konklużjoni ta' — xi “Laqgħat Tekniċi” li setgħu saru wara s-27/it-28 ta' Frar 2003.
(1) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta' Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU 2003 L 1, p. 1).
(2) Linji ta' gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi mposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 (ĠU 2006 C 210 p. 2).
Full & Egal Universal Law Academy