21.2.2009
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 44/58
Rikors ippreżentat fit-3 ta' Diċembru 2008 — Evropaïki Dynamiki vs ECHA
(Kawża T-542/08)
(2009/C 44/100)
Lingwa tal-kawża: L-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: Evropaïki Dynamiki — Proigmena Systimata Tilepikoinonion Pliroforikis kai Tilematikis AE (Ateni, il-Greċja) (rappreżentanti: N. Korogiannakis, P. Katsimani, u M. Dermitzakis, avukati)
Konvenuta: Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA)
Talbiet tar-rikorrenti
—
tannulla d-deċiżjoni tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, ikkomunikata lir-rikorrenti permezz ta' ittra mingħajr data li hija rċeviet fil-25 ta' Settembru 2008, li tirrifjuta l-offerta tar-rikorrenti ppreżentata taħt is-sejħa għal offerti miftuħa ECHA/2008/24 għall-“iżvilupp ta' għodda ta' evalwazzjoni tas-sigurtà tas-sustanzi kimiċi” (ĠU 2008/S 115-152918) kif ukoll id-deċiżjonijiet sussegwenti kollha tal-ECHA, inkluża dik li tagħti l-kuntratt lill-offerenti magħżula;
—
tikkundanna lill-ECHA tħallas kumpens għad-dannu kkawżat lir-rikorrenti mill-proċedura għall-għoti ta' kuntratt, fl-ammont ta' EUR 1 500 000;
—
tikkundanna lill-ECHA għall-ispejjeż tar-rikorrenti marbuta mar-rikors preżenti, anki fil-każ li dan jiġi miċħud.
Motivi u argumenti prinċipali
Permezz tar-rikors preżenti, ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (iktar 'il quddiem l-“ECHA”) li ġiet innotifikata lilha b'ittra fil-25 ta' Settembru 2008, li informataha li l-offerta li hija kienet ippreżentat fil-kuntest tal-kuntratt ECHA/2008/24 għall-“iżvilupp ta' għodda ta' evalwazzjoni tas-sigurtà tas-sustanzi kimiċi” (ĠU 2008/S 115-152918) ma ntlaqgħatx u li l-kuntratt ngħata lil TRASYS SA.
Ir-rikorrenti ssostni li l-kumitat ta' evlawazzjoni wettaq diversi żbalji ta' evalwazzjoni fir-rigward tal-kriterji għall-għoti, filwaqt li r-regoli fundamentali u l-prinċipji bażiċi tal-kuntratti pubbliċi ma ġewx irrispettati mill-awtorità kontraenti. Barra minn hekk, hija ssostni li l-ECHA abbużat il-poteri tagħha fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-offerti, kisret ir-Regolament Finanzjarju u/jew il-prinċipji ta' trasparenza u ta' trattament ugwali u użat terminoloġija mhux preċiża jew immotivat b'mod insuffiċjenti d-deċiżjoni tagħha. Fl-aħħar, ir-rikorrenti ssostni li l-konvenuta kisret rekwiżit proċedurali sostanzjali fis-sens tal-Artikolu 158a tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, EURATOM) Nru 478/2007 (1), li jipprovdi għal perijodu ta' stennija qabel l-iffirmar tal-kuntratt mal-offerenti magħżula. Hija ssostni li l-konvenuta ma nnotifikathiex f'temp utli b'mod deliberat sabiex tkun tista' tiffinalizza l-iffirmar tal-kuntratt mall-offerenti magħżula qabel ma tirċievi kwalunkwe kumment mir-rikorrenti, ħaġa din li ġġib fix-xejn l-ispirtu u l-għan tal-perijodu ta' stennija.
Barra minn hekk, ir-rikorrenti titlob kumpens ta' ammont ta' EUR 1 500 000 li jikkorrispondi għall-profitt gross li probabbilment setgħet tikseb mill-proċedura għall-għoti ta' kuntratt msemmija iktar 'il fuq li kieku l-kuntratt ingħata lilha. Ir-rikorrenti ssosnti li t-talba għal kumpens tagħha hija bbażata fuq argumenti sostanzjali li jesponu ksur serju ta' regola superjuri ta' dritt li tipproteġi lill-individwi u interpretazzjoni żbaljata serja u manifesta tal-limiti li huma suġġetti għalihom l-istituzzjonijiet kkonċernati fl-eżerċizzju tal-poteri tagħhom.
(1) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 478/2007, tat-23 ta' April 2007, li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2342/2002 li jippreskrivi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 fuq ir-Regolamenti Finanzjaru li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej.
Full & Egal Universal Law Academy