7.3.2009
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 55/34
Rikors ippreżentat fit-8 ta' Diċembru 2008 — Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-554/08)
(2009/C 55/62)
Lingwa tal-kawża: L-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: Evropaïki Dynamiki — Proigmena Systimata Tilepikoinonion Pliroforikis kai Tilematikis AE (Ateni, il-Greċja) (rappreżentanti: N. Korogiannakis, P. Katsimani u M. Dermitzakis, avukati
Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
Talbiet tar-rikorrenti
—
tannulla d-deċiżjoni tad-DĠ TAXUD li tiċħad l-offerta tar-rikorrenti, ippreżentata fir-rigward tas-Sejħa għal Offerti miftħuħa TAXUD/2007/AO-005 (TIMEA) għall-“Provvista ta' servizzi għall-applikazzjonijiet tal-kompjuter tal-Komunità fl-oqsma tad-dwana, tad-dazju u tat-tassazzjoni” (ĠU 2008/S 203-268728) ikkomunikata lir-rikorrenti b'ittra tas-26 ta' Settembru 2008 kif ukoll id-deċiżjonijiet kollha ulterjuri tal-Kummissjoni inkluża dik li l-kuntratt jingħata lill-offerent magħżul;
—
tikkundanna lid-DĠ TAXUD iħallas lir-rikorrenti l-ammont ta' EUR 7 638 125 għad-danni sostnuti b'riżultat tal-proċedura ta' sejħa għal offerti inkwistjoni;
—
tikkundanna lid-DĠ TAXUD iħallas l-ispejjeż legali tar-rikorrenti u spejjeż oħra sostnuti inkonnessjoni ma' dan ir-rikors, anki jekk dan ir-rikors jiġi miċħud.
Motivi u argumenti prinċipali
Permezz tar-rikors tagħha r-rikorrenti trid tikseb, skont l-Artikolu 230 KE, l-annullament tad-deċiżjoni tad-DĠ TAXUD, li tiċħad l-offerta tar-rikorrenti ppreżentata fir-rigward tas-Sejħa għal Offerti miftħuħa TAXUD/2007/AO-005 (TIMEA) għall-“Provvista ta' servizzi għall-applikazzjonijiet tal-kompjuter tal-Komunità fl-oqsma tad-dwana, tad-dazju u tat-tassazzjoni” (ĠU 2008/S 203-268728) ikkomunikata lir-rikorrenti b'ittra tas-26 ta' Settembru 2008, kif ukoll il-kumpens għad-danni skont l-Artikolu 235 KE.
Ir-rikorrenti ssostni li l-Kumitat ta' Evalwazzjoni wettaq diversi żbalji ta' evalwazzjoni manifesti fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-offerta. Skont ir-rikorrenti, il-Kumitat ta' Evalwazzjoni tbiegħed mill-politika normali tal-Kummissjoni u injora d-dispożizzjonijiet inklużi fl-ispeċifikazzjonijiet tal-offerta TIMEA, li jissuġġerixxu li l-awtoritajiet kontraenti għandhom jikkuntattjaw lill-offerent fil-kuntest tal-fażi ta' selezzjoni ta' Sejħa għal Offerti, u jitolbu informazzjoni supplementari jew kjarifiki. Hija ssostni wkoll li l-awtorità kontraenti kisret l-Artikolu 100 tar-Regolament Finanzjarju u l-prinċipji ta' amministrazzjoni tajba u tal-aspettativi leġittimi. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li l-awtorità kontraenti abbużat mill-poteri tagħha u kisret il-prinċipji ta' trasparenza u ta' trattament ugwali previsti fl-Artikolu 93(1) tar-Regolament Finanzjarju.
Ir-rikorrenti ssostni li l-konvenuta naqset milli tipprovdi lir-rikorrenti analiżi xierqa tal-eżitu tal-verifiki mwettqa wara l-kummenti tar-rikorrenti fuq ir-rapport ta' evalwazzjoni.
Ir-rikorrenti tisħaq li l-konvenuta użat b'mod abbużiv il-kriterju ta' selezzjoni sabiex ma tagħżilx l-offerta tar-rikorrenti. B'dan il-mod, kisret l-Artikoli 134(2) u 148(3) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, EURATOM) Nru 2342/2002 (1), kif ukoll l-Artikolu 32(2) tad-Direttiva 92/50 (2).
(1) Regolament tal-Kummissjoni (KE, EURATOM) Nru 2342/2002 tat-23 ta' Diċembru 2002 li jippreskrivi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 fuq ir-Regolamenti [Regolament] Finanzjaru li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU 2002 L 357, p. 1).
(2) Direttiva tal-Kunsill 92/50/KEE tat-18 ta' Ġunju 1992 relatata mal-koordinazzjoni ta' proċeduri għall-għoti ta' kuntratti tas-servizz pubbliku [kuntratti pubbliċi għal servizzi].
Full & Egal Universal Law Academy