21.2.2009
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 44/64
Appell ippreżentat fid-19 ta' Diċembru 2008 mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej mis-sentenza mogħtija fit-13 ta' Novembru 2008 mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-kawża F-90/07, Traore vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-572/08 P)
(2009/C 44/109)
Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż
Partijiet
Appellanti: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (rappreżentanti: J. Curall, G. Berscheid u B. Eggers, aġenti)
Appellat: Amadou Traore (Rhode-Saint-Genèse, il-Belġju)
Talbiet tal-appellanti
—
tannulla s-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tat-13 ta' Novembru 2008 fil-Kawża F-90/07 sa fejn din tilqa' l-ewwel motiv ibbażat fuq irregolarità tal-proċedura tar-reklutaġġ, fuq il-ksur tal-Artikolu 7(1) u tal-Artikolu 29(1) tar-Regolamenti tal-Persunal kif ukoll fuq il-prinċipji ta' trattament ugwali u tal-prospetti ta' karriera, sa fejn il-livell tal-pożizzjonijiet ġie stabbilit għall-gradi AD9 sa AD14 sa fejn hija kkonċernata l-pożizzjoni ta' Kap inkarigat mill-Operazzjonijiet fit-Tanżanija u tannulla ċ-ċaħda tal-kandidatura ta' A. Traore kif ukoll il-ħatra tas-Sur S. għall-imsemmija pożizzjoni;
—
tiċħad ir-rikors ippreżentat minn A. Traore quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-Kawża F-90/07 sa fejn dan intlaqa' mill-imsemmi Tribunal għas-Servizz Pubbliku;
—
tikkundanna lir-rikorrent fl-ewwel istanza għall-ispejjeż tal-appell u tiddeċiedi skont il-liġi fuq l-ispejjeż tal-istanza quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.
Aggravji u argumenti prinċipali
Permezz tal-appell preżenti, il-Kummissjoni titlob l-annullament tas-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku (TSP) tat-13 ta' Novembru 2008, mogħtija fil-kawża Traore vs Il-Kummissjoni, F-90/07, li permezz tagħha it-TSP annulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' Diċembru 2006, li tiċħad il-kandidatura ta' A. Traore għall-pożizzjoni ta' Kap inkarigat mill-Operazzjonijiet fid-delegazzjoni tal-Kummissjoni fit-Tanżanija u d-deċiżjoni li jinħatar kandidat ieħor għal din il-pożizzjoni, safejn il-livell tal-pożizzjoni inkwistjoni li kellha timtela' kien ġie stabbilit għall-gradi AD 9 sa AD 14 (u ma ġiex limitat għal wieħed mill-gruppi ta' żewġ gradi AD 9/AD 10, AD 11/AD 12 jew AD 13/AD 14).
Insostenn tal-appell tagħha, il-Kummissjoni tqajjem aggravi ibbażati rispettivament fuq:
—
żball ta' dritt imwettaq mit-TSP meta injora s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-8 ta' Lulju 2008, Il-Kummissjoni vs Economidis (T-56/07 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra), sa fejn it-TSP illimita b'mod żbaljat il-portata ta' din is-sentenza għall-każ biss tal-mili tal-pożizzjoni ta' kap tal-unità, filwaqt li l-istess kundizzjonijiet japplikaw għal pożizzjoni mhux maniġerjali bħal dik inkwistjoni f'dan il-każ partikolari;
—
injorar tal-prinċipji tar-rispett tal-interess ġenerali tas-servizz u tal-amministrazzjoni tajba.
Full & Egal Universal Law Academy