7.3.2009
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 55/30
Rikors ippreżentat fil-15 ta' Diċembru 2008 — RWE u RWE Dea vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-543/08)
(2009/C 55/56)
Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż
Partijiet
Rikorrenti: RWE (Essen, il-Ġermanja) u RWE Dea (Amburgu, il-Ġermanja) (rappreżentanti: C. Stadler u M. Röhrig, avukati)
Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
Talbiet tar-rikorrenti
—
tannulla l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni sa fejn tiddikjara li r-rikorrenti kisru l-Artikolu 81(1) KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE;
—
tannulla l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni sa fejn ġiet imposta multa ta' EUR 37 440 000 fuq ir-rikorrenti bħala debituri in solidum;
—
sussidjarjament, tnaqqas b'mod xieraq il-multa imposta fuq ir-rikorrenti bħala debituri in solidum fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni;
—
tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Ir-rikorrenti tikkontesta d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2008) 5476 finali, tal-1 ta' Ottubru 2008, fil-Każ COMP/39.181 — Xemgħa bajda, li fiha l-konvenuta kkonstatat li ċerti impriżi, fosthom ir-rikorrenti, minħabba parteċipazzjoni fi ftehim kontinwu u/jew prattika miftiehma kontinwa fis-settur tax-xemgħa bajda (paraffin wax), kisru l-Artikolu 81(1) KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea.
Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw tliet motivi.
Fl-ewwel motiv tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu li l-konvenuta kisret l-Artikolu 81(1) KE u l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 (1) peress li hija applikat, b'mod żbaljat fil-liġi, il-kunċett ta' impriża għad-detriment tar-rikorrenti. Il-konvenuta qieset li r-rikorrenti kienu responsabbli għal ksur tal-impriża preċedenti DEA Mineraloel AG jew — wara l-bidla ta' din l-impriża f'impriża konġunta ma' Shell — ta' Shell & Dea Oil u konsegwentement imponiet multa fuqhom, mingħajr ma pprovat l-eżistenza ta' entità ekonomika.
Sussidjarjament, fit-tieni motiv tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu li l-konvenuta applikat b'mod żbaljat l-avviż dwar it-tnaqqis tal-multi tal-2002 u b'hekk kisret il-prinċipju ta' trattament ugwali sa fejn ma estendietx għar-rikorrenti l-benefiċċji tal-applikazzjoni għal klemenza mressqa minn Shell fir-rigward tan-negozju ta' xemgħa bajda (paraffin wax) mill-impriża preċedenti DEA Mineraloel AG u minn Shell & Dea Oil GmbH. Għalhekk, il-konvenuta tmur kontra l-opinjoni tagħha stess fis-sens li dan in-negozju tax-xemgħa bajda (paraffin wax) fil-perijodu bejn it-3 ta' Settembru 1992 u t-30 ta' Lulju 2002 kien sar mill-istess entità ekonomika komposta mir-rikorrenti. Li kieku applikat b'mod korrett l-avviż dwar it-tnaqqis tal-multi, il-konvenuta kienet teżenta kompletament lir-rikorrenti minn eventwali multa.
Sussidjarjament, ir-rikorrenti jsostnu, permezz tat-tielet motiv, li l-konvenuta kisret principji fundamentali għall-kalkolu tal-multa, b'mod partikolari l-prinċipji ta' trattament ugwali u ta' proporzjonalità, u b'hekk kisret l-Artikolu 23(2) u (3) tar-Regolament Nru 1/2003. Il-konvenuta applikat b'mod żbaljat il-Linji gwida dwar il-kalkolu tal-multi tal-2006, peress li hija kkalkolat id-dħul mill-bejgħ rilevanti b'riferiment għal perijodu ta' referenza li mhuwiex rappreżentattiv biżżejjed u, għaldaqstant, stabbiliet ammont bażiku li mhuwiex proporzjonat mal-gravità tal-allegat ksur tar-rikorrenti u ttrattat b'mod inugwali lir-rikorrenti meta mqabbla mal-parteċipanti l-oħrajn, inkluża Shell, mingħajr raġunjiet oġġettivi għal dan it-trattament inugwali.
(1) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU L 1, p. 1).
Full & Egal Universal Law Academy