7.3.2009
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 55/32
Rikors ippreżentat fil-15 ta' Diċembru 2008 — H & R ChemPharm vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-551/08)
(2009/C 55/60)
Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż
Partijiet
Rikorrenti: H & R ChemPharm GmbH (Salzbergen, il-Ġermanja) (rappreżentanti: M. Klusmann u S. Thomas, avukati)
Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
Talbiet tar-rikorrenti
—
tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn tikkonċerna lir-rikorrenti;
—
sussidjarjament, tnaqqas b'mod xieraq l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti fid-deċiżjoni kkontestata;
—
tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Ir-rikorrenti tikkontesta d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2008) 5476 finali, tal-1 ta' Ottubru 2008, fil-Każ COMP/39.181 — Xemgħa bajda, li fiha l-konvenuta ddeċidiet li ċerti impriżi, fosthom ir-rikorrenti, permezz tal-parteċipazzjoni tagħhom fi ftehim kontinwu u/jew prattika miftiehma kontinwa fis-settur tax-xemgħa bajda (paraffin wax), kisru l-Artikolu 81(1) KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea.
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba' motivi.
Permezz tal-ewwel motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni ksur tad-drittijiet tad-difiża, peress li fid-deċiżjoni kkontestata ma ssirx distinzjoni bejnha u bejn impriżi distinti oħra li ġiet imposta multa fuqhom, iżda jsir riferiment għalihom b'mod konġunt bħala “H & R/Tudapetrol”. Ir-rikorrenti ssostni li ma tistax tifhem liema parteċipazzjoni preċiża għandha tiġi attribwita lilha. Għaldaqstant, inkisru d-drittijiet tad-difiża tagħha sa fejn, mid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u mid-deċiżjoni, għandu jirriżulta b'mod ċar liema atti preċiżi jwasslu għall-allegazzjoni ta' ksur ta' dritt u għall-multa konsegwenti.
Sussidjarjament, ir-rikorrenti tilmenta, fit-tieni motiv tagħha, bin-nuqqas ta' prova ta' ksur min-naħa tagħha. Minħabba l-prova ta' natura ġenerali li hija ġabret fil-konfront tad-destinatarji kollha tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni ma kkunsidratx li ma kienet teżisti ebda prova fir-rigward tal-ksur tar-rikorrenti. Ir-rikorrenti tilmenta li l-Kummissjoni ma evalwatx il-provi b'mod suffiċjentement separat u individwali li seta' u kellu juri l-ineffettività tal-provi mressqa fir-rigward tal-ksur li bih hija akkużata r-rikorrenti.
B'mod iktar sussidjarju, fit-tielet motiv tagħha, ir-rikorrenti tallega żball fil-kalkolu tal-ammont bażiku tal-multa, li huwa ogħli wisq.
Permezz tar-raba' motiv tagħha, b'mod dejjem iktar sussidjarju, ir-rikorrenti tallega ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità u ksur tal-prinċipju ta' non-diskriminazzjoni minħabba żball ta' evalwazzjoni fil-kalkolu tal-multa. B'mod partikolari hija tallega żball ta' evalwazzjoni fl-iffissar tad-dħul mill-bejgħ għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur u tal-miżata tad-dħul bħala 17 % u nuqqas ta' proporzjonalità fl-ammont tal-multa minħabba evalwazzjoni spoporzjonata tad-daqs tal-impriża. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tallega applikazzjoni retroattiva inammissibbli tal-Linji gwida dwar il-kalkolu tal-multi tal-2006 għal dan il-każ.
Full & Egal Universal Law Academy